Minn Fr Mario Attard OFM Cap

Erba’ valuri-forċina għas-sena 2018


Kienet grazzja u privileġġ għalija li nikkummenta l-messaġġ u l-barka solenni tal-Papa Franġisku fuq it-TV u r-Radju. Din il-grazzja tagħtni l-opportunità biex naqsam mal-poplu kollu ta’ Malta u Għawdex il-messaġġ u l-barka għal sena ġdida ħerġin mill-forn tal-imħabba ta’ Kristu Ġesù permezz tal-Papa Franġisku.

Il-messaġġ għall-51 Jum Dinji tal-Paċi, li din is-sena kellu bħala titlu: Immigranti u rifuġjati: irġiel u nisa li qed ifittxu l-paċi, kien attwalissimu għaż-żminijiet li qiegħdin ngħixu fihom! Kif qal tajjeb Papa Franġisku hawn mal-“250 miljun immigrant fid-dinja, li minnhom 22 miljun u nofs huma rifuġjati” (nru. 1). Ir-refuġjati, kif afferma l-predeċessur tal-Papa Franġisku, Benedittu XVI, “huma rġiel u nisa, tfal, żgħażagħ u anzjani li qed ifittxu post fejn jgħixu fil-paċi”. Papa Franġisku żied jgħid li “biex isibuh, ħafna minnhom huma disposti jirriskjaw ħajjithom fi vjaġġ li fil-parti l-kbira tal-każi hu twil u perikuluż, jgħaddihom minn taħbit u tbatijiet, jaffrontaw barbed wire u ħitan imtellgħin biex iżommuhom imbiegħda mid-destinazzjoni tagħhom”.

Għalhekk huwa importanti fuq li importanti li jkun hemm erba’ punti li jservu ta’ fundament għall-azzjoni ta’ għajnuna lejn dawn ħutna. Din l-istrateġija li tgħin bis-sħiħ biex dawn ħutna jsibu l-paċi li tant għandhom bżonn tinġabar f’erba’ azzjonijiet: “nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw” (nru. 4).

Nilqgħu. “Ifisser il-bżonn li nwessgħu l-possibbiltajiet ta’ dħul legali, li ma nkeċċux lil min qed ifittex kenn jew hu immigrant lejn postijiet fejn hemm jistennewhom persekuzzjonijiet u vjolenzi, u li nibbilanċjaw il-preokkupazzjoni għas-sigurtà nazzjonali mal-ħarsien tad-drittijiet umani fundamentali” (nru. 4). Fl-Ittra lil Lhud insibu hekk: “Tinsewx tilqgħu lill-barranin; minħabba f’hekk xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu” (Lhud 13:2).

Nipproteġu. “Jfakkarna fid-dmir li nagħrfu u nħarsu d-dinjità bla mittiefsa ta’ dawk li jaħarbu minn periklu reali jfittxu l-kenn u s-sigurtà, li ma nħallux li jiġu sfruttati. Qed naħseb b’mod partikulari fin-nisa u t-tfal li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet fejn jistgħu jkunu esposti iżjed għar-riskji u għall-abbużi li jaslu saħansitra biex ijassruhom. Alla ma jiddiskriminax” (nru. 4). Tant hu hekk li Salm 146 jgħidilna: “Il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla” (Salm 146:9).

Nippromovu. “Jfakkarna fl-appoġġ li rridu nagħtu lill-iżvilupp uman sħiħ tal-immigranti u r-rifuġjati. Fost il-ħafna għodod li jistgħu jgħinuna f’din il-ħidma, nixtieq nisħaq fuq l-importanza li niżguraw lit-tfal u ż-żgħażagħ l-aċċess għal-livelli kollha tal-edukazzjoni: b’dan il-mod huma mhux biss ikunu jistgħu jikkultivaw u jagħmlu l-frott mill-ħiliet tagħhom, imma jkunu jistgħu iktar joħorġu jiltaqgħu mal-oħrajn, imrawma fi spirtu ta’ djalogu u mhux ta’ għeluq u ta’ kunflitt” (nru. 4). Il-ktieb tad-Dewtoronomju jgħallimna li l-Mulej “jħobb il-barrani u jagħtih ħobż u lbies”; imbagħad issejjaħ: “Ħobbu l-barrani, għax intom barranin kontu fl-art tal-Eġittu” (Dewt 10:18-19).

Nintegraw. “Fl-aħħar nett, ifisser li nħallu lir-rifuġjati u l-immigranti jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tas-soċjetà li tilqagħhom, f’dinamika li fiha jistagħna kulħadd u jkun hemm kollaborazzjoni għammiela fil-promozzjoni tal-iżvilupp uman sħiħ tal-komunitajiet lokali” (nru. 4). Fl-Ittra tiegħu lill-Efesin San Pawl jgħidilna: “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2:19).

Qawwi kemm hu qawwi u attwalissimu kemm hu attwalissimu dan il-messaġġ xorta waħda nara li din hija biss l-ewwel parti tar-rejaltà. Hemm parti oħra li jinħtieġ, illum qabel għada, tingħata prijorità daqs din il-parti. Iva! Qed nirreferi għall-istranġieri u l-barranin li għandna fostna. Dawn jgħixu magħna. Trabbew fl-istess familji tagħna. Marru l-istess skejjel tagħna. Huma Maltin u Għawdxin, bħali u bħalek. Jiġu l-quddies magħna. Jgħixu fil-kunventi u l-komunitajiet tagħna. L-għajta ta’ dawn qed triegħed lis-sema. U gwaj għalina jekk lil dawn ninsewhom! L-għaliex, kif jgħid tajjeb il-ktieb tal-Profeta Iżaija għal Ġesù l-Messija: “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani, … bagħtni ndewwi l-qalb miksura” (Is 61:1). Ġesù ġie speċifikament għal dawn ukoll!

X’ħa nagħmlu ħbieb, f’din is-sena, biex nilqgħu lill-istranġieri Maltin u Għawdxin li hawn fostna u li qed iħossuhom waħedhom? Dawn m’humiex anġli wkoll? Kif ħa nipproteġu d-dinjità ta’ min għandu qalbu maqsuma? X’ħa nagħmlu biex ma nħalluhomx jiġu sfruttati aktar? Tgħid il-Mulej mhux anki ma’ dawn ma jiddiskriminax? Lil dawn il-Mulej ma jħarishomx ukoll? Kemm se nippromovu lil dawn ħutna fl-appoġġ li ħa nagħtuhom ħalli jħossuhom tabilħaqq maħbubin? Kemm se nedukaw biex, f’din is-soċjetà, nieħdu ħsieb b’aktar impenn lil min għandu qalbu maqsuma? Kemm ħa niddjalogaw ma’ dawn in-nies li jġorru fihom qalb maqsuma? Mhux il-Kelma ta’ Alla wkoll tgħidilna biex inħobbu lil ta’ qalbhom maqsuma? Kif, f’din is-sena 2018, ħa nintegraw lil min iħossu waħdu u tħossha waħedha? Kif lil dawn in-nies se nipprovdulhom l-iżvilupp uman tagħhom? Min għandu qalbu maqsuma m’huwiex ukoll ċittadin tas-sema? Ma jappartjenix ukoll għall-ġemgħa tal-qaddisin u għan-nies tad-dar ta’ Alla?

Ħbieb, l-erba’ verbi nilqgħu, nipproteġu, nippromovu u nintegraw huma l-erba’ valuri-forċina għas-sena 2018 l-għaliex jiġbru lil kulħadd!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s