Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tnejn, 15 ta’ Jannar 2018

L-Evanġelju tat-Tnejn, 15 ta’ Jannar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 2, 18-22

It-tieni konfront. Din id-darba minn żewġ naħat. Jidher li qed iqumu paraguni bejn id-dixxipli ta’ Ġwanni l-Għammiedi u l-Fariżej u d-dixxipli ta’ dan l-imgħallem il-ġdid Ġesù ta’ Nazaret. Huwa konfront dirett ma’ Ġesù; il-mistoqsija qed issir lilu. Għaliex aħna nsumu u d-dixxipli tiegħek ma jsumux? Ma jidhirlekx li dan mhux xieraq? Ma tafx li qed jiksru l-liġi?

It-tweġiba ta’ Ġesù tmur lil hinn mill-iskrupli żejda ta’ min irid jikkritikah. Huwa jipproklama lilu nnifsu bħala dak li jferraħ, dak li l-preżenza tiegħu tnissel l-hena li ma titfissirx bis-sawm għall-għan ta’ penitenza. Min hu ma’ Ġesù m’għandux għalfejn jitnikket, lanqas għall-ħtijietu għax il-ħniena u l-imħabba tiegħu jisbqu kull ħtija.

Għall-ewwel darba Ġesù jsemmi l-fatt li xi darba għad jittieħed, u dakinhar ikun jum ta’ swied il-qalb. Mhux jgħid ‘jekk jittieħed’, imma ‘meta jittieħed’. Jaf li ma ġiex biex jibqa’ u li jmur mhux għax jitlaq imma għax jeħduh. Iktar ’il quddiem jagħti iktar dettalji dwar it-teħid tiegħu, kif għandu jkun u min se jwettqu.

Barra minn hekk Ġesù jiftaħ għajnejn dawk li qed jinterrogawh, li ma jistgħux jibqgħu jirraġunaw dak li Alla qed iwettaq b’mentalità qadima. Jekk wieħed irid jilqa’ l-mod ġdid ta’ Alla, irid jilqgħu b’disponibiltà ġdida. Spiss jiġri, anke fil-Knisja, li ngħixu ħajja nostalġika, imxennqa għall-imgħoddi mingħajr ma nindunaw li l-imgħoddi għadda u mar. Hemm imgħoddi li jogħġobna, iqanqalna għal ħajja li llum mhix possibli iktar li tgħixha, imma li hija aljenazzjoni kbira mill-preżent tagħna. Spiss nappellaw għall-biża’ u t-terrur imposti minn awtorità trijonfali li iktar għandha għeruq f’ordni mibni mill-bniedem milli fuq il-kelma ta’ Ġesù fl-Evanġelju. Dan jispjega għaliex jogħġobna passat u mhux ieħor; għaliex naħsbu u nixtiequ li kollox beda f’ċertu żmien u ma mmorrux direttament fil-għajn ta’ kollox.

Jiena l-għajn li minni jnixxu xmajjar ta’ ilma ħaj, qal darba Ġesù. Donnu aħna ma nesgħux l-ilma ta’ dawn ix-xmajja ru għalhekk nippruvaw nillimitawhom, inċekknuhom b’tali mod u manjiera li jkunu jiġuna, imfasslin skont dak li naħsbu li nesgħu jew skont dak li jogħġobna. Dan iwassalna biex inqigħedu l-verità ġo forma li ħloqna aħna.

B’hekk qed nissugraw li nitilfu kemm l-inbid u kemm id-damoġġjani.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: