Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Lil hinn mit-tieqa sagra

Lil hinn mit-tieqa sagra


Kien jum sabiħ tal-ħarifa. Ix-xemx kienet diġà telgħet fis-sema sabiħ. Ikħal nir. Il-jum, ghalkemm kien frisk, xorta waħda kien iħajrek tgħidx kemm! Għalhekk, misjuq minn dik iż-żiffa li niżlitli għasel, għodu għodu, wara lejl maqful f’kamarti tat-talb u l-ġabra, aqta’ kemm ħassejtha taħjijni! Tagħtini l-ħajja!

U ħrigt iva fil-beraħ tal-veranda. Ħriġt mill-ħabs tas-sagru. U bdejt inħares ‘l hawn u l’ hemm madwari. Kif imnifsejja ltaqgħu ma’ dik iż-żiffa ħelwa ħelwa, minn għajnejja beda ileħħ u jinżel id-dmugħ. Naf! Kien dmugħ is-sogħba. L-għaliex tbegħdna daqshekk minn dak li riedna Ġesù Kristu? Dak li lanqas saqaf fuq rasu ma kellu fejn jgħix? Aħseb u ara kull kunvent daqs dinja? Li ma jispiċċa qatt? Għajnejja aktar issuktaw jdemmgħu. L-għaliex kif jista’ ikun nibqa’ nissejjaħ għal dak li m’għamel xejn tiegħu? Għal dak li kien ferħan, jiġri mal-għelieqi? Ħieles? L-għaliex, kulma ried, kien li jgħix il-Vanġelu fir-radikalità tiegħu? Mill-qiegħ nett? Uff! Xi qtugħ ta’ nifs!

Imma issa kelli grazzja kbira quddiemi. Kelli l-barka li nħares, almenu għal dik id-darba, ‘il barra minni! Kelli iva opportunità li nħares ‘il barra ħa nara u napprezza l-beraħ li kelli mħejji quddiem għajnejja! Dak il-beraħ li lili tant jagħmilli tajjeb u jferraħni! (Almenu! Għad fadalli nitfa’ minn Missieri Franġisku!) Ħarist u rajt il-koppla. Li fakkrittni fil-qassisin,fil-parroċċa, fin-nies, fil-parruċċani, fil-festa. Bil-mod! Dawn jibqgħu x-xinxilli ħbieb! Fil-verità hemm ħafna aktar minhekk! Taħt dik il-koppla hemm familji li għandhom storja daqshiex u mill-kbar nett. Storja li tinstab maqfula fil-ħitan ta’ darhom. Alla biss jaf b’dawn l-istejjer! Hu biss jista’, tabilħaqq, jifimhom!

Imbagħad, imsieħeb mill-għana ħlejju tal-għasafar, bqajt niġri iva b’ħarsti. Ħa nara. Ħa ngħarrex. Ħa niffoka. U sibt ħafna siġar tal-bajtar fil-bogħod. Il-bajtar! Kemm hu tajjeb il-bajtar! Din l-għajta f’widnejja fakrittni fix-xiħ li kien jiġi taħt iz-zuntier ibiegħ il-bajtar. B’dak il-pram antik li min jaf kemm kien għabba fih lill-uliedu stess. L-għaliex ix-xiħ kellu familja daqshiex. Kemm kien jolqotni dak leħnu, imsajjar biż-żmien! Maħnuq maħnuq. Iżda mimli ħajja u ħajja bil-kotra. Għadni niftakar fih u aqta’ kemm nieħu kuraġġ! Il-Mulej ibierkek ħabib u jagħtik il-mistrieħ ta’ dejjem!

Madwar is-siġar tal-bajtar rajt il-ħitan tas-sejjieħ li kienu jdawwru l-għelieqi. Xi ġmiel! X’sengħa dik! Imbagħad hawn min imaqdar lill-Maltin u lill-Għawdxin! U ibla’ ilsienek sieħbi u ara sewwa x’hawn madwarek! Ara b’liema sengħa u ħila għandu fih dan il-poplu! U, għal darba, ħares lejn l-interessi tagħhom u qatt dawk tiegħek li qed imarrduk ghax hatfulek il-paċi f’qalbek! Intant!

Bqajt indur u rajt l-arbli għoljin bojod. L-arbli tal-festa. Lesti biex magħhom jilqgħu l-bnadar. Isa! Iġri tiġi l-festa ħa nifirħu flimkien. U l-għaliex le? Mela aħna ġejna maħluqa biex naħdmu biss? Ġejna maħluqa biex insibu d-difetti ta’ xulxin u hekk, ħajja li tgħaddi daqs żiffa riħ, lanqas ċans ma jkollna li ngawduha ftit!

Harsti baqgħet iddur u reġgħet issa waħlet fuq il-kannella tal-għelieqi. Dik il-ħamrija li hija l-maxtura għal tant frott u ħxejjex bnini. Fejn sieħbi se issibha l-patata ta’ Malta jekk mhux f’pajjiżna? U dak it-tadam ċkejken ċkejken imma ta’ sugu li ma ngħidlekx? U dak it-tewm, żghir żghir, imma ta’ qawwa mill-kbar nett? Fejn se ssibhom dawn u tant prodotti oħra? Nixtieqek biss tgħidli fejn? Ħa nara jiena wkoll! Dawk l-għelieqi issuktaw ifakkruni fix-xogħol kbir li wettqu missirijietna fil-qasam tal-bidja. U, kemm nagħmlu sewwa li, minkejja l-modernizzar li sar f’dan il-qasam, nissuktaw iva fejn waqfu huma.

Erġajt b’ħarsti ġejt lura għat-triq. L-għaliex il-ħajja stess hija triq. Triq li dejjem serja. ‘Il quddiem! Triq li tfakkarni f’dak li hu t-Triq. U t-Triq la għandha kampnar u lanqas koppla. La għandha kuritur u lanqas il-kamra tal-ikel tal-kunvent. It-Triq hija triq. Iva siehbi! Ibqa’ bniedem u bniedma tat-Triq. Tħallat. U, bilħaqq, itlob għalija wkoll, ħalli jiena wkoll inkun tat-Triq. U qatt tal-kunvent. Magħluq u imsakkar għax beżgħan mill-isfidi li joffrili Dak li hu t-Triq.

U mhux għalhekk li Papa Franġisku, lilna l-patrijiet u l-qassisin, iridna nkunu tat-Triq? Biex, u dan ngħidu b’qawwa kbira għalija l-ewwel wieħed, li għal darba nista’ ngħid li jien wieħed minn dawk ta’ Dak li hu t-TRIQ!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: