Rigal għas-sena kollha


Wara l-Quddiesa ta’ Nofsillejl, fil-parroċċa tagħna u anki f’diversi parroċċi mxerrdin ma’ Malta, ingħatat kartolina tassew ħelwa. Din il-kartolina tal-Milied kienet iffirmata minn Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta.

Dan ir-rigal, bl-awgurju ta’ Il-Milied it-Tajjeb, kellu siltiet mill-isbaħ u ferm addattati mill-katekeżi tal-Papa Franġisku li għamel waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, 13 ta’ Diċembru, 2017. Anki dak li kien hemm miktub fuq in-naħa ta’ fuq tal-kartolina seraq il-qlub: Il-Papa Franġisku jistaqsi: Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?

Kulħadd jaf biċ-ċensiment li sar dwar l-attendenza tal-Quddiesa tal-Ħadd f’Malta. U, bħalma ħafna jafu diġà, l-attendenza għall-Quddiesa tal-Ħadd fostna, qiegħdha, kulma jmur, tinżel. U tinżel ġmielha. Bħalma, sintendi, ilha sejra lura bħall-granċ dik f’pajjiżi Ewropej oħra. Iżda, u minkejja dan in-nuqqas fl-attendenza, il-Quddiesa tal-Ħadd tibqa’ tilgħab parti mportanti fil-ħajja tagħna l-Insara. Anki jekk, u għal għadd ta’ raġunijiet, uħud minna jippruvaw inaqqsu l-importanza tagħha f’ħajjithom. Mela hawn hi l-mistoqsija tal-Papa Franġisku: Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?

Minħabba l-attendenza kbira tal-Quddiesa ta’ Nofssillejl f’Malta l-pass li sar biex tinġieb l-katekeżi tal-Papa Franġisku dwar dan is-suġġett kien tabilħaqq għaqli. B’hekk ħafna kellhom iċ-ċans li tingħatalhom it-tweġiba għal tant mistoqsijiet li għandhom f’moħħhom dwar din l-imbierka quddiesa!

Imma l-għaliex il-Ħadd hu jum il-Mulej?

“Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tal-Ħadd hi fil-qalba tal-ħajja tal-Knisja (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2177). Aħna l-Insara mmorru l-Quddiesa l-Ħadd biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, jew aħjar, biex inħallu lilu jiġi jiltaqa’ magħna, nisimgħu kelmtu, insostnu ruħna mill-mejda tiegħu, u hekk insiru Knisja, jiġifieri l-Ġisem mistiku ħaj tiegħu fid-dinja”

Tant hu hekk li “sa mill-bidu fehmuh id-dixxipli ta’ Ġesù, li ċċelebraw il-laqgħa Ewkaristika mal-Mulej fil-jum tal-ġimgħa li l-Lhud kienu jsejħulu ‘l-ewwel tal-ġimgħa’ u r-Rumani ‘jum ix-xemx’, għax f’dak il-jum Ġesù qam minn bejn l-imwiet u deher lid-dixxipli, tkellem magħhom, kiel magħhom, tahom l-Ispirtu s-Santu (ara Mt 28:1; Mk16:9,14; Lq 24:1,13; Ġw 20:1,19), kif smajna fil-Qari mill-Iskrittura. Anki meta l-Ispirtu niżel b’qawwa fuqhom f’Pentekoste, dan seħħ il-Ħadd, ħamsin jum wara l-qawmien ta’ Ġesù. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ħadd hu jum qaddis għalina, imqaddes miċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, preżenza ħajja tal-Mulej fostna u għalina. Mela hi l-Quddiesa li tagħmel il-Ħadd Nisrani! Il-Ħadd Nisrani jdur madwar il-Quddiesa. X’Ħadd ikun, għan-Nisrani, dak li fih tibqa’ nieqsa l-laqgħa mal-Mulej?

Barra minhekk, “mingħajr Kristu aħna kkundannati li nibqgħu maħkuma mill-għeja tal-ħajja ta’ kuljum, mit-tħassib tagħha, u mill-biża’ tal-għada. Il-laqgħa mal-Mulej f’jum il-Ħadd tagħtina l-qawwa li ngħixu l-ġurnata b’fiduċja u kuraġġ u biex nibqgħu mexjin bit-tama f’qalbna. Għalhekk aħna l-Insara mmorru niltaqgħu mal-Mulej nhar ta’ Ħadd, fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika”.

Ukoll, “il-Komunjoni Ewkaristika ma’ Ġesù, Rxoxt u Ħaj għal dejjem, tantiċipa dak il-Ħadd li fuqu x-xemx ma tinżel qatt, meta mhux sa jkun hemm iżjed taħbit, lanqas tbatija, lanqas luttu, u lanqas dmugħ, imma biss il-ferħ li ngħixu b’mod sħiħ u għal dejjem mal-Mulej. Anki dwar dan il-mistrieħ ta’ hena tkellimna l-Quddiesa tal-Ħadd, u tgħallimna kif, mal-mixja tal-ġimgħa, nafdaw ruħna f’idejn il-Missier tas-Smewwiet”.

Ġieli qaluli: “Patri! Jien il-Quddiesa ma mmurx. L-aqwa li ngħix tajjeb, inħobb lill-proxxmu u ma nagħmel ħsara lil ħadd”. Imma dan veru? “Hu minnu li l-kwalità tal-ħajja Nisranija titkejjel skont il-ħila li wieħed iħobb, kif qal Ġesù: ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom’ (Ġw 13:35); imma kif nistgħu ngħixu l-Vanġelu mingħajr ma nixorbu l-enerġija meħtieġa biex nagħmlu dan, Ħadd wara l-ieħor, mill-għajn ma taqta’ qatt tal-Ewkaristija? Aħna ma mmorrux il-Quddiesa biex nagħtu xi ħaġa lil Alla, imma biex nirċievu mingħandu dak li għandna bżonn tabilħaqq. U għalhekk, għaliex għandna mmorru l-Quddiesa l-Ħadd? Mhux biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal-Knisja; dan jgħinna nżommu sħiħ il-valur tagħha, imma waħdu mhux biżżejjed. Aħna l-Insara għandna bżonn li nieħdu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd għax hu biss bil-grazzja ta’ Ġesù, bil-preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu nqiegħdu fil-prattika l-kmandament tiegħu, u hekk insiru xhieda kredibbli tiegħu”.

Xi tweġiba dik dwar l-għaliex għandi immur il-Quddiesa tal-Ħadd! Dan rigal għas-sena kollha!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.