Il-Papa beda l-vjaġġ tiegħu fiċ-Ċilì

Print Friendly, PDF & Email

Fl-ewwel diskors tiegħu waqt iż-Żjara Pastorali fiċ-Ċili, il-Papa Franġisku qal li aħna lkoll imsejħa biex ngħinu fil-bini ta’ pajjiżna filwaqt li nagħmlu minn kollox biex niddefendu u nħarsu l-ħolqien. Il-Papa qal li ċ-Ċili hu pajjiż għal qalbu ħafna għax fi tfulitu għex u ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu hemmhekk u qal li l-Innu nazzjonali tal-pajjiż hu għanja ta’ tifħir għal din l-art mimlija promessi u sfidi imma fuq kollox mimlija tama għall-futur.

Hu sellem lill-poplu Ċilen kollu u qal li kien rikonoxxenti għall-preżenza ta’ membri tal-Gvern, tal-Parlament, tal-Qorti, tal-awtoritajiet tal-istat u l-Korp Diplomatiku filwaqt li awgura lill-President il-ġdid tal-pajjiż, Sebastian Pinera Echenique li għadu kif irċieva l-mandat tal-poplu biex imexxi l-pajjiż għall-erba’
snin li ġejjin.

Iċ-Ċile iddistingwa ruħu bħala pajjiż demokratiku li qed jara progress b’saħħtu u l-aħħar elezzjoni kienet turija ta’ maturità tas-soċjetà meta din is-sena l-pajjiż qed jiċċelebra l-200 sena mill-kisba tal-indipendenza.

Il-Papa Franġisku kkwota diskors li kien għamel il-Kardinal Silva Henriquez li qal “aħna lkoll bennejja ta’ dan ix-xogħol sabiħ –pajjiżna”. Qal li kull ġenerazzjoni trid tieħu l-ġlidiet u l-kisbiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabel filwaqt li timmira aktar ‘l fuq. L-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà ma jinkisbux darba għal dejjem imma rridu niksbuhom kuljum. Mhux possibbli li nkunu kuntenti b’dak li nkiseb fil-passat u ma nistgħux ninjoraw il-fatt li ħafna minn ħutna għadhom isofru minn inġustizzja li ħadd minna ma’ jista’ jinjora.

“Quddiemkom għandkom sfida kbira u eċitanti: li tkomplu taħdmu biex tagħmlu dan il-pajjiż demokratiku, post veru fejn kulħadd, mingħajr eċċezzjoni iħossu msejjaħ biex jibni dar, familja u pajjiż jismu Ċili. Pajjiż ġeneruż u li jilqgħek, kburi bl-istorja tiegħu u impenjat favur l-armonija soċjali u jħares ‘il quddiem b’tama fil-futur. Il-futur jiddependi fuq il-ħila tal-poplu u l-mexxejja tiegħu, li jisimgħu.

Il-kapaċità li wieħed jisma’ hi ferm importanti f’dan il-pajjiż li d-diversità etnika, kulturali u storika tiegħu għandha tinżamm bogħod minn kull spirtu partiġġjan jew attentati ta’ dominazzjoni u tispirana biex nibdlu ideoloġiji dojoq ma’ ħidma għall-ġid komuni. Hemm bżonn nisimgħu.

Nisimgħu lil min hu bla xogħol, li ma jistgħux isostnu l-familja lal-lum u anqas fil-futur. Nisimgħu lill-popli indiġeni li spiss ikunu minsija. Id-drittijiet u l-kultura tagħhom għandhom ikunu protetti għax inkella jitilfu l-identità tagħhom.
Nisimgħu lill-emigranti li jħabbtu fuq il-bieb ta’ dan il-pajjiż fi tfittxija għall-futur aħjar u jgħinu biex jinbena futur aħjar għal kulħadd.

Nisimgħu liż-żgħażagħ u x-xewqa tagħhom għal opportunitajiet akbar speċjalment fl-edukazzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu sehem attiv fil-bini taċ-Ċili li joħolmu bih filwaqt li nipproteġuhom mill-pjaga tad-drogi li jisirqulhom il-fjur ta’ ħajjithom.
Nisimgħu lill-anzjani li għandhom għerf kbir imma għandhom ukoll bżonnijiet partikolari. Lil dawn ma nistgħux nabbandunawhom
Nisimgħu lit-tfal li jħarsu lejn id-dinja b’għajnejn mistagħġba u innoċenza u jistennew minna risposti konkreti għal futur dinjituż. Hawnhekk inħoss li għandi nesprimi l-weġgħa u l-mistħija għall-ħsara irreparabbli li saret lil xi tfal minn uħud mill-ministri tal-Knisja. Jien u ħuti l-Isqfijiet nitolbu maħfra u nagħmlu kull sforz biex nappoġġjaw lill-vittmi filwaqt li nimpenjaw ruħna li naraw li affarijiet bħal dawn ma jerġgħux isiru.

B’din il-ħila li nisimgħu, aħna mistiedna – speċjalment illum – li nagħtu attenzjoni speċjali lid-dar komuni tagħna: li nsostnu kultura li tieħu ħsieb id-dinja u ma nkunux kuntenti li nwieġbu għall-problemi ekoloġiċi u ambjentali gravi. Hemm bżonn li b’kuraġġ nadottaw mod distint kif inħarsu lejn l-affarijiet, kif naħsbu, il-politika li nadottaw, il-programm edukattiv, l-istil tal-ħajja u spiritwalita’ li lkoll flimkien joħolqu reżistenza għall-attakk tal-paradigma teknokratika li tħalli interessi ekonomiċi b’saħħithom jirbħu fuq in-natura u allura fuq il-ġid komuni tal-popli.

L-għerf tal-poplu indiġenu jista’ jikkontribwixxi ħafna lejn din il-mira. Minnhom nistgħu nitgħallmu li poplu li jagħti dahru lill-art u dak kollu u kulmin hemm fiha, ma jista’ qatt ikollu żvilupp veru. Iċ-Ċili għandu minjiera ta’ għerf li għandu jgħinha nittraxxendu veduta esklussivament konsumista u nadottaw attitudni għaqlija għall-futur.

Iċ-Ċili għandu vokazzjoni li lkoll imsejjħa biex naħdmu għaliha u li minnha ħadd ma għandu jħossu eskluż jew mhux meħtieġ. Din hi vokazzjoni li titlob għażla radikali ta’ ħajja speċjalment minn dak kollu li qed jheddidha.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading