Aħbarijiet

“Kull soru hi ġrajja ta’ ġenerożità”


Il-Ġimgħa, 12 ta’ Jannar 2018: Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn meta s-Sorijiet tal-Karità ta’ Santa Ġovanna Antida Thouret bdew il-ħdima tagħhom fid-Dar tal-Providenza, il-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi ċċelebra Quddiesa ta’ ringrazzjament f’din id-Dar. Fil-messaġġ tiegħu huwa tkellem dwar l-importanza li l-ħajja tkun dejjem imħarsa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta hi l-iżgħar nett, meta hi dipendenti totalment fuq ħaddieħor imma hi ħajja umana, sat-tmiem naturali tagħha, meta kultant ukoll tfisser dipendenza.

vigarjuJekk xi ħadd idaħħal eċċezzjoni, l-ewwel ma jbati hu proprju min hu dipendenti fuq ħaddieħor; imma aħna ngħożżu d-dinjità ta’ kull persuna u, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, nagħtu attenzjoni speċjali lil min jeħtieġha. Kull persuna timmerita l-imħabba u l-attenzjoni tagħna, u iktar ma jkollha ostakli, aktar timmerita l-għajnuna biex tegħleb l-ostakli.
Ġesù jgħallimna ngħixu dan is-servizz bil-ferħ. Hemm din in-nota fis-silta li smajna mill-Profeta Isaija, li tfisser il-ferħ ta’ ministeru ta’ faraġ, għajnuna, liberazzjoni: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi.” Hu l-ferħ tal-Evanġelju, il-ferħ li jittieħed u joħloq ambjent tassew sabiħ ukoll fl-iktar mumenti ta’ sfidi fil-ħajja.

U Ġesù jgħallimna ngħixu dan is-servizz bi mħabba sħiħa. Meta ngħixu l-vokazzjoni tagħna bi mħabba qawwija, ġa nkunu qed nagħżlu l-aqwa u l-aħjar li jista’ jkollna fil-ħajja. U tkun l-isbaħ tħejjija wkoll għat-tmiem tal-mixja ta’ ħajjitna, kif jgħid San Ġwann tas-Salib: ‘Fl-għabex ta’ ħajjitna se nkunu ġġudikati fuq kemm ħabbejna.”

Għal din l-okkażjoni kienet preżenti wkoll Suor Mary Stephanos, il-Provinċjal tas-Sorijiet tal-Karità għal Malta u l-Italja u ġiet tirrappreżenta s-Superjura Ġenerali Suor Nunzia De Gori.

Hi qalet li tista’ biss timmaġina kemm fil-bidu din il-missjoni  dehret diffiċli għas-sorijiet, imma fuq l-eżempju tal-Fundatriċi tagħhom, Santa Ġovanna Antida li kellha fiduċja għamja fil-Mulej, huma daħlu b’ruħhom u ġisimhom għal dan ix-xogħol, konvinti li Alla, li sejħilhom, ma kien se jabbandunahom qatt.
Saħqet li hija biss l-imħabba infinita tal-Mulej li tagħtihom l-kapaċità li jingħataw kompletament għall-oħrajn u jagħtu d-dinjità u r-rispett li kull persuna maħluqa xbieha t’Alla jistħoqqilha.

Fr Martin, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, f’isem ir-residenti huwa rringrazzja lis-sorijiet għad-dedikazzjoni tagħhom b’għotja sħiħa u disinteressata biex il-persuni b’diżabilità li jgħixu fid-Dar isibu ambjent li jirrispetta d-dinjità u d-dirittijiet tagħhom.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s