Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 3, 7-12
Mhux kulħadd huwa konxju li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu hija universali. Il-kelma ‘kattolika’ tfisser universali. U universali ma tfissirx li hija marbuta ma komunità waħda, parrokkjali jew djoċesana, kif kultant għandna t-tendenza li naħsbu. Meta nirraġunaw b’dan il-mod, jiġifieri li naħsbu li l-Knisja hija aħna biss, jiħolqu piki u firdiet u differenzi fuq intietef u rabtiet ma’ dak li mhux essenzjali u niddistakkaw ruħna minn dak li hu ndispensabbli. Mingħajr ma niġġustifikaw il-ħsarat li jistgħu isiru minn mentalità daqshekk dejqa dwar dak li hi l-Knisja, nistgħu ngħidu li dan il-ħsieb kien ukoll fi żmien meta Marku kiteb l-Evanġelju tiegħu. Xorta kellu l-istess effetti ta’ ħsara, li kemm l-Appostlu Missierna kif ukoll kittieba bibliċi oħra, fl-ewwel seklu, ħassew ħtieġa kbira li jfiehmu lill-ewwel komunitajiet ta’ fidi kontrih.
San Mark jibda billi jgħidilna li l-popolarità ta’ Ġesù, l-iktar minħabba l-barka li kien iġib, bi ħniena kbira, fil-fejqan mill-mard, meta l-mard kien meqjuż bħala saħta miġjuba bid-dnub. Ninnutaw li Marku jgħidilna lil-fama tiegħu kienet ġejja minn dak li għamel mhux wisq minn dak li qal. Iżda L-emfasi tal-evanġelista qiegħed fuq il-firxa bla tarf ta’ provenjenzi li l-folla kienet ġejja minnhom. Tista’ tgħid li jsemmi is-saltniet kollha tal-Lvant tal-Mediterran u barra minn hekk isemmi ż-żewġ portijiet ta’ Tir u Sidon (li minnhom, snin qabel, ġew il-Feniċi li ħakmu u bdew industriji għall-esportazzjoni f’Malta); żewġ portijiet li kienu l-bibien tal-Lvant fuq il-baħar Mediterran; fihom kienu jidħlu u minnhom joħorġu, minn kull ġens magħruf, baħħara u negozjanti.
Il-Knisja hija universali: ma hi marbuta ma’ ebda poplu u hija miftuħa għal kull bniedem. Ir-raġuni mhix il-ħtieġa ta’ żieda fil-kwantità, iżda Ġesù Kristu ġie għal kulħadd, hu ta’ kulħadd u jrid likulħadd isalva. Is-sejħa tiegħu mhix sejħa għal individwu iżda sejħa għall-individwu biex, flimkien ma’ oħrajn, jgħix ħajja tixbaħ lil tiegħu f’komunitajiet ta’ ndividwi li jemmnu u jgħixu dak li jemmnu, komunitajiet li anke bid-diversità tagħhom jagħmlu l-familja ta’ Alla fuq din l-art.
Il-kotra kienet kbira, kulħad diross fuq xulxin, biex jersqu lejh u jmissuh, għax minnu kienet tinħass ħierġa l-qawwa tal-ħniena li tfejjaq. Kellu xorti li ma spiċċax il-baħar; għalhekk kienu jżommu dgħajsa għal-lest biex kif ma jkunx jista’ joqgħod fuq ix-xatt kien jitla’ fiha u jkompli jgħallem minn fuq il-baħar.
L-ispirti ħżiena kienu jgħarfuh iżda baqgħu ma jemmnux fih. L-għarfien tagħhom kienu jużawh b’ipokresija kbira. Min kien jismagħhom jagħmlu din l-istqarrija, seta’ jaħseb li kienu qed iqimuh, oħrajn setgħu jaħsbu li kien miftiehem magħhom’ kienu jinxteħtu fl-art quddiemu bħal biex jadurawh, iżda kienu jibżgħu li jkeċċihom mill-persuni li kienu jaħkmu.
Qatt m’għandna nimpressonaw ruħna mill-atti esterni ta’ qima vojta mit-twemmin veru u għajxien konkret. Min ixekkel il-ħelsien tal-bnedmin u jinżel iqim lil Alla huwa giddieb u qarrieq. Qatt ma jista’ jkun li bniedem iqarraq bil-bnedmin u jġib ’il quddiem dak li jmur direttament kontra l-ħsieb ta’ Alla u fl-istess ħin jagħti qima esterna ġenwina. Hija qima falza u qarrieqa użata biss biex tiġġustifika quddiem il-bnedmin l-intenzjonijiet malizjużi u perversi.
Minn naħa l-oħra qatt ma nistgħu niġġustifikaw ħajja mbiegħda mir-rieda ta’ Alla billi ninfexxu u nogħxew f’manifestazzjonijiet esterni ta’ entużjażmu ta’ ftit ħin, li ma jħalli ebda frott ħlief it-tkabbri tad-dagħbien u l-vojt bejnna u bejn l-oħrajn u bejnna u bejn Alla.
Il-ħajja tqanqal għall-qima u l-qima tħeġġeġ il-ħajja. Waħda ma teskludiex lill-oħra; imma waħda ma tgħaddix mingħajr l-oħra.