Minn Tal-Virtù


Waqfittni l-karozza ħdejn il-Belt Siekta. Il-Belt tal-ħolm, li għalija, bħala Malti, imkabbar biha li ma ngħidx! L-għaliex hija plier sod u li jsemma leħnu bil-qawwa tal-istorja ta’ ġensi.

Inżilt. U qbadt miexi. Għodu għodu. F’dik l-għodwa tabilħaqq mill-isbaħ li taf tagħti l-ħarifa. Imxejt qalb il-karozzi li, f’dik is-siegħa, ma kienux le xi għalqa. Anzi! It-triq kienet għadha ħafna lil hinn minn dawk is-soliti kjuwijiet ma jaqtgħu xejn ta’ karozzi jdaħħnu. Għalhekk, fil-mixja tiegħi, stajt iva ingawdi dik l-arja friska. Arja ta’ staġun li hu lest li jbiddel lewnu u mixjietu. Staġun ġdid li jagħti nifs ġdid lilna l-Maltin u l-Għawdxin. Staġun li jdaħħalna mill-ġdid fid-daqqa siekta tal-għatba tax-xitwa.

Il-Ħadd. Jum il-Mulej! Hekk hu li dan il-jum, għalkemm int ja Malta għamilt passi ta’ gġant fil-qasam tal-progress imma dan il-jum daħal tant fik. Hekk li b’riħietu għadu jsebbħek. Jagħmlek speċjali u leqqiena fost il-ġnus ta’ madwarek u anki fost dawk ta’ lil hinn minnek! U, il-passi tal-Patri, baqgħu jikbru, joktru, sakemm qasmu t-triq u daħlu lejn Tal-Virtù. Imxejt biċċa oħra sakemm passejja ħaduni lejn spettaklu li għadu sewwa ittimbrat f’moħħi. Spettaklu li żgur mhu se ninsieh qatt.

L-għaliex sewwasew f’dak il-jum, fejn is-siegħa għaġġelija tas-sajf reġgħet lura għall-pass kajman ħarifi tagħha, jien rajt quddiem għajnejja dehra tas-sema. Rajt, minn fuq tal-Virtù, tapit kbir u ħadrani. Li jibqa’ nieżel nieżel u jiksi l-wied sabiħ li fuqu kien mifrux. Għal din id-dehra ma stajtx le ma niffissax ħarsi u nitpaxxa b’dak li l-Mulej żejjen bih lil din l-Art ħanina. Lil din l-Omm ħelwa li tagħtna isimha. F’dak il-mument tassew mill-isbaħ u ta’ ġmiel ħassejtni iva msejjaħ nintefa’ biswit dak il-bank dehbi. Mhux għall-materjal tiegħu daqskemm għall-pożizzjoni eċċellenti biex nara dak il-film ħaj quddiemi.

Is-skiet tal-jum, li kien beda dieħel ġmielu ġmielu fil-mixja tiegħu, fakkarni li waħdi ma kontx. Fakkarni li miegħi, għalkemm ma kontx qed naraha, kelli kumpanija mill-aktar safja u fidila. Iva! Kienet iż-żiffa friska u ħelwa li l-jum ipprovdilna ngawdu. U l-kwantità tagħha nista’ ngħid li kienet ġeneruża wkoll għal Gżiritna. Sittax-il grad celsius. Mela temp eċċellenti li fih stajt nitpaxxa ngħix l-avventura smewwija fuq l-Art Maltija.

Issa li għajnejja kienu mgħaxxqa bl-għaġeb ta’ ħolqien li kienu qiegħdin jaraw kien imiss issa lil widnejja biex jieħu s-sehem tagħhom minn dan l-għors tas-sbuħija naturali Malti. U hawn hu l-għors! Smajt, ġej bil-mod il-mod, minn warajja, il-ħoss tal-mutur. Imbagħad smajt ukoll ħoss il-karozza li waqqfet bix-xuffier li kien għadu fiha. Kemm dehru jgħammxu r-raġġi qawwija tax-xemx ta’ dik l-għodwa fuq il-pjanċi tagħha! Imma, u f’daqqa waħda, instemma l-kor rappreżentant tal-anġli tas-smewwiet. Kien l-għana ħlejju u ta’ kull xorta li bdew jgħannu ħutna l-għasafar! U, fis-sema, instema’ ukoll il-ħoss tal-ajruplan bajdani u ħamrani. Tiela’, tiela’ u tiela’ il fuq sakemm jinfed is-sħab tas-sema ikħal nir!

Is-sema! Xi ġmiel ta’ lewn! Imma, f’dak il-waqt, issuktaw jsebbħuħ dawk iż-żewġ sħabiet ħelwin ħelwin li ħassejthom qishom dawk iż-żewġ silġiet tal-borra tal-Milied. Mela, f’dak il-waqt, rajt par idejn kbar ħadrana jxejruli. Biex bħal donnhom jgħajtuli ħa nagħti kashom. Li ma mmurx ninsiehom u nagħtihom dahri! Kienet il-palma li kienet biss ftit passi ‘il bogħod minni. Xi ħlew! Anki hi riedet sehem attiv f’dan l-ispettaklu li Ommna l-Art kienet qed tagħtini f’dan il-waqt. U dan mingħajr ma ħallast xi biljett tad-dħul!

Baqgħu neżlin għajnejja dejjem l’isfel. Imma issa aktar fil-bogħod. Sakemm qagħdu, bħalma toqgħod il-kokka jew it-tajra tal-priża, fis-siġra. Qagħdu fuq il-ground tal-futbol f’Ta’ Qali. Abjad karti u mdawwar b’erba’ arbli daqshiex! Alla jbierek kemm huma twal! U kemm għandhom bozoz kbar imqabbdin man-naħa ta’ fuq tagħhom!

Imma x-xena tefgħetni napprezza l-ġmiel li kelli jdur madwari. Hemm hi l-mara b’żewġt iklieb, wieħed iswed u l-ieħor kannella. Hemm arahom! It-tnejn marbutin b’żewġ ċineg differenti. L-aqwa li kull kelb jwettaq mixjietu!

Il-ħajja, minn Tal-Virtù, donnha waqfet għal kollox fil-paċi. Imbagħad, fis-skiet, ma stajtx ma niżżix ħajr lill-Mulej l-għaliex lis-seminaristi tagħna tabilħaqq għażlulhom dan il-post biex fih jiġu mrawma fil-virutjiiet ta’ Sidna Ġesù Kristu. Xi trid aktar Patri? Post mimli bil-Virtù bħal dan? Post fejn in-natura tlaqqagħna ma’ Dak stess li Hu l-Virtù? Li, jekk inħalluh jaħdem f’ħajjitna, jeħlisna minn kull skjavitù?

Ħalluni hawn! Ħa nfaħħru minn qalbi lill-Mulej! Ħa nfaħħru minn Tal-Virtù!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.