Il-vera ħbiberija

Print Friendly, PDF & Email

Xi żmien ilu ġie f’idejja il-magħruf ktieb ta’ Antoine de Saint-Exupéry, li jismu, fl-Ilsien Franċiż, Le Petit Prince (The Little Prince). Dan il-ktieb ġie ippubblikat f’Settembru tal-1943.

Le Petit Prince huwa storja dwar bdot li għeb bl-ajruplan tiegħu. Permezz ta’ din in-novella Saint-Exupéry jipprova jagħti t-tifsira tal-ħajja permezz tal-laqgħa li sseħħ bejn il-bdot li ġġarraf fis-Sahara u prinċep żgħir minn pjaneta żgħira. Personalment laqagħtni ħafna kollokju bejn il-prinċep żgħir u l-lupu. Il-lupu qallu dawn il-kelmiet lill-prinċep iż-żgħir: “Wieħed jista’ biss jifhem il-ħwejjeġ li jitħabbeb magħhom. Il-bnedmin m’għandhomx ħin biex jifhmu xejn. Huma jixtru affarijiet li huma diġà magħmula fil-ħwienet. Iżda imkien ma jeżiżti ħanut li wieħed jista’ jixtri l-ħbiberija. U għalhekk il-bnedmin m’għandhomx aktar ħbieb. Jekk tixtieqni b’ħabib tħabbeb miegħi …”

Capture

Dan il-vers tefagħni tabilħaqq fi ħsibijiet kbar. L-ewwel nett fakkarni li biex wieħed jkollu tassew ħbiberija irid iqatta’ ħafna għaliha. F’kelma waħda irid jinvesti fiha. Fil-fatt il-prinċep żgħir, meta iltaqa’ mal-lupu, beda jitgħallem xi ħaġa tabilħaqq ġdida u tassew importanti. Il-ħbiberija tinżera’, titwieled u tikbier bil-mod il-mod.

Imbagħad, din il-laqgħa mal-lupu, għallmet lill-prinċep żgħir li biex ikun hemm ħbiberija vera wieħed għandu jkun preżenti. Ejjew ma ninsewx li l-ħbiberija ma tinxtarax la bil-flus u, wisq anqas bil-pjaċiri li wieħed jagħmel! Għalhekk, l-uniku mod ta’ kif nista’ nikseb ħabib huwa billi nitħabbeb miegħu. Billi nkunu tassew preżenti għalih bis-sinċerità kollha. Mela l-ħbiberija vera m’hijiex xi ħaġa li nistgħu nagħmluha aħna. Iżda hija aktar xi ħaġa li jiena nkun spalla ma’ spalla mal-persuna involuta. Ejja ma ninsiex li jekk jien għadni irrid xi ħaġa minn dak jew dik li jien irrid li jkun u li tkun ħabib u ħabiba tiegħi dan ifisser li jien għadni ma ħallejtx id-dinja tiegħi wara dahri. Biex nidħol tassew fi ħbiberija jinħtieġli nħalli wara spallejja kull intenzjoni u għan li jista’ jkolli. Fi ftit kliem jinħtieġli iva nibda’ mill-ġdidi ma’ din il-persuna. L-għaliex, hi min hi dik il-persuna, jixirqilha. U hekk, maqgħuqdin fil-ħbiberija vera, it-tnejn li aħna, wara li ħallejna warajna d-dinijiet tagħna, nistgħu tabilħaqq flimkien noħolqu dinja ġdida flimkien. Nerġa’ ngħid: u dan jitlob ħafna u ħafna ħin.

Minkejja s-sbuħija tal-ħbiberija irrid nifhem li biex nidħol fi ħbibierija sinċiera irrid nindaf għal kollox mill-egoiżmu ħa nitlibbes bil-gratwità u l-ġenerożità. Fil-bidu ta’ ħbiberija huwa normali li persuna isservi l-bżonnijiet tal-oħra. U, il-kumplimenti lejn xulxin ma jonqsux. Madankollu t-test ta’ ħbiberija vera huwa ż-żmien. Huwa proprju dan li jagħti lill-ħbiberija spazzju u anki tħeġġiġa tajba biex iż-żewġt iħbieb jikbru flimkien, mingħajr egoiżmu u fil-ferħ mal-ħabib u l-ħabiba tiegħu u tagħha. U dan l-għaliex dik il-persuna hija dik li tabilħaqq hi.

Għal min hu Nisrani u Nisranija dan għalih huwa tassew ta’ vantaġġ kbir. Dan l-għaliex għan-Nisrani Ġesù tabilħaqq jinstab fil-persuna l-oħra. Hekk jgħidilna Ġesù fil-vanġelu skont San Mattew: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għalhekk, f’dan id-dawl tal-fidi Nisranija, hemm tabilħaqq xi Ħadd kbir, tal-għaġeb u ta’ valur f’dik il-persuna li magħha jiena ħabib u ħabiba. Mela għalhekk huwa importanti li nkun miftuħ u miftuħa għal dik il-persuna u qatt ma nistenna xejn lura. Jekk ma rridx li, minflok li nkun ħabib u ħabiba, nispiċċa nimmanipula lill-persuna l-oħra.

Fil-fatt il-ħbiberija falza hija proprju dik li hija mwaħħla f’xi imkien u għadha ma waslitx għall-punt fejn saret imħabba u libertà vera. Madankollu m’għandniex għalfejn inkisser rasi dwar kemm il-ħbiberija hija vera u spiritwali. Aktar milli nikkonċentra fuq il-ħbiberija fuqha nnifisha aktar għandi nikkonċentra dwar kemm jien fil-verità miegħi innifsi. Jekk jien għandi ħabib u ħabiba hija ovvja li fija hemm il-jien falz u l-jien veru. Huwa sewwasew hawnhekk li jidher tabilħaqq is-sbuħija tal-ħbiberija. L-għaliex, permezz tal-ħbiberija, jiena niltaqa’ maż-żewġ tipi tal-jien. U, fi ħdan ħbiberija vera, jiena niġi mgħejjun u mgħejjuna nitlaq il-jien falz tiegħi. Il-proċess jibda’ billi l-jien falz tiegħi ikun tabilħaqq kbir. Iżda, biż-żmien, dan il-jien falz jibda’ tiela’ aktar ‘il fil-wiċċ. U allura la l-oħrajn jibdew jarawh jibdew jgħiduli li fija hemm xi ħaġa li mhux sejra tajjeb. Xi ħaġa li mhix qiegħdha sewwa. Għax, din il-ħaġa, din l-attitudni, m’hijiex le tabilħaqq jien! M’għandniex xi ngħidu: minix se naqbad u naċċetta hekk. Mingħajr ma nżomm xi ftit il-jien falz li, forsi b’intenzjoni tajba wkoll, naħseb li hu l-veru jien. Huwa tabilħaqq hawnhekk li jibdew il-konflitti, it-tensjonijiet u t-tbatija. L-agħar ħaġa li tista’ tinqala’ f’dan l-istadju tal-ħbiberija hi li nieħu għalija u nkisser il-ħbiberija.

F’dinja u f’soċjetà fejn kulħadd jipprova, kemm jista’ ikun, jogħġob lil kulħadd, huwa importanti niftakru li ħabib veru m’huwiex dak li jgħidli ħwejjeġ li jiena nħobb nisma’. L-għaliex dak x’ħabib hu? Dak aktar ngħidlu ħabib mikri jew falz milli ħabib ta’ veru. Min ikun hekk aktar ikun maqful f’dak li jħobb hu milli x’inhu ta’ ġid għal ħabibu! Ħabib veru jgħidli dak li hu ta’ ġid għalija. Jogħġobni jew ma jogħġobnix. L-aqwa li dak li jkun qed jgħidli huwa vera u li, fl-aħħar mill-aħħar, jekk ninfetaħ għalih ħa nikkoreġieh, jiena nsir persuna aħjar milli jien issa. Għalhekk jiddependi minni jekk naħtafx din l-opportunità tad-deheb u ta’ mħabba sinċiera li qed jurini l-ħabib tiegħi ħa nitgħallem minn din is-sitwazzjoni. Minn din il-korezzjoni tal-ħbieb. Imma biex jien il-kelma ta’ ħabibi nagħtiha valur jeħtieġ li jiena u hu jew hi inqattgħu aktar ħin flimkien. Dan jgħinna biex il-veru jien, tagħna t-tnejn, jissokta joħroġ fil-beraħ bejnietna. U aktar mal-veru jien joħroġ u jiżviluppa l-ħbiberija tagħna tkun waħda aktar stabbli, aktar rispettuża u aktar ħielsa. Dan l-għaliex fiha jkun hemm aktar imħabba. Jekk kull wieħed u waħda mill-ħbieb jaħdem fuqu u taħdem fuqha dan jagħmel ħemel ġid biex il-vera ħbiberija toħroġ bejn il-ħbieb.

Tajjeb ngħidu wkoll li, għalkemm inkun ilħaqt ċertu stadju ta’ maturità, dan ma jfissirx li issa nkun liberu jew libera għal kollox mit-tentazzjonijiet jew mir-riskju li nkisser din il-ħbiberija. Mela, ġaladarba r-riskju jkun għadu fl-istorja, huwa tassew għaqli jekk jiena nibqa’ naħdem fuq il-ħbiberija. Minn naħa l-oħra imma jiena nkun f’kundizzjoni aħjar biex insostni din il-ħbiberija l-għaliex issa jien m’għadnix aktar niġi imqarraq u mqarqa mill-jien falz.

Fin-novella Le Petit Prince l-prinċep iż-żgħir u l-lupu jibdew jersqu aktar lejn xulxin. U hawn tibda’ tabilħaqq isseħħ il-vera ħbiberija. Anki jekk dan ifisser li tieħu ż-żmien u tgħaddi mit-tibdil tagħna la l-ħbiberija tkun sinċiera ma jkun hemm xejn li jista’ iwaqqafha milli tkun mibdula, ittrasformata. Ejjew ma ninsewx li fil-ħbiberija, aktar ma niltaqgħu ma’ xulxin, aktar mhu ħa nkunu f’konflitt bejnietna, aktar se nibdew, bil-mod il-mod, nirfinaw wieħed lil ieħor. U waħda lil oħra.

Imbagħad, biex ħbiberija tibqa’ tinżamm ħajja u tagħti l-ħajja lill-ħbieb, jinħtieġ li jkollha r-ritwali. Jiġifieri dawk il-mumenti, l-opportunitajiet u l-okkażjonijiet fejn jien nitħaddet, niltaqa’ u nikteb lill-ħabib u l-ħabiba tiegħi. Huwa għalhekk li fin-novella tiegħu Saint-Exupéry jgħid li l-ħbiberija għandha bżonn tiżviluppa r-riti tagħha. L-għaliex, b’dawn ir-riti li għadni kemm semmejt, il-qalb tibda’ toqgħod ħalli tkun aktar hi. Ħalli tħobb. L-għaliex għalhekk ġiet maħluqa mill-Mulej! Li għandu qalb ħanina (Lq 1:78). Hija b’dawn ir-riti li qalbi, fil-ħbiberija, tibda’ tinfetaħ, tinbidel u tħobb.

Mulej, Int il-Ħabib veru li, f’Ġesù Kristu, ħabbitna miegħek, ixħet fuqi d-dawl ta’ wiċċek. Ħalli jien, mingħandek, nitgħallem dejjem kif inkun ħabib u ħabiba mal-ħabib u l-ħabiba tiegħi. Amen.

Leave a Reply

%d bloggers like this: