L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 19 ta’ Jannar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 3, 13-19

Bejn dak li għażel bħala blata u dak li, meta wasal il-waqt ittradieh hemm għaxra mgħaqqdin flimkien bl-użu tal-konġuntiv ‘u’. Dak li jissemma l-ewwel kien jaf li se jiċħdu u dak li jissemma l-aħħar kien jaf dak li se jittradih.

Ta’ bejniethom, meta waslet is-siegħa tal-prova, twerwru u ħarbu. Min kellu jgħidlu kelma iebsa, qalhielu, min kellu jxewwex, xewwex. Bnedmin bħalna, li minkejja d-dgħufija u l-ħsieb kultant mgħawweġ tagħhom, afdahom mija fil-mija; jafdana mija fil-mija.

Mhumiex lista ta’ rġiel, iżda ħaġa waħda magħmula minn ħafna. Ġisem wieħed b’ħafna membri, kif jgħid, għax fehem tassew, iktar ’il quddiem Pawlu l-Appostlu.

Tnax mhux b’kumbinazzjoni, iżda fuq il-pjan oriġinali ta’ Alla li jibni l-poplu tiegħu fuq it-tnax ulied ta’ Ġakobb jew Iżrael; tnax-il tribù li jirriflettu anke r-rabtiet tal-ewwel komunitajiet insara fl-ewwel seklu, marbutin mat-tnax-il appostlu tal-Ħaruf. Hawn min jgħid li n-numru tlieta jissimbolizza lil Alla, u n-numru erbgħa lil kull ma hu maħluq. Tlieta b’erbgħa jagħmlu tnax id-divin mal-maħluq magħqudin flimkien fin-numru li jissimbolizza l-universalità li diġa rajna fis-silta ta’ qabel bil-ġnus minn kull pajjiż magħruf ta’ dik in-naħa tad-dinja jfittxu lil Ġesù. Marku, fin fir-rakkonti tiegħu, jgħid dak li mhux bilfors jidher mill-ewwel bil-għajnejn.

Ġesù jitla fuq l-għolja. L-użu tal-artiklu jindikalna li ma kienetx għolja kwalunkwe. Kienet għolja partikulari; jista’ jkun kienet l-għolja li fuqha normalment kien imur Ġesù biex jitlob: u hekk għamel dakinhar. Sejħilhom miegħu biex l-ewwel u qabel kollox jgħixu miegħu l-intimità mal-Missier fit-talb. L-ewwel u l-iktar sejħa importanti ta’ kull dixxiplu. L-ispirtu jiġi mingħand Alla u l-għaqda miegħu fit-talb, privat u pubbliku, hija s-sies tal-ħajja ta’ kull min jemmen u jrid jgħix dak li jemmen. Fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum meta l-element uman jidher jispikka ħafna iktar minn dak divin, anke fil-Knisja, ġej minn nuqqas ta’ din l-intimità, din ir-rabta li fiha Alla jdewwaq il-ħajja tiegħu u jsostni lill-bniedem bl-ispirtu tiegħu. Is-sngħajja tal-bnedmin huma tajbin ħafna biex jipproduċu dak li jaf jagħmel il-bniedem; is-sengħa ta’ Alla tagħti dak li hu ta’ Alla.

Għażilhom għax riedhom; lil dawk li ried. Riedhom. Riedhom ikunu miegħu u ried jibgħathom jippridkaw. Fiduċja mija fil-mija. Miegħu lejl u nhar, biex isir jafhom u jsiru jafuh, jisimgħu kulma jgħid u jaraw kulma jagħmel; jiftaħ qalbu magħhom biex jiftħu qalbhom miegħu. Frott ta’ dan kollu seta’ jibgħathom jippritkaw, konvint li se jwasslu mhux dak li hu tagħhom imma dak li jixorbu mingħandu.

Dan kien il-ħsieb tiegħu. Wieħed jiskanta, kif illum, dawk li huwa għażel għax ried ma jaqblux bejniethom dwar dak li ried u dak li qal; hawnhekk ukoll dak li hu tal-bniedem jidher li kiseb ħafna iktar importanza minn dak li hu ta’ Alla.  Meta l-fidi u l-ħajja mgħixha tal-fidi, jsiru suġġetti ta’ gosti, idejoloġiji u kultant burdati ta’ dawk li jgħixuha, inkunu qed nitbiegħdu bosta mill-ħsieb ġeneruż tiegħu; ġeneruż fil-fiduċja u ġeneruż fl-għotja ta’ dak li hu tiegħu u tiegħu innifsu. Wieħed jiskanta kif aħna li bħalhom u għall-istess għan imsejħa u magħżula, minflok nippritkaw lilu, naħsbu li l-għerf tagħna hu aqwa minn tiegħu, minflok inkeċċu l-ispirt ħżiena, inrewħu fostna l-ispirti tal-firda, tal-mibgħeda, tal-għira u niġġustifkaw għemilna billi ngħidu li Alla jinqeda b’dak kollu li jagħmel il-bniedem. Dan huwa minnu, iżda jekk Alla għandu l-ħila jinqeda anke bl-iżbalji tal-bniedem biex jagħmel il-ġid, kemm ikun aħjar għall-bnedmin kollha li kieku l-bnedmin kollha jaħdmu id f’id miegħu għall-ġid.

B’isimhom nafuhom. Wieħed minnhom bl-isem ġdid; uħud minnhom bil-laqam. Il-laqam juri min kienu għall-komunitajiet li minnhom kienu ġejjin, fejn probabli kienu magħrufin iktar bil-laqam milli bl-isem. Nafu aħna, li ngħixu fl-irħula u l-bliet ta’ gżiritna, iżje dminn kulħadd. Il-laqam jixħet dawl fuq il-familja fl-isfond, jew karattersitiċi ta’ xi ħadd fil-familji jew fl-individwu nnifsu. Boanerges, ulied ir-ragħad, ta’ Alfew, Taddew, l-Iskarjota, il-Kanagħani, inti, jiena w l-oħrajn. Imsejħin għax iridna, u mhux imsejħin weħidna, imsejħin b’dak li aħna bl-isfond kulturali, soċjali u reliġjuż tagħna biex inkunu miegħu u nisru bħalu. Imma lanqas jieqaf kollox hemm.

Minn dak li nieħdu magħġun ma’ dak li aħna, imsejħa biex nagħtu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.