Konferenza Djoċesana tal-Familja


Is-Sibt, 20 ta’ Jannar 2018. Messaġġ ta’ Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-għeluq tat-Tmien Konferenza Djoċesana tal-Familja bit-tema: “Iż-Żgħażagħ, ix-Xorb u d-Droga. X’tista’ tagħmel il-familja?” Villa Fiorita, Marsalforn.

Huwa fatt li meta persuna tinħakem mid-droga, mhux hi biss tinfileġ, imma ħafna drabi titkisser ir-razza tagħha kollha. Għalhekk nifraħ lill-Kummissjoni Familja tad-Djoċesi li għal din il-Konferenza Djoċesana stiednet lill-psikologu Dr Charles Azzopardi biex jitkellem dwar x’tista’ tagħmel il-familja meta xi membru minn ħdanha jsir dipendenti mix-xorb jew mid-droga. Huwa importanti ħafna li l-familja tissieħeb fil-proċess ta’ terapija biex dak li jkun ifiq minn għamla jew oħra ta’ dipendenza.

20180120_200700

Imma jekk il-familja hija struttura meħtieġa biex persuna vittma tal-alkoħoliżmu jew tad-droga tkun tista’ ssir clean, xi drabi l-istess familja taf tkun kawża li twassal lil xi ħadd minn ħdanha biex jagħtiha għax-xorb jew għad-droga. Mhux darba jew tnejn jiġri li f’familja li ma tkunx tiffunzjona tajjeb, għax ir-relazzjonijiet fi ħdanha jkunu mħarbta, xi ħadd mill-membri ma jiflaħx iġorr il-piżijiet tal-ħajja u għalhekk jirrikorri għal dawn il-vizzji koroh. Esperjenzi trawmatiċi, kemm attivi u kemm passivi, fil-familja jafu jkunu motiv li maż-żmien iwaqqgħu lill-ulied f’dan il-fondoq. Għalhekk, daqskemm hemm bżonn li l-familja tfittex tgħin fit-terapija tal-membri vittmi, daqshekk ieħor u aktar trid tgħasses fuqha nfisha biex tkun skola ta’ umanizzazzjoni għall-istess membri tagħha u hekk tippreveni milli dawn isiru daqshekk dgħajfa li jinħakmu minn dan l-isfruttament. Għaldaqstant inħeġġeġ lill-familji biex ikomplu jinvestu fihom infushom, ifittxu li jikbru fil-ħajja tal-virtù u jindukraw dawk il-kwalitajiet speċifiċi tal-ambjent familjari stabbli billi jkollhom ħin għal xulxin, jisimgħu lil xulxin, ikunu preżenti għal xulxin… Ħadd u xejn ma jista’ jieħu post is-sehem tal-familja fil-ħajja tal-persuna. Quddiem min qed isostni li l-familja għadda żmienha, nappella lill-familji biex bil-fatti u bil-kelma juru li jemmnu fil-familja.

Naturalment hemm fatturi oħra fil-ħajja li lill-bniedem jistgħu jqabbduh it-triq tax-xorb jew tad-droga. Għalhekk inħeġġeġ lill-familja biex tkun ‘aġent politiku’, fis-sens li l-familja bħala familja tieħu sehem fid-dibattitu politiku li jsir fil-pajjiż, li mbagħad jissarraf f’għażliet soċjali u legali. Nibża’ li l-familja Maltija, jew qatt ma ħadet bis-serjetà dan l-impenn politiku, jew għażlet li tiddelegah lil ħaddieħor. Ċerti kwistjonijiet soċjali li b’xi mod jew ieħor jafu jkunu kawża li min hu vulnerabbli jiġi sfruttat, bħal fil-każ tan-negozju tad-droga, għandhom jittellgħu fuq l-aġenda politika u l-familja għandha kull dmir u dritt li ssemma’ leħinha f’dan ir-rigward.

Huwa fatt pożittiv li f’pajjiżna għandna diversi għaqdiet volontarji li jagħmlu ħidma ta’ prevenzjoni u kura ma’ dawk li huma maħkuma mill-alkoħoliżmu jew id-droga. Filwaqt li nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn dawn l-għaqdiet, inħeġġeġ lill-familji jxammru l-kmiem u jagħtu sehemhom f’din il-ħidma ta’ volontarjat. Ħafna drabi dawn l-għaqdiet, bħalma hija l-Oasi jew il-Caritas, ikunu jixtiequ jagħmlu aktar ħidma ma’ dawk li jbatu minn xi għamla ta’ dipendenza, imma l-forzi tagħhom huma limitati.

Irrodd ħajr lill-Kummissjoni Djoċesana tal-Familja, partikularment lil Dun Anton Teuma, id-Delegat għall-Pastorali tal-Familja, li f’dawn l-aħħar tmien snin organizzat Konferenza Djoċesana għall-familji tagħna; inħossni grat lejn l-operaturi pastorali (kappillani, saċerdoti u lajċi) li jaħdmu f’dan il-qasam. Nirringrazzja lil Dr Charles Azzopardi għall-konferenza tassew interessanti tal-lum – napprezza s-sehem tiegħu kemm fit-terapija u kemm fil-formazzjoni. Insellem lil Dun Manwel Cordina għall-ħidma li qed twettaq l-Oasi. Fl-aħħar, nesprimi l-apprezzament tiegħi lejkom, koppji miżżewġa, li ħadtu sehem f’din il-Konferenza, fiduċjuż li dan li qsamna flimkien jgħinna biex noffru ambjent aktar san lis-soċjetà tagħna.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.