Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Inneħħu l-kappestru reliġjuż

Inneħħu l-kappestru reliġjuż


Il-Ħadd, 21 ta’ Jannar 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Sant’Anton Abbati, fil-Knisja ddedikata lilu fix-Xagħra, Għawdex.

 

Kienu għaddew kważi tliet mitt sena u l-kelma ta’ Ġesù Kristu li smajna titħabbar fil-Vanġelu tal-lum (Mk 1:14-20) heżżet il-ħajja ta’ Anton, żagħżugħ minn Coma fl-Eġittu – illum meqjum bħala Sant’Anton Abbati (250-356). Ta’ għoxrin sena, Anton jilqa’ s-sejħa li Ġesù jagħmel biex il-bniedem jikkonverti: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Imma l-konverżjoni li qed jipproponi Ġesù mhix waħda moralista, fis-sens li l-bniedem ħażin għandu jfittex li jibdel ħajtu jew li l-bniedem jiddeċiedi li ma jerġax jagħmel għażliet li huma moralment jew etikament ħżiena. Meta hawnhekk Ġesù qed jistieden għall-konverżjoni, qed jgħidilna biex nagħmlu konverżjoni teoloġika, fis-sens li għandna nibdlu l-idea li għamilna ta’ Alla. Ġesù qed jagħmlilna kuraġġ biex ninfatmu minn ċerti fehmiet fissi dwar Alla li trawmu fina matul iż-żmien. Mhux Alla li dejjem attent biex jitlob minnek, imma hu Alla li jagħtik; mhux Alla li jikkastiga, imma hu Alla li jaħfer – Alla li huwa esklussivament twajjeb!

Fil-fatt, mhux dettall żejjed meta l-evanġelista San Mark jgħid li kien “wara li arrestaw lil Ġwanni, (li) Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla”. Dan id-dettall jurina li l-kuntest soċjali li fih Ġesù ta bidu għall-ministeru pubbliku tiegħu ma kienx kuntest pożittiv. Is-soċjetà kienet għadha kif eliminat lill-profeta. Kien hemm l-għadab, il-vjolenza, l-emarġinazzjoni, ir-rifjut tal-verità, u aktar. Is-soċjetà politika kienet tilfet ruħha. Lill-Għammiedi sikktuh għax kien xidja f’sens tajjeb. Wieħed jistenna li f’sitwazzjoni bħal din Ġesù joħroġ mill-fosdqa ta’ Nazaret bil-“mannara” f’idejh, biex fi kliem Ġwanni l-Battista, “kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar (Mt 3:10). Wieħed jistenna li quddiem l-assassinju ta’ ħabib tiegħu, anzi, tal-kuġin tiegħu, Ġesù joħroġ jinkorla, jikkundanna, jiskomunika u jaqta’ l-irjus. Imma għall-kuntrarju, Ġesù jagħżel li joħroġ għonqu f’dan il-kuntest ostili, salvaġġ u indifferenti għal dak kollu li għandu togħma ta’ Alla, u “jxandar l-Evanġelju ta’ Alla”.

Ma naħsbux li Ġesù kellu f’idejh “il-ktieb tal-Vanġelu”, jiġifieri l-Vanġelu ta’ San Mark, San Mattew, San Luqa u San Ġwann. Dawn inkitbu ħafna snin wara! Għalhekk, meta San Mark jgħid li Ġesù ħareġ ixandar “l-Evanġelju ta’ Alla”, qed jgħidilna li Ġesù beda jikkomunika Bxara tajba. Huwa jgħin lill-bniedem jiskopri l-ġmiel tal-imħabba, tal-maħfra, tal-ġenerożità, tal-paċi… Aktar minn hekk, huwa jirrivelalna min hu tassew Alla – huwa “missier” li jindokra lil uliedu u li għandu għożża u mogħdrija partikulari lejn uliedu mqarba jew dgħajfa. Dan il-Missier tant hu mitluf fuq il-bniedem li “ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”. Nistgħu ngħidu li aktar milli minn fomm Ġesù ħarġet din il-Bxara t-tajba, hu nnifsu huwa l-“evanġelju” – il-persuna tiegħu stess hija l-Bxara t-tajba! Għalhekk, min jiltaqa’ miegħu u jilqgħu, ikun iltaqa’ mal-Bxara t-tajba u laqagħha.

2018 01 21 Sant'Anton Abbati

Meta Ġesù jgħid li “s-Saltna ta’ Alla waslet”, f’termini li nifhmuhom qed jgħid li wasal il-waqt li sseħħ il-ħolma kollha mħabba li Alla għandu dwar l-umanità! Għax Alla joħlom li fid-dinja jerġa’ jkun hawn dik l-armonija bejn il-bniedem u bejnu, bejn il-bniedem u sħabu l-bnedmin, u bejn il-bniedem u n-natura. Bil-preżenza ta’ Ġesù fostna din il-ħolma u dan il-proġett ta’ Alla għalina l-bnedmin bdew jitwettqu. Iż-żmien biex din il-ħolma ta’ Alla ssir realtà jiddependi minn kemm nikkoperaw miegħu aħna.

Għalhekk, meta Ġesù qed jagħmel sejħa biex nikkonvertu, hu jridna ninqalgħu minn ċerti pożizzjonijiet reliġjużi li aħna mwaħħlin fihom. Huwa jistimulana biex inneħħu l-kappestru reliġjuż tagħna li ma jippermettilniex ikollna viżjoni wiesgħa tal-misteru ta’ Alla u tal-bniedem. Dan il-kappestru reliġjuż iżommna milli niskopru l-“ġdid” fil-persuna ta’ Ġesù u fil-messaġġ tiegħu. Biex nagħti eżempju: ħafna drabi, meta nisimgħu jitħabbar il-Vanġelu jew naqraw siltiet minnu, ma jirnexxilniex niggustaw togħmiet ġodda, għax imdorrijin nisimgħu jew naqrawh. Anzi, xi drabi, meta s-saċerdot ixandar il-Vanġelu, tant inkunu kkundizzjonati minn kif aħna mdorrijin – tant inkun konvinti li nafu l-Vanġelu – li nippretendu li nantiċipaw x’ser tkun l-omelija tas-saċerdot… u jekk ma jippritkax skont l-iskemi mentali tagħna, niżvalutawh u nagħlqu widnejna għall-kelma! Għalhekk, is-sejħa għall-konverżjoni hija sejħa biex il-bniedem, partikularment dak li diġà jaħseb li jaf lil Alla u lil Ġesù, ikollu sintesi u prospettiva mġedda dwar min hu Alla, min hu Ġesù Kristu u x’inhu l-Vanġelu.

Huwa fatt li l-appell għall-konverżjoni Ġesù qed jagħmlu lil-Lhud, il-poplu l-magħżul ta’ Alla, li kellu tradizzjoni reliġjuża antika ħafna u li għal sekli sħaħ il-ħajja ta’ dan il-poplu kienet artikulata minn żewġ poteri: it-Tempju ta’ Ġerusalemm u l-politika teokratika! Dan għandu jgħidilna xi ħaġa lilna!

Jolqotni wkoll il-fatt li Ġesù għażel li jinawgura l-ministeru pubbliku tiegħu fil-Galilija tal-ġnus (ara Mt 4:15), jew aħjar, f’distrett ’il bogħod miċ-ċentru fejn kien hemm l-istituzzjonijiet reliġjużi, ’il bogħod minn dak l-ambjent fgat bir-riħa tal-inċens li kienu jaħarqu fil-liturġiji sbieħ minn barra imma battala spiritwalment. Għax Ġesù kien konxju li aktar faċli li jikkomunika mal-Lhud li kienu jgħixu fil-periferija tat-Tempju u mal-pagani, milli ma’ dawk torox minħabba l-fanatiżmu reliġjuż tagħhom. Meta jiġi biex jagħżel il-kollaboraturi tiegħu, Ġesù ma jmurx ifittixhom fit-Tempju, imma jitfa’ għajnejh fuq “in-nies tax-xatt”, minkejja li dawn mhux dejjm igawdu fama tajba! Aħna nafu kemm huwa diffiċli titkellem dwar Alla ma’ dawk li jaħsbu li jafu kollox dwar Alla – ma’ dawk li bħal ħafna Nsara tagħna huma kuntenti li twieldu mgeżwrin fil-karta tal-Vanġelu, imma mbagħad ma jħossux il-ħtieġa li jinfetħu għall-Ispirtu tal-ħajja.

Għandi kurżità nkun naf x’kien dak li saħħar lil Xmun, Indrì, Ġakbu u ħuh Ġwanni biex ħallew kollox u marru wara Ġesù! It-tweġiba jagħtihielna l-Vanġelu: huma marru ma’ Ġesù mhux għax ikkonvinċew ruħhom mid-duttrina jew mill-katekiżmu, imma għax kien hemm xi ħaġa fil-persuna ta’ Ġesù li serqitilhom qalbhom. Huma l-ewwel għamlu esperjenza personali ta’ Ġesù u sabu li huwa affidabbli, kredibbli, jgħaxxaq il-qalb… imbagħad, wara li nġibdu lejh, bdew jagħmluha miegħu u hu beda jafdalhom kelmtu. Ħafna drabi aħna nagħmlu bil-kontra: l-ewwel nimlew moħħna b’ħafna kunċetti u riflessjonijiet teoloġiċi, imbagħad forsi naslu għand Ġesù. Qegħdin nirriskjaw li jkollna “kunċetti” reliġjużi imma mingħajr ma nkunu nemmnu f’Alla! Ħafna drabi dan huwa l-metodu kateketiku li nużaw fiċ-“ċentri tad-duttrina” tagħna, u l-esperjenza qed tikkonferma kemm dan il-metodu qed ifalli, għax ftit wara li t-tfal ikunu rċivew is-sagramenti, jitilfu l-fidi!

Anki jekk ma kienx żagħżugħ ħażin, Sant’Anton Abbati “kkonverta”. Minkejja li kien bniedem tal-Knisja, bl-għajnuna tal-grazzja xorta neħħa l-kappestru reliġjuż li kellu u skopra dimensjoni ġdida ta’ Kristu u x’kienet il-ħolma ta’ Alla għalih. Effett ta’ din l-esperjenza spiritwali qawwija, huwa mbagħad ħeles minn ġidu kollu, għadda ħajtu jinnamra ma’ Ġesù, jirrifletti fuq il-Kelma ta’ Alla u jitlob, jgħin u jagħmel il-qalb lil dawk li jkunu dixxipli ta’ Ġesù.

Nitlob bl-interċessoni ta’ dan il-qaddis biex il-komunità ekkleżjali, taħt il-gwida ta’ Pietru, ma tagħmilx reżistenzi lill-Ispirtu li jrid jgħinna nagħmlu din il-konverżjoni teoloġika u pastorali.

Awdjo bil-kortesija ta’ Radju Bambina.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: