Home > Aħbarijiet, L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Noħolmu Katekeżi Mġedda

Noħolmu Katekeżi Mġedda


It-Tnejn 22 ta’ Jannar 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr f’għeluq it-tnax-il sena mill-Konsagrazzjoni Episkopali. Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria.

Kif fissirt dan l-aħħar fl-interventi tiegħi, jien nitħasseb quddiem il-bidla li għaddejja minnha s-soċjetà tagħna, li niddeskrivha bħala soċjetà b’mentalità sekularista, b’fidi Nisranija dgħajfa u b’għadd ta’ prattiċi reliġjużi. Imma attività reliġjuża sajma mill-fidi ma tfisser xejn; u l-fidi tiġi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla: il-fidi hija frott tal-laqgħa personali tagħna ma’ Ġesù Kristu. Din is-sitwazzjoni għandha tistimulana biex aħna li nemmnu u Alla fdalna din il-missjoni li nwasslu l-Bxara t-tajba, naraw kif nistgħu ngħinu lill-bniedem ma jgħixx f’kontradizzjoni u jimla l-vojt eżistenzjali.

Wasal iż-żmien li nirrevedu s-sistema ta’ kif noffru l-katekeżi, għax dik li għandna falliet. Il-mod kif qegħdin nagħmlu l-proposta kateketika mhux adegwat. Aħna għandna sistema kateketika skolastika fejn “id-duttrina” qisha kontinwità tal-iskola. Hija sistema li aktar tħejji lit-tfal għas-sagramenti milli tqabbadhom il-mixja tal-fidi. Hija sistema li tagħti tagħrif dwar Alla imma ma tqabbadx il-qlub bl-imħabba għal Ġesù. Għandna ħafna sinjali li juru biċ-ċar li llum din is-sistema daħlet fi kriżi. Fil-fatt, huwa normali li wara l-Griżma t-tfal mhux biss jieqfu jattendu għal-laqgħat ta’ katekeżi, imma ma jirnexxilhomx jgħaqqdu l-fidi mal-ħajja, u gradwalment jittraskuraw serjament il-prattika reliġjuża. Il-parroċċa saret qisha take away jew automatic dispensing machine tas-sagramenti. Il-ġenituri saru jiddelegaw lill-parroċċa l-preparazzjoni għas-sagramenti (mhux għall-fidi!). Il-parroċċa saret arena ta’ kontestazzjonijiet u tensjonijiet bejn il-Kappillan u l-ġenituri meta l-ħin tad-duttrina jaħbat ma’ impenji oħra li jkollhom – sport, privat, żfin… Kemm għal xi tfal u kemm għal xi ġenituri, id-duttrina saret xi ħaġa żejda u bla bżonn – huma jmorru għax meta mbagħad jaslu għas-sagrament, ma jgħaddux mid-“dwana”.

Nistgħu nibqgħu sejrin hekk? Jew naraw x’inhu meħtieġ biex ikun hemm ristrutturazzjoni tal-proċess kateketiku? Meta jkun hemm dar antika li ma tibqax tajba biex wieħed joqgħod fiha, din id-dar tiġi mibnija mill-ġdid skont il-ħtiġijiet tal-ġurnata. F’kamp daqshekk importanti għall-fidi, ma nistgħux nibqgħu nħaddmu sistema ta’ katekeżi li kienet valida f’epoka meta r-raħal jew lokalità kienet kollha Kattolika, fejn kollox kien jimxi mal-arloġġ tal-kampnar tar-raħal. Mhu qed nagħti tort lil ħadd. Mhux qed ngħid li t-tfal saru ħżiena, lanqas li l-ġenituri huma irresponsabbli jew li l-katekisti mhux qed jagħmlu xogħolhom. L-appell tiegħi hu biex nieqfu u nirriflettu biex imbagħad nagħmlu dawk ir-riformi fil-katekeżi li huma meħtieġa, jiswewlna kemm jiswewlna. Hawnhekk qegħdin nilagħbu l-futur, mhux biss il-futur tal-Knisja imma wkoll tas-soċjetà li kulma jmur qed tkompli titlef ir-ruħ tagħha.

Untitled

 

Hemm fenomenu ieħor li għaddej minn bidla enormi: il-familja. Għandna l-familja “regolari”, imma mbagħad inħolqu forom differenti ta’ familji. Hemm familji b’single parent. Hemm familji fejn l-ulied jitrabbew min-nanniet għax il-ġenituri għandhom ħtiġijiet oħra. Hemm imbagħad familji mwaqqfa mill-ġdid (rikostitwiti) u allura hemm ulied li l-mara ta’ missierhom mhix ommhom, u viċiversa. Mhux qed ngħaddi ġudizzju morali, imma qed nindika xi tibdil li seħħ fis-soċjetà u aħna bqajna b’sistemi li kienu maħsuba għal dinja oħra fejn ftit jew wisq kollox kien kulur wieħed.

Għalhekk x’proposta nistgħu nagħmlu f’dan il-kuntest? Huwa fatt li llum fil-Knisja qed isir xift minn dik li kienet katekeżi tat-tfal għal katekeżi tal-adulti li hija diversifikata għax tindirizza adulti li jemmnu, oħrajn li kienu jemmnu imma issa ma għadhomx, oħrajn li jemmnu imma ma jipprattikawx il-fidi, u saħansitra adulti li telqu mill-Knisja jew lanqas biss ma huma mgħammda. Napprezza li bil-mod il-mod din l-għamla ta’ katekeżi għall-adulti qed tidħol fid-Djoċesi tagħna.

L-adulti li huma ġenituri għandhom ikunu l-protagonisti li jakkumpanjaw lil uliedhom fil-mixja tal-fidi. Ġenituri katekizzati huma l-katekisti ta’ wliedhom. Mhux biss, imma f’dan il-proċess il-ġenituri stess jikbru fil-fidi tagħhom.

Għalhekk inħoss li wasal iż-żmien li nagħmlu din il-bidla fil-katekeżi: minflok is-sistema skolastika fejn it-tfal jiġu fiċ-Ċentru tad-duttrina u jsibu ruħhom fil-“klassi” bil-katekist li jagħmilha ta’ għalliem, naraw kif nistgħu ninkorporaw lill-familja u ngħinuha tiskopri s-sejħa u l-missjoni tagħha bħala “Knisja tad-dar”, fejn il-familja ssir aġent primarju tal-katekeżi. Għaliex il-fidi ma titnissilx bil-lezzjonijiet tal-katekiżmu; il-fidi ma tiddependix minn kemm taf bl-amment veritajiet astratti dwar Alla (kif ħafna drabi ngħallmu waqt id-duttrina!). Imma wieħed jibda jemmen meta jgħaddi minn ċerti esperjenzi – il-fidi “tittieħed” mir-relazzjonijiet li wieħed ikollu ma’ dawk ta’ madwaru, mill-ġrajjiet sbieħ jew koroh tal-familja li jiġu interpretati bħala sinjali tal-preżenza moħbija ta’ Alla, mill-mod kif il-familja ġġib ruħha ma’ min huwa divers jew barrani, mill-atteġġjamenti ta’ solidarjetà li turi l-familja… Ngħidu aħna, meta jkun hemm il-mard, it-tifel jara lil missieru jafda f’Alla; jew quddiem il-providenza, josserva lill-ġenituri jirringrazzjaw lil Alla; jew meta jinnota lill-ġenituri jaħfru lil xulxin jew lil terzi persuni… Dawn l-esperjenzi, li jkunu mmotivati mill-fidi f’Ġesù, jagħmlu mill-familja skola ta’ fidi. Għalhekk inħeġġeġ biex f’dan il-proċess ta’ inizjazzjoni għall-fidi, ma nibżgħux nirriskjaw u nagħtu aktar saħħa u spazju lill-familja.

Il-Kardinal Martini jfisser li fit-tradizzjoni Lhudija l-ewwel aġent li kien responsabbli biex jittrasmetti l-fidi lill-bniedem kienet il-familja. Il-familja kienet twettaq din il-missjoni mhux billi tgħallem definizzjonijiet astratti jew timlielhom il-memorja b’ħafna formli, imma billi tgħinhom jgħixu ċerti esperjenzi li kien għex il-poplu ta’ Alla. Fil-fatt, fil-familja kienu jiċċelebraw flimkien ċerti festi liturġiċi bħalma kienet il-festa tas-Sukkot (biex ifakkru kemm Alla pprovdielhom meta ħarġu mill-jasar tal-Eġittu), il-Yom Kippur (biex jitnaddfu mid-dnub u jagħmlu ħbieb ma’ Alla), il-Purim (biex ifakkru meta Ester rebħet lil Assweru), u fuq kollox il-Pesach (biex ifakkru meta għaddew mill-jasar u daħlu fl-Art imwegħda). Huma kienu jirrakkontawlhom x’għamel Alla magħhom u hekk jiskopru lil Alla li jħobb u jħenn. Ladarba l-bniedem jissaħħar wara dan Alla u jemmen fih, imbagħad jibda jfittex aktar tagħrif.

Meta l-bniedem jibda din il-mixja tal-fidi, imbagħad jibda jimmatura, jistaqsi u jinżel aktar fil-fond tal-misteru. Hawnhekk il-familja tgħaddi wkoll kontenut tal-fidi. Dan jagħmluh mhux biss billi jaqraw u jinterpretaw il-Kelma ta’ Alla fil-familja, imma wkoll billi jitolbu flimkien u jiċċelebraw il-liturġija domestika, bħalma hija t-talba tas-Salterju.

Fid-dawl ta’ din l-esperjenza, anki aħna hemm bżonn nafdaw aktar lill-familja biex tgħaddi l-fidi lill-membri tagħha. Huwa fatt li biex issir din il-bidla fil-metodu kateketiku, irridu nxammru l-kmiem – presbiteri u lajċi; irridu ntajru minn fuqna ċerta telqa u kompjaċenza; għandna bżonn il-kuraġġ biex nerħu ċerti affarijiet li qed isoffulna l-enerġija għalxejn! Ma nibżgħux nirriskjaw. Ma jimpurtax li mhux ser nilħqu lit-tfal kollha, għax huwa fatt li mhux il-familji kollha ser jadattaw għal din il-bidla. Niftakru li meta bis-sistema attwali aħna qegħdin nassumu l-prerogattiva li niffurmaw lit-tfal, aħna nistgħu nkunu qegħdin infaqqru lill-familja minn din il-kariżma proprja tagħha u nirrenduha bla ħila li twettaq din il-missjoni. Kull familja, anki l-aktar waħda mħawda, hija capax Dei – kull familja hija art tajba biex iż-żerriegħa tas-Saltna tinżera’ u taqbad. Imma dan huwa proċess li jieħu ż-żmien.

Din tiegħi hija ħolma li nixtieq nara titwettaq biex inqajmu mill-ġdid fil-bniedem l-għatx għal Alla; imma hemm bżonn noħolmu flimkien, għax irridu li l-ħolma ssir realtà. Jien konvint li “ż-żmien huwa mitmum” biex bħala komunità ekkleżjali aħna nħossuna responsabbli li nagħmlu xi ħaġa biex insostnu lill-familja. Hija meħtieġa katekeżi għall-familja biex imbagħad issir il-katekeżi fil-familja. Hemm bżonn ta’ katekisti mhux biss għall-katekeżi tal-adulti imma wkoll biex jakkumpanjaw lill-familja f’dan il-mandat ġdid li nistgħu nafdawlha.

Frott it-tnax-il sena li ilni fil-ministeru episkopali tiegħi nħoss il-bżonn ta’ din il-proposta friska fil-katekeżi. Kulma jmur nikkonvinċi ruħi li l-missjoni tiegħi fl-uffiċċju ta’ Isqof hija missjoni ta’ katekista. Għalhekk ukoll nemmen li r-riforma fil-katekeżi u l-investiment f’dan il-qasam huma vitali biex ngħinu lill-bniedem tal-lum jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu.

Ritratt: Carmel Saliba.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: