Il-password tas-Saltna t’Alla

Print Friendly, PDF & Email

Qiegħdin ngħixu fi żmien teknoloġiku. Żmien fejn il-gadgets avvanzati tal-midja tal-kommunikazzjoni soċjali huma, tista’ tgħid, kollox. Għalkemm, u għall-grazzja tal-Mulej, mhumiex il-kollox! Madankollu nafu wkoll li hawn min, l-għaliex jaf bil-qawwa tal-mezzi tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, jfittex li jikkapparra dawn il-mezzi biex bihom jagħmel ħsara bla tarf lil terzi persuni. Ħallieha li, fil-verità, dan il-proxxmu, fl-aħħar mill-aħħar, ikun qed jagħmel ħsara u, finalment, jeqred lilu nnifsu stess.

Kien minħabba f’hekk li ġiet ivvintata l-password. Il-password hija dik il-kelma jew ġabra ta’ kliem li huma użati mill-user biex jiddentifikaw lil min qed juża’ l-internet bħala l-persuna awtentika. Il-password tiżvela l-aċċess għad-dħul ta’ riżors. Barra minhekk il-password għandha tinżamm b’mod sigriet għal dawk li m’għandhomx permess jaċċessaw dak li jridu jaċċessaw.

Tafu li anki fit-tagħlim tal-Knisja hemm password! Dan l-aħħar tassew li bqajt b’ħalqi miftuħ b’diskors mill-isbaħ li għamel Papa Franġisku sewwasew qabel l-Angelus tas-26 ta’ Novembru 2017. Dak il-Ħadd kien jaħbat is-Solennità ta’ Kristu Sultan. Biex inkun aktar eżatt f’dak id-diskors il-Papa kien qed jagħti r-riżors minn fejn wieħed jista’ jislet, bil-libertà kollha, jew aħjar isawwar il-password li biha jista’ jidħol għas-Saltna ta’ Alla. Issa, biex ma ndumx indur mal-lewża, ħa nagħtikom ir-riżors li ppreżentalna bħala rigal Papa Franġisku dakinnhar.

“Lil dawk li jkun qiegħed fuq il-lemin jgħidilhom: ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt is-saltna mħejjiija għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja għax kelli l-ġuħ u tmajtuni, kelli l-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, għeri u libbistuni, marid u ġejtu tarawni fil-ħabs u ġejtu żżuruni’ (34-36). Il-ġusti jibqgħu mistgħaġba għax ma jiftakurx li qatt iltaqgħu ma’ Ġesù, u anqas u anqas li għenuh b’dak il-mod; iżda Hu jiddikjara: ‘Dak kollu li għamiltu ma l-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi’ (v. 40). Dil-kelma qatt ma tieqaf timpressjonana għax turina sa liema punt tasal l-imħabba t’Alla: sal-punt li Hu jitwaħħad magħna, iżda mhux meta nkunu f’postna, meta nkunu f’saħħitna u henjin, le, imma meta ninsabu fil-bżonn. U b’dal-mod mistur, Hu jnewlilna idu bħal tallab. Hekk Ġesù juri ċar il-kriterju tal-ġudizzju tiegħu, jiġifieri l-imħabba konkreta lejn il-proxxmu li jinsab f’diffikultà. U b’hekk tidher ċara s-setgħa tal-imħabba, ir-regalità ta’ Alla: solidali ma’ min qiegħed ibati biex kullimkien iqanqal atteġġjamenti u opri tal-ħniena”.

Kemm hi tajba hux din il-biċċa! Il-Papa qed jgħid li l-imħabba t’Alla, għalik u għalija, twassal sal-punt li Hu jsir ħaġa waħda magħna. U jsir ħaġa waħda magħna mhux meta nkunu f’postna jew f’saħħitna. Lanqas meta nkun henjin. Iżda meta ninsabu fil-bżonn. U, b’dan il-mod tassew impressjonanti, huwa jnewlilna lilu nnifsu. L-istess kif jagħmel tallab li jiġi fuqi u fuqek jittallab xi ħaġa. Imqar dik ix-xi ħaġa biex biha jkun jista’ jirkeb tal-linja. (Almenu lili hekk jiġu jitolbuni!).

X’naqbad insejħilha din il-password jew mhux ħnienamal-proxxmu? Hawn bżonn il-ħniena? U ngħidx! Oh dik il-mejda u dak is-siġġu tar-restorant tal-isptar kemm jgħallmuni affarijiet! Kemm hawn bżonn ta’ nies li joqgħodu jisimgħu l-istejjer ta’ ħaddieħor. Nies li għandhom il-ħin kollu tad-dinja fuq idejhom jew anki dik in-naqra biex jagħtu l-kollox tagħhom lil min irid jiftaħ qalbu u qalbha. Nies li lesti jitħaddtu ma’ ħaddieħor u, fuq kollox, jisimgħu lil ħaddieħor. U dan jwettquh mhux meta l-oħrajn jkunu lebsin pulit. Inkella jfuħu jew ferħanin l-għaliex jidħku fuq ix-xejn. (Sakemm dak id-daħk ma jkunx ħarba minn xebgħa dwejjaq u disprament fil-qalb!) Imma, u l-aktar, meta l-oħrajn jinsabu fil-bżonn. Meta jkunu bil-ġuħ, bil-għatx, imneżża’ minn kull dinjità, mingħajr il-kenn li toffri l-imħabba vera, morda f’kull sens, priġunieri tal-ġudizzju u tal-kundanna li tefa’ fuqhom ħaddieħor. Jew mejtin għal dak kollu li hu ferħ veru fil-qalb.

Biex naċċessaw is-saltna ta’ Alla għandna bżonn il-password ħabib! Inkella nini nini ngwadu mill-frott bnin li jinstab fis-Saltna ta’ dejjem! Mela niżżilha l-password! Mhux biss fuq il-mobile imma, u l-aktar, naqqaxha f’qalbek. Hemm naqqaxha ħabib! Ħa nfakkarhielek f’każ li tinsieha: ħnienamal-proxxmu. Għax kun af li dak li tagħmel mal-proxxmu qed tagħmlu miegħU wkoll!

Leave a Reply

%d bloggers like this: