Il-Knisja hi mara u omm


Il-Ġimgħa 26 ta’ Jannar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Għall-Papa Franġisku l-predikazzjoni tal-verità, tal-fidi sinċiera, dejjem hi bluha, magħmula minn xhieda konkreta qabel tkun mistqarra bil-kliem u hi ċċentrata fuq il-‘paternità’ u l-‘maternità’, għax il-Knisja hi mara u tiġġenera bħalma tagħmel l-omm.

 

Fil-quddiesa li ċċelebra llum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku fakkar ukoll ix-xhieda kuraġġuża ta’ Maria Kaleta tul is-snin ta’ persekuzzjoni fl-Albanija, u talab li fil-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ lill-ommijiet futuri jgħallmuhom kif ‘jittrasmettu l-fidi’.

L-ewwel qari, innota minnufih Franġisku, meħud mit-tieni ittra ta’ San Pawl lil Timotju (1, 1-8) nistgħu ngħidu li hu ‘ġojjell’ dwar it-tema tat-trasmissjoni tal-fidi. Tant li l-Papa stqarr: Meta dis-silta naqraha u nerġa’ naqraha, inħoss il-faraġ jimlieni. Infatti fil-qalba tagħha hemm ‘il-fidi sinċiera tiegħek’, li Pawlu jgħid lid-dixxiplu tiegħu Timotju, li l-Appostlu kien ordnah bħala isqof bit-tqegħid tal-idejn.

Għalhekk huwa importanti nistaqsu:  Kif kienet għaddiet il-fidi lil Timotju?  Hija t-tema tat-trasmissjoni tal-fidi. Bi spunt minn dan it-test Pawlin, il-Papa ssuġġerixxa tliet kelmiet li juru l-mixja, il-mod kif għandha tkun trasmessa l-fidi: ‘ibni’ jgħid Pawlu lil Timotju; kelma oħra hi ‘omm’ u ‘nanna’; u t-tielet kelma hi ‘xhieda’. F’dawn it-tliet kelmiet insibu l-proċess tat-trasmissjoni tal-fidi.

L-ewwel kelma hi ‘ibni’. Pawlu kien iġġenera lil Timotju ‘bil-bluha tal-predikazzjoni’ – u żgur li Pawlu ma jiksix il-predikazzjoni biz-zokkor tan-nofs veritajiet: ‘Din hi l-verità.’ Hija verità kuraġġuża u din hi l-parresia (is-sinċerità nieqsa minn kull biża’), il-kuraġġ li bis-saħħa tiegħu Pawlu jsir ‘missier’ Timotju: il-paternità li twelled il-fidi.

Il-predikazzjoni ma tistax tkun bierda, fakkar il-Papa Franġisku, għax il-predikazzjoni dejjem hi daqqa ta’ ħarta; hi daqqa ta’ ħarta li tqanqlek u tmexxik ‘il quddiem. Tant illi Pawlu stess jitkellem dwar ‘il-bluha tal-predikazzjoni’. U hija bluha, kompla l-Papa, għax tgħid li Alla sar bniedem u mbagħad kien imsallab għalina. Wara kollox lil Pawlu x’qalulu n-nies ta’ Ateni? ‘Imma, pitgħada nisimgħuk.’

Għalhekk, innota Franġisku, fil-predikazzjoni tal-fidi dejjem hemm ‘nitfa bluha’ u t-tentazzjoni hi l-medjokrità. Huwa r-riskju tal-fidi bierda. Iżda dan hu li jagħmel il-paternità fit-trasmissjoni tal-fidi: il-bluha tal-predikazzjoni hi li min jipprietka jsir missier ta’ min ikun jisimgħu.

It-tieni kelma hi ‘xhieda’: il-fidi tgħaddi għand l-oħrajn mhux bil-kelma biss imma wkoll bix-xhieda għax il-kelma mingħajr xhieda hi dgħajfa. Mhux ta’ b’xejn li kienu jgħidu: ‘Imma kemm iħobbu lil xulxin!’ dwar l-Insara ta’ Antjokja.

Iżda llum, kompla jgħid il-Papa, f’xi parroċċi – mhux fil-parroċċa tagħkom, għax il-parroċċa tagħkom hi qaddisa, imma naħsbu f’xi oħra! – bniedem imur, jisma’ dik u l-oħra, dwar dak u dwar l-ieħor, u minflok tgħid: ‘Ara kemm iħobbu lil xulxin,’ ikollok qalb tgħid: ‘Imma ara kif qed iqaxxru lil xulxin!’ Wara kollox, kompla jinsisti l-Papa, l-ilsien huwa sikkina li biha nqaxxru lil ħaddieħor. Allura kif nistgħu nittrasmettu l-fidi meta l-arja hi mħassra bit-tqassis u l-kalunji?

Meħtieġa xhieda li fiha naraw u ngħidu: ‘Ara, dan qatt ma jqassas dwar ħadd; dan jagħmel dik l-opra ta’ karità; meta jkun hemm xi ħadd marid, dan imur jarah.’ Insomma, stil ta’ ħajja Nisranija li tqanqal il-kurżità li bniedem jistaqsi: ‘Imma dan għaliex jgħix hekk?’ U bix-xhieda tinbet il-mistoqsija dwar l-għala dan qed jittrasmetti l-fidi: għax miexi fuq il-passi ta’ Ġesù.

Għalhekk, it-trasmissjoni tal-fidi tgħaddi mill-bluha tal-predikazzjoni, mill-paternità, u ssir bix-xhieda. Aktar minn hekk, nifhmu li meta jien ma nagħtix xhieda jew nagħti xhieda bil-maqlub, inkun qed indgħajjef il-fidi, dik il-fidi sinċiera li jitkellem dwarha hawnhekk Pawlu. U bħala konsegwenza, in-nies jiddgħajfu u jgħidu: ‘Aktar milli ngħix hekk, aħjar noqgħod niddeverti u nitlaq xi mkien ieħor.’ Allura, saħaq Franġisku, il-paternità tiġi mill-predikazzjoni u l-fraternità mix-xhieda.

It-tielet kelma – żied jgħid il-Papa – hi ‘ommok’, ‘nanntek’: il-maternità. Huwa fatt li l-fidi tkun trasmessa fi ħdan l-omm, fi ħdan il-Knisja, għax il-Knisja hi omm, il-Knisja hi femminili, il-Knisja twelled bħall-omm. U l-maternità tal-Knisja b’hekk tkompli għaddejja: bil-maternità tal-omm, tal-mara, tan-nisa tal-familja.

Niftakar, żied il-Papa, fi Swor Maria Kaleta, soru tal-Istimmati – meta mort l-Albanija kont iltqajt ma’ dis-soru anzjana. Dis-soru kienet priġuniera fi żmien il-persekuzzjoni u xi kultant kienu jħalluha toħroġ għal xi siegħa. Kienet priġunerija bin-nofs għax dawk li kienu jippersegwitawha kienu jgħidu: ‘Imma din l-imsejkna x’tista’ tagħmel!’ Imma din ‘l-imsejkna’ moħħha kien jilħqilha, kienet taf x’għandha tagħmel, u kienet tħobb lil Kristu.  Kienet omm, kellha qalb ta’ omm. Infatti, kompla jirrakkonta Franġisku, in-nisa Kristjani – għax ma kienx hemm knisja u jekk xi ħadd kien jgħammed lil uliedu kien jisfa kkundannat – kienu jafu l-ħin li fih is-soru kienet tkun qed tippassiġġa fuq xatt ix-xmara, u kienu jeħdulha t-tfal biex hi tgħammidhom bl-ilma tax-xmara.

Dan ta’ Swor Maria hu eżempju sabiħ: il-Knisja omm. U jien nistaqsi: l-ommijiet, in-nanniet nisa, huma bħal dawn it-tnejn li jiddeskrivi Pawlu, in-nanna Lòide u l-omm Ewniċi, li ttrasmettew il-fidi, il-fidi sinċiera? Jew inkella jaħsbu li mbagħad it-tifel jibda jitgħallem meta jmur għall-klassi tal-katekiżmu? Imma jien ngħidilkom, qal il-Papa, tingħasarli qalbi meta nara tfal li lanqas jafu jroddu s-salib sew u, minflok jagħmluh kif imiss, jafu li għandhom jagħmlu xi mossi u jrodduh bl-addoċċ, għax ommhom jew nanniethom ma għallmuhomx sewwa.

Kemm drabi, żied jgħid, naħseb dwar dak li jiġi mgħallem fil-korsijiet tat-tħejjija taż-żwieġ lill-għarusa, lil dik li għad tkun omm: ngħallmuha kif tittrasmetti l-fidi? L-omm hi xbieha tal-Knisja ommna, u n-nanna wkoll. Hi d-dimensjoni femminili tas-salvazzjoni. Maria, Knisja, omm, nanna, dawn id-dimensjonijiet kollha; b’hekk il-fidi tibqa’ għaddejja.

F’dil-perspettiva l-Papa ssuġġerixxa li naħsbu sewwa dwar il-predikazzjoni.  Hi biċċa xogħol Nisranija, dmir ta’ kulħadd: saċerdoti, isqfijiet u katekisti.  Naħsbu dwar ix-xhieda, dwar kif ngħixu bħala Nsara; u dwar il-maternità, jiġifieri l-ġuf tal-Knisja fl-omm, fin-nanna, li jittrasmettu l-fidi.

U, temm il-Papa, nitolbu lill-Mulej jgħallimna – bħala xhieda, bħala predikaturi u anke lin-nisa bħala ommijiet – kif nittrasmettu l-fidi.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.