Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 26 ta’ Jannar 2018

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 26 ta’ Jannar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum:http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 10: 1-9

Hu jagħżel. Hu jsejjaħ u jibgħat. Imma fuq kollox huwa jitlob u jħeġġeġ lil kullmin jibgħat biex jagħmel bħalu. Itolbu biex ikollna iktar ħaddiema kuraġġużi għax qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Itolbu u tħallu xejn ifixkilkom, xejn u ħadd.

Imma tnejn u sebgħin mhux biżżejjed? Tnejn u sebgħin kienu l-anzjani li ssieħbu ma’ Mosè u rċevew l-Ispirtu s-Santu; tnejn u sebgħin huma r-razez ġodda wara li Noè u wliedu ħelsu mill-għarqa, il-pedament tal-umanità l-ġdida; tnejn u sebgħin kienu l-lingwi li tħarbtu meta l-bniedem ipprova jibni torri biex jilħaq li Alla. Ġesù bagħat tnejn u sebgħin dixxiplu u tahom sehem mill-ispirtu tiegħu biex jagħmlu nies ġodda bil-kelma li afdalhom u biex jgħaqqdu f’lingwa waħda lil dawk kollha kienu mxerrdin, il-lingwa tal-mogħdrija u tal-ħniena u tal-imħabba; din hi l-lingwa li ma jitgħallem ħadd iżda li jista’ jifhem u jgħix kulħadd. Tnejn u sebgħin, le mhumhiex biżżejjed.

U bagħthom tnejn tnejn. Għalina llum jista’ jidher li ħela nofs il-manpower li kellu. Hekk minflok tnejn u sebgħin post seta’ jilħaq biss sitta u tletin. Ġesù mhux imħarreġ fl-ekonomija tar-riżorsi. Iktar m’għandek iktar tista’ tilħaq. Ġesù mħarreġ fl-ekonomija tal-eżempju tal-ħajja. Biex tnejn iwasslu l-messaġġ mhux ħafna għandhom bżonn, iżda rieda sħiħa li jgħixu dak li jippridkaw. Għal ħafna il-messaġġ ta’ Ġesù huwa tqil, skomdu, ħolma li tintemm malli wieħed jistenbaħ. Meta tnejn qed jgħixu dak li jippridkaw, meta l-ħbiberiji jkunu xhieda ta’ dak li jintqal, dak li jidher impossibli jsir ir-rejaltà. F’dinja li iktar kemm jgħaddi ż-żmien tippromwovi u teżalta l-individwaliżmu, tnejn tnejn ma tistax tkun aħjar. Il-kelma tqanqal, l-eżempju jkaxkar. Biex ikun hemm dinja ġdida bil-lingwa li jifhmha kulħadd, weħidna ma nirnexxux. Weħidna teorija biss inwasslu, flimkien nuru il-prattika.

Wasslu s-sliem. Dik l-ewwel kelma. Mhux ġudizzju jew kundanna. Il-paċi miegħek. Mhux il-paċi tan-nuqqas ta’ ġlied , iżda hija l-paċi tal-Mulej li ġejja minn imħabba bla truf u bla fruntieri, bl-anteressi jew kundizzjonijiet. Is-sliem huwa l-bewsa tal-merħba li warajha kull ħtija togħsfor, kull nuqqas isir għodda ta’ maħfra. Is-sliem huwa l-mezz kif il-familja waħda tikber u ssir kommunità, fejn ħadd ma jkollu għalfejn jittallab, fejn kollox hu ta’ kulħadd. Is-sliem, għal min jaċċettah, iwassal għall-fejqan iwassal għall-għaqda ma’ Alla nnifsu. Ħa jifraħ min jilqgħu; għandu għalfejn.

Min ma jilqgħux jidher li huwa kkundannat, mhux wisq għax il-ġudizzju ta’ Alla huwa aħrax, imma ħax qed iwebbes rasu fl-imgħoddi tiegħu. Il-bniedem li jilqgħux mhux jaqla’ l-kundanna ta’ Alla, iżda qe djikkundanna lilu nnifsu. U Alla jirrispetta l-libertà tal-għażla, għax li tħobb ifisser ukoll li tirrispetta l-għażla.

Jekk illum ikollok ċans, u jkollok żgur, ilqa’ din il-kelma u magħha ilqa’ s-sliem. U itlob biex it-tnejn u sebgħin ma jiqbgħux tnejn u sebgħin, itlob li jiżdiedu. U fuq kollox itlob li mat-tnejn u sebgħin tiżdied int. Itlob u ibda miexi magħhom u kull fejn tkun u ma’ kull min tkun wassal is-sliem u l-fejqan. U tinħasadx jekk ikun hemm min jistkerrħek. Jekk dan iseħħ, avżat minn qabel: int ukoll ħaruf qalb l-ilpup. Bniedem avżat, nofsu armat.

  1. Louise azzopardi
    January 27, 2018 at 7:15 am

    Grazzi ta Dan il h sieb ta kulljum il Vera hu ta ghajnuna. Huwa possiblI lI jkun ghanna filghodu please. Grazzi

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: