Kien il-Ġimgħa, 5 ta’ Jannar, eżattament waqt li kont qed naqdi dmirijieti fl-Isptar Mater Dei. Meta rċivejt telefonata li ssummatni. Ħallietni bla kliem. L-Isqof ta’ Malindi, fil-Kenja, Mons Emanuel Barbara OFM Cap, ħalliena. Daħal fil-ħajja ta’ dejjem.
Ixxukjajt ruħi. Tnikkitt. Mewta daqshekk malajr. Telfa daqstant kbira li seħħet f’tebqa t’għajn. Lil Patri Manwel niftakru meta kont żgħir. Fil-parroċċa ta’ San Ġwann.
Mad-daqqa t’għajn lejn il-profil tiegħu mill-ewwel tintebaħ kemm Mons Barbara OFM Cap kien bniedem li l-Mulej żejnu bil-kariżma tat-tmexxija. U din il-kariżma ħaddimha fedelment fuq diversi livelli.
Manwel Barbara twieled fis-27 ta’ Ottubru 1949 fil-Gzira. Wara li ħass lill-Mulej jsejjaħlu ingħaqad mal-Aħwa Minuri Kapuċċini. Huwa ġie aċċettat bħala novizz fid-19 ta’ Settembru 1965. Fis-26 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara Fra Manwel għamel l-ewwel Wegħdiet Reliġjużi tiegħu. Mat-temmija tan-novizzjat tiegħu beda l-iѕtudji tiegħu għas-saċerdozju. Wara seba’ snin ta’ ѕtudju Patri Manwel ġie ordnat djaknu. Dan seħħ nhar il-5 ta’ Awwissu 1973. Kien fl-20 ta’ Lulju 1974 meta ġie ikkonsagrat saċerdot minn Mons Mikiel Gonzi fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Kif ġie ordnat saċerdot Patri Manwel kellu diversi miniѕteri differenti fi ħdan l-Ordni Kapuċċin. Mill-1974 sal-1976 kien viċi kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, f’San Ġwann. Is-superjuri tiegħu mill-ewwel intebħu bl-intelligenza kbira li l-Mulej kien żejnu biha. Għalhekk, b’dixxerniment, bagħtuh jistudja l-Liċenzjat fit-Teoloġija Morali fl-Accademia Alfonsiana, f’Ruma. Hekk kif wasal f’Malta Patri Manwel beda jgħallem it-teoloġija morali fl-INSERM (National Institutum Studiorum Ecclesiasticorum Religiosorum Melitensium) għal tlettax -il sena sħaħ. Il-kariżma tat-tmexxija tiegħu wasslietu biex jaqdi fl-uffiċċju ta’ rettur tal-istess Istitut bejn l-1981 u 1983. Tlett snin qabel, mill-1978 sal-1980, il-Provinċja tal-Aħwa Kapuċċini afdatalu l-ministeru ta’ kappillan fl-isptar San Luqa. Dan kien xogħol li, għalkemm il-Mulej kellu għalih pjanijiet differenti, baqa’ dejjem f’qalb Patri Manwel. Xi ħaġa li se nibqa’ ngħożż fuq li ngħożż kull meta l-Mulej ifakkarni fih.
Imbagħad mill-1980 sal-1983 lil Patri Manwel insibuh ukoll Superjur lokali tal-fraternità tax-Xemxija. F’dan l-istess żmien Patri Manwel kien għalliem fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Fl-1983 ġie magħżul Ministru Provinċjali tal-Aħwa Kapuċċini Maltin. Huwa baqa’ jaqdi f’dan l-uffiċċju sal-1989. Bejn l-1984 u l-1989 serva bħala l-ewwel kappillan Kapuċċin tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
L-għaliex emmen bis-sħiħ fil-kliem ta’ Ġesù lil Pietru: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5,4) Patri Manwel wieġeb b’ġenerożità għas-sejħa missjunarja li l-Mulej kien qiegħed jagħmillu. Għalhekk mar fl-art tal-missjoni tal-Kenja fejn diġà kien hemm preżenti l-Aħwa Kapuċċini Maltin.
Bejn l-1990 u l-1992 kien direttur tal-formazzjoni f’Langata, il-Kenja, u kif ukoll għalliem tat-teoloġija morali fil-Kulleġġ Tangaza f’Nairobi. Wara 3 snin jgħallem it-teoloġija lill-istudenti Patri Manwel intbagħat mill-ġdid Ruma biex jissokta l-istudji tiegħu fid-Dottorat fit-teoloġija morali. Studja fl-Accademia Alfonsiana, f’Ruma, bejn l-1992 u l-1994. Wara li temm b’suċċess l-istudju tiegħu Patri Manwel irritorna l-Kenja fejn issokta jgħallem fil-Kulleġġ tat-Tanzanija f’Nairobi għal ħames snin sħaħ.
Fil-kapitlu tal-viċi Provinċja tal-Kenja tal-1996 Patri Manwel ġie elett bħala l-ewwel viċi Provinċjal għal tlett snin. Bejn l-1999 u l-2008 kien professur tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università Kattolika, f’Nairobi.
Mar-ritorn tiegħu f’Malta, fl-2008, Patri Manwel kien direttur spiritwali fl-iskola sekondarja ‘San Franġisk t’Assisi’ f’Tas-Sliema, għalliem għar-Reliġjużi barranin li jgħixu f’Malta u membru fil-fraternità tal-Kalkara. L-Aħwa Kapuċċini Maltin għal darb’ oħra raw fih il-kariżma tat-tmexxija li l-Mulej kien afdalu f’idejh. Għalhekk reġa’ ġie magħżul għat-tielet darba Ministru Provinċjali tal-Provinċja Kapuċċina Maltija fil-kapitlu tal-2010. F’Mejju 2011 Patri Manwel ġie magħżul President tal-Kapuċċini tal-Ewropa (CENOC).
Nhar id-9 ta’ Lulju 2011 ġie nominat Isqof tad-Djoċesi ta’ Malindi, fil-Kenja, mill-Papa Benedittu XVI. B’hekk kien ukoll is-suċċessur tal-Isqof Frans Baldachino OFMCap, li kien l-ewwel isqof tal-iѕtess Djoċesi. L-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu saret fl-1 ta’ Ottubru 2011 mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal John Njue, Arċisqof ta’ Nairbo, flimkien mal-Arċisqof ta’ Mombasa, Boniface Lele u l-Isqof Martin Kivuva, Isqof ta’ Machakos. Fil-11 ta’ Novembru 2011 Mons Barbara ċċelebra quddiesa ta’ ringrazzjament fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
Bejn l-1 ta’ Novembru 2013 u d-9 ta’ Diċembru 2014, Mons Barbara serva bħala l-Amminiѕtratur tal-Arċidjoċesi ta’ Mombasa, fil-Kenja, wara irriżejna tal-Arċisqof Boniface Lele. L-Isqof Emanuel Barbara OFM Cap baqà jservi fedelment bħala Isqof tad-Djoċesi ta’ Malindi sakemm il-Mulej sejjaħlu għal għandu nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Jannar 2018.
Mons Barbara OFM Cap għex fedelment dak li qal San Karlu Borromeo fl-aħħar sinodu tiegħu:
“Ifhmu, ħuti, li xejn ma hu meħtieġ għall-qassisin aktar mill-meditazzjoni, li għandha tiġi qabel kull ħaġa oħra li nagħmlu, tissieħeb magħna f’kull ma nagħmlu, u għandha tiġi wkoll wara kull ħaġa li nagħmlu. Irrid ngħanni, jgħid il-Profeta, irrid nimxi bil-għaqal. Għażiż ħija, jekk int tamministra s-sagramenti, aħseb x’qed tagħmel; jekk int tqaddes, aħseb x’qed toffri; jekk tgħid l-uffiċċju fil-kor, aħseb x’qed tgħid u ‘l min qed tkellem; jekk qed tmexxi l-erwieħ, aħseb bid-demm ta’ min ġew mifdija, ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba. B’hekk inkunu nistgħu nirbħu d-diffikultajiet kollha li bl-eluf iġarrbuna kull jum, għax din hi l-ħajja li rridu ngħixu; b’hekk ikollna l-qawwa biex inwieldu ‘l Kristu fina u fl-oħrajn”.
U, għal dan kollu, il-Mulej Ġesù żgur li qallu: Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek (Mt 25:21).
Nota mill-Editur: Il‑Quddiesa presente cadavere tal‑Isqof Emanuel Barbara O.F.M. Cap., ser issir nhar is‑Sibt, 27 ta’ Jannar 2018, fis‑2:00 p.m., fil‑Katidral tal‑Imdina. Jippresiedi l-Quddiesa l-Arċisqof Charles J. Scicluna.