Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Il-veri kontributuri tas-soċjetà tagħna

Il-veri kontributuri tas-soċjetà tagħna


Ħafna, fis-soċjetà tagħna, jiġu rikonoxxuti. Minn għal ħaġa u min għal oħra. Uħud minħabba l-ħidma kbira li jkunu wettqu fil-professjoni tagħhom. Oħrajn l-għaliex jkunu qdew dmirhom fil-kariga li ngħatatilhom. Tajjeb! Sewwa! Iżda dawn biss għandhom jiġu ippremjati?

Irridu ma rridux ikollna nammettu li, bħala soċjetà, donna qiegħdin nitbiegħdu minn dak li kiteb San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Efesin: Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu (Efes 4:32). Le! Minix qed nirreferi għall-ġabriet rekord tal-flus. Donna issa bdejna nikkompetu minn sena għall-oħra biex niġbru aktar u f’ħakka t’għajn. Jinħtieġ li, bis-sewwa u bid-dnewwa, sal-aħħar qattra, niksru kull rekord f’kull sena li nwettqu l-ġabra. Bħal donnu ġabra tkun tgħodd mill-kwantità tagħha biss. Jaqaw insejna x’qal Ġesù fuq dik il-mara fqira tal-vanġelu? Jekk insejna nagħmlu sewwa ħafna jekk niftakru. U dan nagħmluh biex ma nitilfux il-mira vera tagħna.

Rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus, u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix” (Lq 21:1-4).

Smajnieha t-tagħlima ħbieb tiegħi! Il-Mulej mhux se jimpressjona ruħu jekk, ħafna għonja minna, jagħmlu l-offerti miż-żejjed tagħhom. (U jalla dak iż-żejjed tagħhom ikun ġej mis-sewwa u mhux mis-serq!). Il-Mulej jimpressjona ruħu meta, mill-faqar tagħna, nitfgħu dak kollu li jkollna biex ngħixu. Mela, eżatt eżatt, kif tgħidilna l-Kelma ta’ Alla, fil-ktieb tal-profeta Iżaija :

Jaqaw m’hux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin, u tkisser kull madmad? M’hux li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf? M’hux li tlibbes lil min tara għarwien, u n-nies ta’ darek ma tinsihomx? (Is 58:6-7). Imbagħad, skont Iżaija, meta nieħdu ħsieb xulxin b’dan il-mod, infiequ aħna f’ġisimna u f’ruħna u talbna jinstema’ wkoll. Isimgħu x’jgħidilna: Mbagħad ifiġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek, u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek. Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek, u l-glorja tal-Mulej timxi warajk. Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej; jekk tgħajjatlu, jgħidlek ‘Hawn jien’. (Is 58:8-9).

Iżda, li ma jmurx ninsew minfejn bdejna, jiġifieri mill-imħabba tal-proxxmu, l-imħabba ta’ bejnietna, il-Profeta Iżaija jerġa’ jfakkarna mill-ġdid: Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija, ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni b’ilsienek, jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ, u xxabba’ qalb l-imnikket, mbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam, u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar (Is 58:9-10). Imbagħad, preċiżament wara din it-tħeġġiġa biex inħobbu lil xulxin billi naqdu l-bżonnijiet ta’ xulxin, il-Profeta jerġa’ jfakkarna għal darb’oħra fil-wegħda tal-Mulej għal min irid jimxi b’mod sewwa fit-triqat tiegħu: U l-Mulej jibqa’ jmexxik għal dejjem, u jxebbagħlek qalbek fl-imkejjen niexfa, u jsaħħaħlek għadmek. Int tkun bħal ġnien bis-saqwi, bħal għajn ta’ ilma ma jonqos qatt (Is 58:11).

Hemm hu! Smajnieh x’qal! Il-Mulej jmexxina għal dejjem! Ixebbagħlna qalbna. Isaħħilna għadamna! U, meta nkunu fil-Mulej, int u jien inkunu bħal ġnien bis-saqwi. Għax fina jkollna għajn ta’ ilma li ma jonqos qatt! F’kelma waħda, jkollna l-Ispirtu s-Santu li jgħix fina. Kif jgħidilna Ġesù fil-vanġelu skont San Ġwann: Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj (Ġw 7:37-38). U Ġwanni, biex jissokta jfissrilna dan il-kliem qawwi ta’ Ġesù, jikkummenta hekk: Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat (Ġw 7:39).

L-Ispirtu jġib fina valur importantissimu għas-soċjetà tagħna : il-valur jew, aħjar, il-virtù tal-umiltà tal-qalb! Fil-Ktieb sabiħ tiegħu bl-isem L-umiltà del coure (L-umiltà tal-qalb), Padre Gaetano Maria Da Bergamo jsemmi li l-ambizzjoni hija l-għadu numru wieħed tal-umiltà tal-qalb. Ħa nsemmi xi ftit ħsibijiet li jagħtina Padre Da Bergamo dwar dan:

“L-ambizzjoni hija vizzju li jġagħlna nfittxu l-unur tagħna biss b’xeħħa mhux ordinata [San Tumas D’Akwinu, 2a, 2æ, qu. cxxxi, art. 2].” Għall-ħażen tal-ambizzjoni Padre Da Bergamo jagħtina din il-mediċina: “Issa, ġaladarba dan l-unur huwa s-sinjal tar-rispett, li hu mogħti lil virtù li jistħoqqilha, u jingħata lilu li hu ta’ grad superjuri, u, bħalma hu ċert li aħna m’għandniex mertu aħna nfusna, l-għaliex kollox nirċievu mill-Mulej, m’huwiex lilna nfusna imma lill-Mulej waħdu li unur bħal dan jixraq tassew” (nru. 147).

Issa, jekk il-virtù qiegħdha fin-nuqqas jew fil-baħħ li jġib miegħu l-vizzju, allura ngħidu li min tassew għandu qalbu umli huwa dak li jagħmel kollox għall-glorja tal-Mulej. Li, meta jagħmel xi ħaġa tajba għall-proxxmu, ħadd ma jkun jaf biha. Inkella jekk ikun jaf biha kulħadd l-intenzjoni titħammeġ. Dan l-għaliex ma tibqax aktar il-Mulej u l-glorja tiegħu iżda issir il-popolarità tiegħi. Jaħasra kemm għemejjel nobbli jintiflu l-għaliex, minflok tal-Mulej, isiru tan-nies! Ejjew mela, bħala soċjetà, ninċentivaw u nippremjaw, anki b’mod ċivili, lil min jaħdem għall-Mulej. Lil min hu safi fl-intenzjoni tiegħu!

Problema oħra kontra l-umiltà tal-qalb, li jsemmi tant tajjeb Padre Gaetano Maria Da Bergamo, hija l-għira. Jgħidilna: “L-għira hija dwejjaq li jiġi mill-ħsieb tal-ġid tal-proxxmu tagħna. Meta nimmaġinaw li l-ġid li għandu huwa ta’ ħsara għalina, li jippreġudika l-glorja u l-interessi tagħna. U, mill-ġid tiegħu, aħna ngħiru biss għal dak li jġibilna ġieħ f’għajnejn id-dinja, bħal l-għana, id-dinjità, il-ħbiberija u l-favuri tal-kbarat, ix-xjenza, it-tifħir, il-fama u dak kollu li jidhrilna li jikkontribwixxi għall-avvanz tagħna u jagħmlilna unur” (nru. 148). Le ħbieb! L-umiltà tal-qalb ma tgħirx! Bħalma lanqas ma tiffanfra bil-ġid li l-Mulej jagħmel biha!

Għax, l-umiltà tal-qalb, iġġib magħha l-ħlewwa u s-sabar. L-umiltà tal-qalb tfittex lil min tassew hu fil-bżonn. Irrilevanti min hu u ta’ liema orjentazzjoni sesswali hu. Irrilevanti jekk għandux flus jew le. Jew x’taħseb jew ma taħsibx fuqu jew fuqha l-opinjoni pubblika. U għamel x’għamel fil-ħajja. U dan tagħmlu bil-moħbi. Mingħajr ħafna daqq tat-trombi.

Personalment jolqotni immens dak li qal Papa Franġisku fid-diskors li kellu mħejji biex jaqra waqt iż-Żjara Pastorali li wettaq f’Assisi nhar l-4 t’Ottubru 2013. L-udjenza ta’ dan id-diskors kienet it-tfal b’diżabilità u l-morda tal-Istitut Serafiku.

“Aħna u nservu bl-imħabba u bit-tenerezza lill-persuni li għandhom bżonn tant għajnuna, nikbru fl-umanità, għax huma verament riżorsa umana. San Franġisk kien żgħażugħ sinjur, kien mimli ideali ta’ glorja, imma Ġesù, fil-persuna ta’ dak il-lebbruż, kellmu fis-skiet, u bidlu. Ġegħelu jifhem dak li verament ta’ siwi fil-ħajja: mhux l-għana, il-qawwa tal-armi, il-glorja tad-dinja, imma l-umiltà, il-ħniena, il-maħfra”.

Fl-għoti tal-premijiet pubbliċi ejjew indaħħlu kriterju importantissimu: li min jirċievi l-premju trid tkun persuna li għandha umiltà kbira f’qalbha. L-għaliex hija persuna umli, ħanina u taħfer. U li taqdi minn qalbha lil min weġġagħha. Hekk, il-premju nazzjonali jkun tabilħaqq inċentiv biex is-soċjetà tagħna tfiq billi tippremja l-umiltà li minnha ġejjin il-virtujiet immaġinabbli li dan il-moħħ ċkejken tiegħi, u tiegħek, qatt jista’ jaħseb li jeżiżtu fuq artna. Għax huwa min hu umli f’qalbu li huwa veru kontributur fis-soċjetà tagħna!

 

  1. Victor Scerri
    January 27, 2018 at 5:17 am

    Grazzi ħafna li nkun nista
    ngħid il brevjar ta’kull jum u jsegwi aħbarijiet

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: