Minn isfel għal fuq!


Niftakar li kienet ġurnata kerha dagħwa. Is-sħab iswed kien jimla’ s-sema. U, mingħajr ma trid, aħna li aħna mdorrija fix-xemx, (u mhux ta’ b’xejn li lis-sabiħa artna, Malta tagħna, hija magħrufa mal-barranin bħala art ix-xemx), tibda’ tħossok ‘l isfel. Barra minhekk il-problemi tan-nies u anki l-isfidi personali tiegħi lanqas ma jgħinu.

Insomma. Kont down! Bħalma naħseb li, xi waqtiet, tkun int ukoll. Madankollu idi marret, bħas-soltu, fuq il-kuruna. U bdejt nitlob. Mhux għax jien xi qaddis tafux! Imma proprju l-għaliex minix. Għalkemm nixtieq ħafna li jqaddisni! U x’ġara? L-ewwel problema li qomt biha, u ħabtitni sewwa tul dak il-lejl, mar-Rużarju nħallet qisha mhix hi. Mill-ewwel is-soluzzjoni nstabet! U hawn nistħajlek tgħidli: “Kieku sew l-affarijiet faċli daqshekk Sur Patri!” Imma veru sieħbi! Daqshekk faċli l-affarijiet ħabib! Int, li tant tinkwieta u tkisser rasek, meta jkollok xi jħabbillek moħħok l-għaliex ma tagħmilx bħali u toħroġ il-Kuruna mill-but u tibda’ iżżebbeġ u titlob ir-Rużarju? Bilħaqq! Il-Papa li għandna, Ċikku, jew, ala pulita, Franġisku, m’għandux id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-għoqiedi? Jiġifieri lejn Dik li tħoll l-għoqiedi? Hemm ara! Dan hu eżempju first class kif problema l-Madonna tħollhielek. Mela issa, l-ewwel problema li jkollok, fittex oħroġ il-Kuruna mill-but u ibda’ itlob ir-Rużarju. U hekk tara kif b’talbha, il-Madonna, issiblek is-soluzzjoni!

U bilħaqq, meta xi ħadd jagħmillek xi pjaċir x’tagħmillu? Ovvja! Nixtrilu xi flixkun spirtu hux! Kull qalb trid oħra! Buli! Fhimtni! Issa jekk lill-bnedmin tal-art, li jiżbaljaw bħali u bħalek, nagħtuhom rigal, il-Madonna ma ħaqqhiex rigal ukoll sieħbi? Ikolli ngħid li ħaqqha hux! Issa l-Madonna flixkun tal-ispirtu ma tixorbux. Għaliex diġà hija mimlija bl-ispirtu! Jiġifieri bl-Ispirtu s-Santu. Mela m’għandhiex bżonn! Mela aqta’ x’tagħmel u tgħidx kemm tagħtiha gost u kuraġġ ħalli darb’oħra tgħinek? IEQAF IDGĦI BIHA U B’ALLA L-IMBIEREK! U, bilħaqq, ħajjar lil ħaddieħor ukoll. Anki b’Facebook post. X’taħseb sieħbi? Hux veru kemm b’daqshekk tagħtiha kuraġġ! Hemm ara! Qed nara ħi t-tbissima fuq fommok int u tiekol il-pastizz tal-irkotta jew il-piżelli u tibla’ l-boqqa kafè jew tè, għodu għodu, illum, il-Ħadd Imqaddes!

Issa, wara li l-Madonna ħallietli naqra l-għoqda tal-problema li kelli xorta waħda kien fadalli għoqda oħra f’qalbi. Din l-għoqda kienet ta’ toqol ieħor fil-qalb. U min illum ma jittaqqalx xi ftit? Anki jekk, bħali, ikun bid-dieta. (XXXX! Biżżejjed għax jisimgħuni!) Mela l-pager għajjatli u kelli mmur nitlob fuq persuna li kienet għadha kif ħallietna. U wara li tlabt fuq il-katavru tagħha u mal-familjari tagħha kont sejjer lura biex nagħmel biċċa xogħol oħra meta ltaqgħet miegħi hi. Fil-kuritur! Ma nafx kif id-diskors dar u l-kliem waqa’ fuq il-weġgħa. “Tkellem! Tibżax ħi”, għedtilha. U dan riedet tisma! Kemm tkellmet u kemm xerrdet dmugħ! “Iva minn tlieta ħadd ma kellimni!” qaltli. Fhimtha. U bkejt magħha. Veru! Tippretendi li jkellmuk. Li jagħtu kasek! Imma, u dejjem Alla jbierek, uħud iħalluk tegħreq! U donnhom jinsew għaliex ġew imsejħa li jkunu hekk. U li għandhom jaqdu lil għajrhom b’dan il-mod. “Iva! Nifhmek! Għandek raġun!” weġibtha b’qalbi maqsuma. “Imma issa l-Mulej bagħat lili biex nisimgħek. Tħaddet”. U issuktat tiftħilha għall-Ħdud u l-Festi kmandati!

Niftakar li waqt li kienet qed titħaddet, f’mument minnhom, għedtilha: “U mhux anki jien ngħaddi! U mhux anki jien inħoss dak li qed tħoss int! Hux veru hekk tħoss?” Kemm apprezzat! L-għaliex sabet min jifhimha! Bkiet. Straħet. U tbissmet! Issa dan qed ngħidu mhux biex int tgħid: “Alla jbierek! Kemm hu bravu u qaddis il-Patri tagħna!” Le! Lanqas xejn! Dan qiegħed ngħidu biex int ukoll tagħmel kuraġġ. L-għaliex anki fik hemm ħafna mħabba moħbija! U mela int, li ġejt maħluq u maħluqa mill-IMĦABBA, li hu l-Mulej, jista’ ikun li fik m’hemmx l-imħabba tiegħu? Tiċċajta jekk għandekx! Madankollu li għandek tagħmel hu li taqsamha mal-oħrajn. U tfiq int! Bħalma fiqt jien meta, il-Mulej, fi ħnientu, tani l-grazzja li nisma’ lil din il-persuna.

Għalhekk, bħala konklużjoni, illum nixtieq naqsam miegħek żewġ tagħlimiet. Meta tħossok l’isfel, bħalma ħassejtni jien dakinnhar, oħroġ il-Kuruna mill-but u itlob ir-Rużarju. Jekk ma tafx titolbu idħol YOU TUBE u ikteb ir-Rużarju u itolbu mal-clip ta’ Fr Hayden Williams OFM Cap. Barra minhekk, meta tkun ‘l isfel, isma’ lil min hu mdejjaq. U, wara li tagħtih ċans jitħaddet, urieh kemm fihmtu billi tgħidlu li int ukoll, bħalu, tkun imtaqqal. Imtaqqla. U tara kif Ġesù jfejjaqkom it-tnejn. Bħalma fejjaq lili!

Mulej, grazzi li illum għallimtni li meta nkun ‘l isfel int terġa’ titfagħni ‘l fuq. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.