Ir-regola tad-deheb

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 29 ta’ Jannar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jekk verament hemm l-umiltà hemm l-umiljazzjoni qal il-Papa waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-Papa bena r-riflessjoni tiegħu fuq il-figura tar-Re David, li smajna dwarha fl-ewwel silta.

David kien bniedem kbir, kien għeleb lill-Filistew, kellu qalb nobbli għax darbtejn seta’ joqtol lil Sawl bla ma wettaq l-att, imma kien ukoll midneb kbir, adulteru u assassin.  Madnakollu l-Knisja tqisu qaddis għax ħalla lill-Mulej jittrasformah, ħalla lill-Mulej jaħfirlu, nidem, u għaliex kellu ħila jammetti li hu midneb.

L-ewwel qari jtina rakkont tal-umiljazzjoni mġarrba minn David.  Ibnu Assalone jirribella kontrih.  Imma f’dak il-ħin David ma jaħsibx biex isalva ġildu, imma biex isalva lill-poplu, it-Tempju, l-Arka.  U jaħrab, ġest li jidher ta’ bniedem beżżiegħ, imma li fil-fatt hu att ta’ kuraġġ.  David kien qed jibki u kellu rasu mgħottija, kien wkoll ħafi.

Iżda l-kbir David safa umiljat ukoll mhux biss bit-telfa u l-ħarba imma bl-insulti wkoll.  Waqt li kien jaħrab, raġel li jismu Simej, beda jinsultah u jgħidlu li issa hu bniedem irvinat.  David iħallih jgħid minkejja li niesu riedu jiddefenduh: Hu l-Mulej li qed inebbħu biex jinsultani, forsi l-Mulej jitqanqal minn dawn l-insulti u jberikni, jgħid David li niesu.

David kien tiela t-telgħa taż-żebbuġ, tkompli tgħidilna l-Iskrittura.  Din, innota l-Papa, hi profezija ta’ Ġesù tiela l-Kalvarju biex jagħti ħajtu: insultat u mwarrab.  Dan hu riferiment għall-umiltà ta’ Ġesù.

Kultant aħna naħsbu li l-umiltà tfisser li ngħejxu bla taħbit, nixmu b’rasna baxxuta… imma anki l-ħnieżer hekk jimxu, osserva l-Papa bis-soltu kummenti bla tidwir mal-lewża li sar magħruf għalihom.  Din mhix umiltà.  Hija umiltà finta li ma ssalvaniex, ma tħarisx lil qalbna.  Tajjeb niftakru li mhemmx vera umiltà mingħajr umiljazzjoni u jekk int m’għandekx ħila tittollera, li ġġorr l-umiljazzjoni fuq spallejk, int mintix umli.

David jitgħabba bi dnubietu, huwa qaddis.  Bil-qdusija ta’ Alla, Ġesù hu qaddis.  David hu midneb imma Ġesù hu midneb bid-dnubiet tagħna.  Imma t-tnejn li huma sfaw umiljati.  It-tentazzjoni li niġġieldu l-kalunnja dejjem hemm qiegħda.  Imma għall-insulti ta’ Simej, David jgħid: “le”.  Il-Mulej jgħid: “le”.  Mhux dik it-triq, it-triq hi dik ta’ Ġesù kif ipprofetiżżaha David: inġorru fuqna l-umiljazzjoni, inġorru fiq spallejna l-umiljazzjoni bit-tama.

Madankollu, wissa l-Papa Franġisku, l-umiltà mhix li tfittex ġustifikazzjoni tal-offiża li tkun irċevejt: jekk ma tafx tgħejx l-umiljazzjoni, int mintix umli.  Din hi r-regola tad-deheb.

Nitolbu lill-Mulej, temm l-omelija l-Papa Franġisku, biex jtina l-grazzja tal-umiltà.  U jekk xi ħadd isib il-kuraġġ jista’ jitlob, kif jgħallimna San Injazju, jitlob lill-Mulej li jibgħatlu l-umiljazzjonijiet biex ikun jixbaħ dejjem aktar lill-Mulej.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: