Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > L-atteġġjamenti li għandu jkollu r-ragħaj veru: qrubija lejn il-poplu u tenerezza

L-atteġġjamenti li għandu jkollu r-ragħaj veru: qrubija lejn il-poplu u tenerezza


It-Tlieta 30 ta’ Jannar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Bl-imġiba tiegħu, Ġesù juri liema huma l-atteġġjamenti li għandu jkollu r-ragħaj veru: qrubija lejn il-poplu u tenerezza. Hekk qal il-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa fil-Kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Franġisku kien qed jirrifletti dwar is-silta tal-Vanġelu skont San Mark li tirrakkonta żewġ episodji ta’ fejqan li juruna kif kienet tkun il-ġurnata ta’ Ġesù.

L-Appostlu jiddeskrivi lil Ġesù mill-ġdid imdawwar b’folla kbira ta’ nies li kienet tmur warajh u li lil Ġesù kienet tqanqlu. Kien hekk li Alla wiegħed li se jakkumpanja l-poplu tiegħu, osserva l-Papa, billi jkun f’nofsu.

Ġesù ma jiftaħx uffiċċju ta’ konsulenza spiritwali b’xi tabella: ‘Il-Profeta jilqa’ n-nies it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa bejn it-3 u s-6 ta’ waranofsinhar – min irid jista’ jagħti offerta.’ Mhux hekk jagħmel Ġesù, saħaq il-Papa. Ġesù jintefa’ qalb il-poplu. U lanqas fetaħ xi klinika medika bit-tabella: ‘Il-morda jistgħu jiġu fit-tali ġurnata u jfiqu.’ Ġesù jintefa’ b’ruħu u ġismu qalb il-folla.

Din hi l-figura ta’ Ġesù, ir-ragħaj, mudell tas-saċerdot li jakkumpanja l-poplu tiegħu u minħabba f’hekk, filgħaxija jkun għajjien b’għeja ta’ min ikun ħadem u kien qalb il-poplu.

Imma l-Vanġelu tal-lum jgħallimna wkoll li l-folla kienet tissikka fuq Ġesù, iddur madwaru u tmissu. F’dil-paġna minn San Mark, dal-verb jidher ħames darbiet. L-istess jagħmel il-poplu llum anke waqt iż-żjarat pastorali. Jagħmel hekk biex jirċievi l-grazzja, u dan ir-ragħaj iħossu.

Ġesù qatt ma jinġibed lura, anzi, biex jagħmel il-ġid, iħallas, għax jgħajruh u
jgħadduh biż-żmien. Dan hu l-mod kif kien iġib ruħu Ġesù, atteġġjament ta’ ragħaj veru. Ir-ragħaj imur midluk biż-żejt li rċieva fil-jum tal-ordinazzjoni tiegħu saċerdotali jew episkopali. Imma ż-żejt veru, dak interjuri, hu ż-żejt tal-qrubija u t-tenerezza. Ir-ragħaj li ma jafx joqrob lejn in-nies għandu xi ħaġa nieqsa. Ir-ragħaj nieqes mit-tenerezza hu riġidu u lill-merħla jsawwatha bil-bastun. Qrubija u tenerezza kif naraw hawn, għax hekk kien Ġesù.

L-istess bħal Ġesù, ir-ragħaj itemm il-ġurnata għajjien, għajjien għax għamel il-ġid, u jekk iġib ruħu hekk, il-poplu jħoss il-preżenza ta’ Alla ħajja.

Illum, waqt il-quddiesa, temm il-Papa, nistgħu nitolbu għar-rgħajja tagħna sabiex il-Mulej itihom dil-grazzja li jimxu spalla ma’ spalla mal-poplu, bit-tenerezza, b’ħafna qrubija. U meta l-poplu jsib lir-ragħaj tiegħu, iħoss fih dik ix-xi ħaġa speċjali li tinħass biss fil-preżenza ta’ Alla. Hekk tintemm is-silta tal-Vanġelu: ‘Huma stagħġbu ħafna.’  L-istagħġib tal-qrubija u t-tenerezza ta’ Alla fir-ragħaj!

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: