Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Fejjaqli din qalbi maqsuma!

Fejjaqli din qalbi maqsuma!


Għall-grazzja ta’ Alla pajjiżna kiber ekonomikament tul iż-żmien. Il-ġid materjali tħossu f’Malta u f’Għawdex.

Madankollu, fostna, hawn miżerja spiritwali u emozzjonali mill-kbar nett. Hawn ħafna nies fostna imweġġgħin.

Nies li, minflok li sabu lil min jieħu ħsiebhom, sabu min jgħid kontra tagħhom, jixliehom u jpinġihom xjaten. Hawn ħafna uġiegħ fil-qlub fostna! Ibda’ mill-familji tagħna. Aħwa ma jkellmux lil aħwa. Ġenituri u wlied fi gwerrer tal-biża’. Tradimenti fir-relazzjonijiet. Żwiġijiet u familji mkissrin.

L-uġiegħ jinstab ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol. Nies li kien ħaqqhom promozzjoni u ma ingħatatilhomx. Oħrajn li ma ġewx apprezzati għax-xogħol li jwettqu minn wara l-kwinti. Il-prosit ħadha ħaddieħor ħa jkompli jikber u jistagħna hu u hi!

L-uġiegħ jinstab ukoll fil-Knisja u fil-kunventi tagħna. Jiġifieri fejn suppost issaltan l-imħabba. Kemm hawn persuni mweġġgħin b’kull mod. Kemm hawn nies li spiċċaw skartati u mwarrba. Oħrajn li sabu saħansitra min ifixkilhom fil-missjoni tagħhom. Min kien abbużat sesswalment u emozzjonalment. U min, minflok ma sab min jurih imħabba u mogħdrija, anki jekk żbalja, għax kulħadd tad-demm u l-laħam, sab lesti għalih ħitan kesħin, qlub tal-bronż u lanez ippuntati lejh lesti biex jinfduh. Kemm hawn saċerdoti u reliġjużi mweġġa’ minn ħuthom stess għax ma jkellmuhomx. Li jikkonġuraw kontra tagħhom. Kemm hu ikraħ ħuti x-xitan li ma jkellmekx, jgħir għalik u li jara kif se jimmanuvrak. Basta jkissrek bil-manuvri “ġusti”(?) u siekta tiegħu. Basta jkissrek bid-diskors fil-widnejn. Kemm hu ikraħ ix-xitan tal-preferenzi!

Jekk tħossok imweġġa’ poġġi idek fuq qalbek u itlob miegħi b’fidi:

Missier ta’ tjubija, Missier ta’ l-imħabba. Inbierkek u nirringrazzjak l-għaliex, permezz ta’ l-imħabba, tajtna lil Ġesù. Grazzi Missier, l-għaliex, fid-dawl ta’ l-Ispirtu tiegħek, aħna nifhmu li Hu d-dawl, il-verità, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li ġie biex aħna jkollna l-ħajja u jkollna bl-abbundanza.

Illum, Missier, nixtieq nippreżenta lili nnifsi quddiemek, bħala ibnek, bintek. Int tafni b’ismi. Ixħet dawk għajnejk ta’ Missier, mimlija mħabba, fuq ħajti. Int taf lil qalbi. U taf il-ġriegħi ta’ ħajti. Int taf dak kollu li xtaqt nagħmel iżda m’għamiltux. Int taf dak kollu li wettaqt u l-ħsara li għamluli l-oħrajn. Int taf il-limiti tiegħi, l-iżbalji tiegħi u d-dnub tiegħi. Int taf it-trawmi u l-kumplessitajiet tal-ħajja tiegħi.

Illum, Missier, nitolbok, permezz ta’ l-imħabba li għandi lejn Ibnek Ġesù Kristu, xerred fuqi l-Ispirtu Qaddis tiegħek. L-għaliex Missier is-sħana tal-imħabba salvifika tiegħek tippenetra fl-aktar postijiet intimi u profondi ta’ qalbi. Int li tfejjaq il-qlub maqsuma u tinfaxxa l-ġriegħi, fejjaq hawn u issa lil ruħi, lil moħħi, lill-memorja tiegħi u lill-ispirtu kollu tiegħi. Idħol fija, Mulej Ġesù, bħalma dħalt f’dik id-dar, fejn kienu d-dixxipli tiegħek mimlijin biża’. Int dehert fosthom u għedtilhom: “Il-Paċi magħkom”. Idħol f’qalbi u agħtini l-paċi. Imlini bl-imħabba. Nafu li l-imħabba tkeċċi l-biża’. Għaddi minn ħajti Mulej u fejjaq lil qalbi.

Nafu, Mulej Ġesù, li int dan tagħmlu dejjem. Meta nitolbuk dan. U jien, illum, qed nitlobulek ma’ Marija, Ommna, li kienet għat-tieġ ta’ Kana meta ma kienx hemm aktar inbid u int weġibt għax-xewqa tagħha li tibdel l-ilma fi nbid. Biddel Mulej Ġesù lil qalbi u agħtini qalb ġeneruża u mimlija mħabba, ħniena, qalb ġdida. Nibbet u xettel fija il-frottijiet tal-preżenza tiegħek. Agħtini l-frottijiet ta’ l-Ispirtu tiegħek li huma l-imħabba, il-paċi u l-ferħ. Ħalli jinżel fuqi l-ispirtu tal-beatitudnijiet ħalli nkun nista niggosta u nfittex lill-Mulej kuljum jum. Ħa ngħix mingħajr kumplikazzjonijiet u trawmi ma’ l-oħrajn, mal-familja tiegħi, ma’ ħuti.

Niżżik ħajr O Missier, għal dak li illum qed tagħmel f’ħajti. Niżik ħajr minn qalbi l-għaliex int tfejjaqni, teħlisni, tkisser il-ktajjen tiegħi u tagħtini l-ħelsien. Grazzi, Mulej Ġesù, l-għaliex jiena tempju tal-Ispirtu tiegħek. U dan it-tempju ma jistax jiġġarraf l-għaliex huwa d-dar tal-Mulej.

Niżik ħajr, Spirtu s-Santu, għall-fidi, għall-imħabba li poġġejt f’qalbi. Kemm int kbir Mulej, Alla Trinità u Wieħed! Ħa tkun imbierek u mfaħħar, O Mulej. Amen.

Emmen, ħija, oħti, li la l-Mulej “jfejjaq il-qlub maqsuma, hu jorbot il-ġrieħi tagħhom” (Salm 147:3), jfejjaq lil qalbek ukoll!

  1. January 31, 2018 at 2:58 am

    Dan il kliem kollu esperjenxajtu jien
    Praise god.
    23rd Jan tnejhili tumur minn rasi u Alla ghamel mieghi hwejjeg kbar.
    Likbar miraklu li gejt mehlusa bil pasdat u hfirt b mod ta ghageb wadra il miraklu fiziku li tqum tikkomunika wara 6 sijat operazzjoni.
    Ringrazzjamen t kbira lill Alla tiegji li tant inhobb mahux l inqas lill Mr Antione Zrinzo u team fenemenali tieghi li jahdmu mal pazient b mod dedikat u b kompassjoni.
    Nirringrazzja wkoll in nursing officcers , nursing kollha ta nsw u dawk kollha li b xi mod kelli kuntatt maghhom .
    Jien weghdthom li nzommhom dejjem fi talb tieghi.
    Grazzi mill qalbi
    Phyllis Degabriele
    Hal Ghaxaq

  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: