Tħabbret il-lista taċ-Ċelebrazzjonijiet liturġiċi li se jmexxi l-Arċisqof Charles J. Scicluna matul ix-xahar ta’ Frar 2018.
Il‑Ħamis 1 ta’ Frar 2018, fis‑6:30 p.m., l‑Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni tal‑50 anniversarju mit‑twaqqif tal‑Parroċċa tal‑Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa.
Il‑Ġimgħa 2 ta’ Frar, fid‑9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil‑festa
tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej f’Jum il‑Ħajja Kkonsagrata, fil‑Kappella tal‑Monasteru tas‑Sorijiet Klarissi, San Ġiljan.
Is‑Sibt 3 ta’ Frar, fis‑6:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan fil‑bidu tal‑Viżta Pastorali f’din il‑parroċċa.
Il‑Ħadd 4 ta’ Frar, fil‑10:45 a.m., Monsinjur Arċisqof jamministra s‑Sagrament tal‑Qrar u jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan bħala parti mill‑Viżta Pastorali f’din il‑parroċċa.
Il‑Ġimgħa 9 ta’ Frar, fis‑6:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa li matulha jagħti il‑pussess lil Dun Gordon Refalo bħala l‑Kappillan il‑ġdid tal‑Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.
Is‑Sibt 10 ta’ Frar, festa ta’ San Pawl Nawfragu, fl‑10:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja ta’ San Pawl Milqi, Burmarrad.
It‑Tnejn 12 ta’ Frar, fis‑7:15 p.m., Monsinjur Arċisqof jagħti l‑Ministeru tal‑Lettorat lil ħames seminaristi, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù.
L‑Erbgħa 14 ta’ Frar, Ras ir‑Randan, fis‑6:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Erbgħa tal‑Irmied, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Il‑Quddiesa tixxandar ‘live’ fuq il‑YouTube Channel tal‑Knisja f’Malta.
Il‑Ġimgħa 16 ta’ Frar, f’nofsinhar, Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa waqt l‑irtir tar‑Randan għall‑impjegati tal‑Kurja, il‑Caritas u t‑Tribunal Ekkleżjastiku, fil‑Knisja Ommna Marija tal‑Parir it‑Tajjeb, Paceville, San Ġiljan. Fis‑6:30 p.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal‑Comunità Abramo, fil‑Knisja ta’ Marija Bambina, l‑Isla.
Il‑Ħadd 18 ta’ Frar, fl‑10:00 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni tal‑400 anniversarju tal‑Parroċċa ta’ Santa Marija, il‑Qrendi.