Irħam jieħu n-nifs


Ġieli bħali tiltaqgħu ma’ persuni li donnhom irħam? Li l-emozzjonijiet tagħhom jissuppressawhom għal kollox? Li, aktar ma tipprova tinfetaħ għalihom, biex tħobbhom, aktar ma jagħtux kasek? Li issellmilhom minn qalbek u ma jsellmulekx lura? Li tkellimhom b’interess ġenwin u ma jkellmukx lura? Li tkun qalbek miftuħa magħhom u għalihom u lanqas ikollhom id-diċenza li jikkalkulawk? Is-suppervja ħbieb! Kemm hi kerha tabilħaqq!

Jista’ jagħti l-każ li l-persuna iġġib ruħha hekk minħabba l-weġgħat li tkun għaddiet minnhom. U allura jiġrilha li dawn il-weġgħat tant kemm ikunu akkumulaw li tispiċċa tibni qoxra. Biex, mingħaliha, tipproteġi ruħha ħalli ma tweġġax aktar. Iżda, il-ħasra hi, li aktar ma tagħmel hekk aktar tissoffokka r-rabja interna tagħha. U għalhekk ir-rabja li jkollha tbaqbaq fiha, bħall-vulkan, tant kemm tissoffokaha li ssir biċċa irħama minn barra. Li tkellimha u tibda’ tinjorak għal kollox.

Madankollu mhux kull min iġib ruħu ta’ rħama li jieħu n-nifs jagħmel hekk l-għaliex ikun tabilħaqq imweġġa’ tafux. Hawn persuni li jagħżlu li jġibu ruħhom hekk minħabba l-insigurtà kbira li hemm fihom. L-għaliex jibżgħu li xi ħadd se jisirqilhom l-attenzjoni li, b’tant tbatija u tqanżieh, ikunu ippruvaw jakkumulaw u jakkwistaw maż-żmien. U, biex żgur jassiguraw li ħadd ma jnaqqsilhom din l-attenzjoni miksuba, imqar b’xiber wieħed, b’nitfa waħda, lesti li jsiru gaffef u li jinbidlu f’tigri b’kull mod. Basta iżommuha mwaħħla magħhom. Ġieli, dawn it-talin, lesti li jkunu ta’ ostakolu u ta’ periklu serju għal min hu fl-awtorità. Arahom ikunu taz-zokkor ma’ min iridu u taż-żonqor ma’ min ma jagħtihomx l-importanza li joħolmu li għandha tingħatalhom. Kos hux il-bniedem! X’jagħmel biex ifittex naqra mħabba! Mela kemm hi fonda dik il-karba fih u fija li l-ħin kollu tingħi: ĦOBBNI! ĦOBBNI! ĦOBBNI!?

Is-suppervja ħbieb hija tal-biża! Ħares ftit lejn dak ta’ taħt San Mikiel. Li darba kien l-isbaħ anġlu u issa spiċċa l-ikrah xitan. U tant kemm is-suppervja hi tal-biża’ li toħroġ b’ħafna forom u modi. L-ewwel nett, is-supperv jaf jgħid: “Jien ma jien xejn!” Madankollu isimgħu jfaħħar lilu nnifsu kemm jiflaħ. Daqqa l-għaliex għamel hekk u daqqa l-għaliex f’dik iċ-ċirkustanza seħħlu jagħmel dik il-ħaġa. Il-litanija tal-affarijiet tajba li jagħmel is-supperv hija bla qjies. Taqtagħlek nifsek tismagħha! Minn sekonda għall-oħra dejjem jara x’se jżid fl-invokazzjoni. U, ir-ritornell, ilkoll nafuh: “Imnalla kont jien!” Jien, jien, jien! … Iċ-ċentru ta’ qalb supperva u mimlija biha nnifisha. Huwa f’dan id-dawl li kull umiltà-silicon tas-supperv hija, għal kollox, artifiċjali. L-għaliex is-supperv, fil-qalba ta’ qalbu, dejjem se jħares lejn l-oħrajn b’mod degradanti. U tifimha! Ħeqq! M’humiex tal-klassi tiegħu hux! U, ngħid jien, l-għaliex is-supperv jagħmel hekk? Mhux ovvja ħbieb! L-għaliex qatt ma kellu l-gazz li joqgħod bilqiegħda miegħu nnifsu u jirrejalizza ftit il-miżerja li hemm ġewwa fih!

Is-supperv huwa dak li l-ħin kollu jfittex dak li jmiss lilu. Mela, id-dritt tiegħu irid jieħdu sal-inqas qattra. Tiegħi irridu! Mela kollox alla lettera! U allura, l-għaliex inkun imkabbar bija nnifsi, nibda’ naħseb li jien bniedem ġust. Jaqaw insejt li l-vera ġustizzja fiha wkoll il-ħniena magħha? Imbagħad, xi ħaġa oħra li jagħmel is-supperv, hija li jaf ikun ġeneruż daqs ma nafx xiex. Biss b’kundizzjoni! Li dejjem ikun apprezzat għal dak li nagħmel. Għax jekk ma nkunx apprezzat għal dak li nkun wettaqt arani nieħu d-distanza u nsir tal-irħam. Għalhekk, filwaqt li l-karità għandha tibqa’ issir, u issir bil-bosta, ejjew ma naqgħux f’kompetizzjoni għal min l-aktar se jidher li se jikser records! Ma ninsewx il-kelma għaqlija ta’ Ġesù li tant tgħodd għal dawn iċ-ċirkustanzi partikulari li qiegħdin iseħħu ta’ spiss f’pajjiżna. “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6 :1-4).

Is-supperv jista’ jkun dak li, minbarra, aqta’ kemm jidher li hu pur! U, biex jipprova “qdusietu,” aqta’ kemm jaħrab lid-dinja! U din il-battikata kollha biex jgħaddi l-messaġġ li hu mhux involut mal-ħmieġ ta’ din id-dinja. Imma, fil-bluha tiegħu, is-supperv jinsa’ xi ħaġa tabilħaqq importanti: li l-impurità tinstab fil-qalb tal-bniedem! Fl-intenzjonijiet li jkollu jiġru l-bniedem ġewwa fih! Ħafna aktar mis-sempliċi fatt tal-ħwejjeġ fiżiċi! Il-qalb supperva tevita dak kollu li jista’ jtebba’ ir-reputazzjoni u l-fama tagħha. Basta, quddiem in-nies, kulħadd jgħid fuqu jew fuqha: “Kemm hu safi! Kemm hi safja!” “Kemm hu qaddis!” “Kemm hi qaddisa!” Il-“pur” jirrifjuta li juża sewwa l-ġid ta’ din l-art.

Is-supperv huwa dak li JEVITA lin-nies. Huwa jibqa’ lura b’mod li lilek iġagħlek tħossok xejn. Jew, a la Maltija, iġagħlek tħossok żibel. U jekk iqum xi konflitt arah ikun l-ewwel wieħed li jattakka bi ħruxija tal-biża’. U meta l-persuna l-oħra tipprova twaqqaf dan il-konflitt isimgħu jgħidlek: “M’inix qed niġġieled! Naħseb li għandek bżonn li tikkalma”. Issa dan l-att beżżiegħ tas-supperv mhux biss għajr biex juri kemm it-taparsi manswetudni tiegħu hija, fil-verità, superfiċjali imma wkoll ikun qed iċċekken bil-bosta r-reputazzjoni tiegħu li hu, b’tant tqanżieh u b’għaraq kiesaħ, jipprova jżomm.

Is-supperv dejjem jiżbalja fin-niexef. Anki fejn jaħseb li jkun qed jikkontrolla lilu nnifsu. Dan l-għaliex jew, ngħidu aħna, jsum ħafna u tgħidx kemm jiftaħar b’dak li jkun qed jagħmel. Inkella jmur għall-estrem l-ieħor li jibda’ jitfa’ fl-istonku tiegħu dak li jara quddiem għajnejh. Insomma, is-suppervja hija tabilħaqq żbilanċ waħda u sewwa!

Is-supperv jfittex ukoll li jingħoġob, kemm jista’ ikun, mal-maġġoranza. L-għaxqa tiegħu hi li jikkumplimenta lill-oħrajn b’mod eżaġerat. Basta dik il-persuna konċernata tibda’ tarah b’ħarsa tajba. L-għaliex jaf li se jieħu xi ħaġa lura minn dik il-persuna s-supperv arah jivvinta kull kumpliment. L-aqwa li jasal fejn jixtieq. Din is-superfiċjalità twasslu biex, minn barra, jidher li hu karittitiv. Madankollu, fil-qalba ta’ qalbu, il-bniedem supperv jaf jasal li jobgħod lill-persuna l-oħra. Sintendi, mingħajr mal-persuna l-oħra tintebaħ b’dan!

Is-supperv jista’ saħansitra jippersevera fil-fidi tiegħu. Biss, dan iwettqu b’ħafna u ħafna suppervja. Ta’ min jgħid li dan l-aġġir huwa tabilħaqq perikoluż. Dan l-għaliex is-supperv jibda’ jaħseb li hu qed jagħmel il-ħaġa t-tajba. U għalhekk, u oħroġ il-għaġeb, qatt u qatt ma jara l-bżonn li jinbidel. Żgur wisq minnu nnifsu! Mela x’lok hemm għalih li jibdel l-atteġġjament tiegħu?

Ħbieb, is-suppervja hija l-akbar ħalliela tal-glorja li tmiss lill-Mulej waħdu. Bl-attitudni tiegħu l-bniedem supperv jgħid lill-Mulej li hu huwa r-raġuni tal-virtù u l-qdusija tiegħu. Minflok li, bl-umiltà kollha, jagħraf li l-Mulej huwa l-għajn tat-tjubija li hemm fih. X’ħasra li ħafna minn nies jinsew li t-tajjeb ġej mill-Mulej waħdu. U, l-għaliex Hu qaddis, il-Mulej japplika fija u fik tjubitu! Is-suppervja tibda’ tiekol lil ruħi u lil ruħek. Mhux biss! Imma għandha l-kapaċità li iddawwar dik li nsejħulha Fidi, Tama u Mħabba Fija u Jien Innifsi. Meta l-Mulej jara hekk xi tridu jagħmel għajr li jagħmel pass lura? U jħalli lil dik il-persuna tadura dak li trid minnha nnifisha? Li tadura dak li hi trid u mhux li jrid hu?

Sewwa kien qalilha Ġesù lil Santa Fawstina: L-ikbar miżerja ma żżommnix milli ningħaqad ma’ ruħ, imma fejn hemm is-suppervja, Jiena ma nkunx hemm. (nru. 1563). Naffordjaw int u jien li ma jkunx hemm Ġesù fina? Naffordjaw nirrendu ruħna irħam li jieħu n-nifs?

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.