Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018 > “Aħna aħwa ta’ xulxin imma b’mod differenti” – L-Arċisqof

“Aħna aħwa ta’ xulxin imma b’mod differenti” – L-Arċisqof


Il‑Ħamis, 1 ta’ Frar 2018: fis‑6:30 p.m., L‑Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni tal‑50 anniversarju mit‑twaqqif tal‑Parroċċa tal‑Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa.

20180201_194900

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa

“Xħin daħlu l-belt telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqgħodu” (Atti 1, 13). Dan il-mument fil-ħajja tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù u tal-kulleġġ tal-appostli, li ormaj huwa l-kulleġġ tal-ħdax, kien mument importanti ħafna. Reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa ‘Taż-Żebbuġ’. Il-Mulej kien ittieħed minn quddiem għajnejhom bil-wegħda li jibqa’ magħhom. Ittieħdet minn quddiem għajnejhom il-preżenza li jistgħu jarawh, imma ngħatatilhom il-wegħda ta’ preżenza qawwija: l-Ispirtu qaddis tiegħu. “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20). Ingħatalhom ukoll il-kmand li jmorru fid-dinja kollu jxandra l-bxara t-tajba, jagħmlu dixxipli u jgħammdu fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (v. 19).

Għaddew ilkoll mill-kriżi ta’ fidi; uħud minnhom iddubitaw u l-Mulej jagħtihom iċ-ċanfira ħelwa li fl-istess ħin tfejqilhom id-dubju tagħhom u tikkonfermahom fil-fidi. Imorru lura Ġerusalemm u jidħlu fid-dar, komunità mġedda li qed tistenna wegħda oħra tal-Mulej Ġesù: il-miġja tal-Ispirtu qaddis tiegħu. Li jolqotni fil-viżta tal-appostli li Luqa jagħti f’dan l-ewwel kapitlu tal-Atti, huwa l-fatt li l-koppji tal-aħwa m’għadhomx abbinati skont id-demm imma saru aħwa b’mod differenti. Meta sejħilhom fuq ix-Xatt ta’ Tiberijade sejjaħ lil Indrì u lil ħuh Xmun, Xmun Pietru; sejjaħ lil Ġwanni u lil ħuh Ġakbu, ulied Żebedew. Imma jekk naraw l-lista kif jippreżentalna Luqa f’din l-esperjenza ġdida, insibu li Pietru huwa sieħeb Ġwanni: “Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì” (Atti 1, 13). L-aħwa saru aħwa b’mod differenti.

Wara kollox, Pietru u Ġwanni huma dawk li jersqu lejn il-qabar vojt tal-Mulej flimkien b’ġirja waħda. Ġwanni jirbaħlu fit-tellieqa imma jħalli lil Pietru jidħol hu. Imma huwa Ġwanni li jara l-faxex u l-maktur (ara Ġw 20, 4-5) u jemmen. Ġakbu huwa ħu Ġwanni imma hu abbinat ma’ Indrì, imma nistgħu ngħidu li jekk inħarsu ftit, mhux biss lejn l-abbinament tal-ismijiet, imma anke lejn il-mod kif huma mqiegħda l-ismijiet, nirrealizzaw li l-ewwel tliet ismijiet Pietru, Ġwanni u Ġakbu huma l-ismijiet ta’ xhieda privileġġata: ix-xhieda tal-qawmien tat-tifla ta’ Ġajru, ix-xhieda tat-Trasfigurazzjoni, ix-xhieda tal-agunija fl-ort.

Dan kollu għandu messaġġ għalina aħna u niċċelebraw il-Ġublew tad-Deheb ta’ din il-parroċċa. Uħud minna, jiġu minn xulxin bir-rabtiet tad-demm: familji, famiji estiżi, kuġini, sekondi kuġini. Kif jafu wkoll ħuti l-isqfijiet, meta ssir isqof, nofs Malta tibda tiġi minnek. Għaliex fil-gżira ċkejkna tagħna, ir-rabta tad-demm hija qawwija ħafna u kif ngħidu: id-demm ma jsirx semm. Kultant veru nkunu avvelenati għal xulxin, imma d-demm ma jsirx semm.

Fl-istess ħin imma, fil-parroċċa, nitgħallmu napprezzaw li aħna aħwa ta’ xulxin imma b’mod differenti. Aħna ltqajna mal-Mulej, min ħafna u min ftit, min kmieni u min tard, imma lkoll nqisu lilna nfusna, jew almenu mistednin inqisu lilna nfusna, bħala aħwa ta’ xulxin. Aħna wkoll xhieda tal-qawwa tal-Mulej li tfejjaq, aħna wkoll xhieda tas-sebħ tiegħu, kif ukoll xhieda tat-tbatijiet tiegħu. Aħna wkoll, mhux biss Pietru u Ġwanni u Ġakbu u Indrì, aħna wkoll imsejħin biex f’dinja li kultant tinsa lil Alla, aħna niftakru fl-eżistenza tiegħu, u ma nagħmluhx żero kbir f’ħajjitna, imma wkoll għandna sejħa partikolari li nfakkru lis-soċjetà tagħna li Alla jeżisiti u li Alla huwa mħabba.

Dan il-kulleġġ m’għadux kulleġġ ta’ tnax. Kien hemm wieħed li l-evanġelisti, mingħajr ħafna kumplamenti: jsejħulu traditur, isejħulu dak l-imbierek u l-aġġettivi kollha li setgħu jgħidu, imma mhux hekk, huwa kulleġġ ta’ ħdax. Ħafna drabi ngħaddu minn esperjenzi li jnikktuna fil-parroċċa u aħna rridu nitolbu biex meta nħarsu lejn xulxin, ngħoddu lilna nfusna mal-ħdax, li għalkemm barra wieħed abbandunaw lill-Mulej, xorta sabuh jistenniehom f’xatt il-baħar ta’ Tiberijade, jippreparalhom il-breakfast u jgħidlhom: “Uliedi, tridu tippreparaw xi ħaġa? Għandkom bżonn tieklu xi ħaġa?” (ara Lq 24, 42). F’dak il-mument fejn hu jgħidilhom ‘uliedi’ imma bħala sens kbir ta’ mħabba, jirrealizzaw li l-Mulej jieħu ħsiebhom u li jħobbhom tassew.

“Ilkoll kienu qalb waħda jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija Omm Ġesù u ma’ ħutu” (Atti 1, 14). L-awgurju tiegħi għal din il-parroċċa għażiża, iddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Fatima, hu li tkunu lkoll qalb waħda tiltaqgħu b’ħerqa fil-jiem tal-Mulej: is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd, biex titolbu flimkien, ovvjament mhux “ma’ xi nisa” imma “ma’ Marija omm Ġesù u ma’ ħutu”.

Din il-kelma ‘ħutu’ tirreferina iktar ma’ konnessjoni ma’ Ġesù li hi bbażatha fuq il-parentela mal-familji ta’ Ġużeppi u ta’ Marija, il-kuġini tar-razza tiegħu, ir-razza u r-radika, imma fl-istess ħin Ġesù stess jaddotta l-kelma ‘ħutu’ għal dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jwettquha. “Min hija ommi? Min huma ħuti? […] Huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmluha” (Mk 3, 33.35). U allura meta aħna nkunu qalb waħda u nitolbu flimkien, inkunu bħal Marija, bħal ommu u bħal ħutu. Hu stess qal: “Dawn huma ommi u ħuti, dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmluha”.

Li tkun qalb waħda f’isem Ġesù, ifisser li mhux biss tisma’ l-Kelma, imma tagħmilha. Aħna lkoll dgħajfin. Fl-elenku tal-appostli hemm qaddisin kbar li kellhom passat ta’ midinbin għaliex wara kollox, every saint has a past, and every sinner has a future. U kemm hu veru li kull qaddis għandu s-serje tiegħu, barra l-Madonna, tad-dnubiet tiegħu, imma kull midneb, fil-ħniena ta’ Alla u bit-tama Nisranija, għandu wkoll futur: imsejjaħ li jkun qaddis.

Aħna llum irridu ningħaqdu mal-għajta ta’ Marija li selmet lill-Mulej u faħħritu għaliex “ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddeja tiegħu” (Lq 1, 48). Aħna magħha rridu ngħidu lill-Mulej: “ħa jsir minna skont il-kelma tiegħek” (v. 37). Irid ukoll fostna jibni d-dar tiegħu. Xħin daħlu l-belt, il-belt hija s-soċjetà tagħna multikulturali ormaj multietnika, aħna msejħin nitilgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn qegħdin noqgħodu. U l-kamra ta’ fuq, fejn aħna ninġemgħu fit-talb u ngawdu u nitpaxxew bil-preżenza tal-Mulej fostna, hija din: dan hu ċ-ċenaklu tagħna, iċ-ċenaklu li bnejtu intom, li bnew missirijietkom bil-ħeġġa u bil-leadership tal-Patrijiet Dumnikani biex il-komunità tagħhom ikollha din il-kmajra ta’ fuq fejn tiltaqa’, dan iċ-ċenaklu fejn l-Ispirtu qaddis jimla u jħeġġeġ il-qalb tagħna, fejn il-Mulej jidher fostna u jgħidilna: “il-paċi magħkom”, fejn jonfoħ fuqna u jagħtina l-qawwa li naħfru, fejn jgħidilna “tibżgħux”, fejn min jiddubita bħal Tumas jgħidlu: “Tumas, tibżax, newwel idejk u miss il-pjagi tiegħi. Tibżax tersaq lejn il-pjagi tiegħi” (ara Ġw 20:27).

Dan iċ-ċenaklu, fejn ma’ Tumas aħna ngħidulu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (v. 28). Għożżuh dan iċ-ċenaklu, din id-dar, din il-kamra ta’ fuq fid-dar fil-belt fejn intom tiltaqgħu bħala komunità li tisma’ l-Kelma u li taqsam l-Ewkaristija. Fejn intom tieħdu n-nutriment neċessarju u titmantnew mill-mejda tal-Kelma u mill-mejda tal-Ewkaristija, din il-mejda li kkonsagra wieħed mill-kappillani tagħkom, l-għażiż Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.

Għandkom biex tiftaħru: ma nafx parroċċa oħra li minnha ħarġu żewġ kappillani Arċisqfijiet! Jimporta nċapċpulhom? Nirringrazzjak Mons. Frendo, għażiż Patri George, li ġejt mill-Albanija biex tkun magħna u tifraħ magħna f’dan l-anniversarju. Dawn taw ħajjithom! Intom ix-xhieda ta’ tant kappillani u nsellem ukoll lill-kappillani l-oħrajn u nixtieqkom tagħtuhom ċapċipa. U tant saċerdoti oħra li ħadmu f’din il-parroċċa. Tant miżżewġin li ħarġu minn din il-parroċċa, ommijiet u missirijiet. It-tislima tiegħi nagħtiha wkoll lill-familji tagħkom, lil dawk li qegħdin jgħixu madwar l-artal, iż-żgħażagħ tagħna. Din is-sena li b’mod speċjali ddedikata lilhom u d-dixxerniment tal-vokazzjoni tagħhom.

Nitolbu biex aħna nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ u tama. Aħna niċċelebraw il-Ġublew tad-Deheb mhux biex nieqfu u ngħidu: ‘Issa għamilna dak li kellna nagħmlu’. Le! Irridu nippreparaw għaċ-ċentinarju, imma rridu nippreparaw għax jekk nagħlqu l-bieb, mhux se jiċċelebrawh ta’ warajna. It-tieni ġublew jibda mil-lum. Aħna rridu niċċelebraw u nirringrazzjaw lil Alla għal dak li sar; imma rridu u hemm bżonn inkomplu nieħdu ħsieb xulxin. U aħna u ningħaqdu mill-Kelma tal-Magnificat li lkoll irrepetejna flimkien fis-Salm Responsorjali, nirringrazzjaw lill-Mulej għax għamel magħna “ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu […] Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, ftakar fil-ħniena tiegħu” (Lq 1, 49.54) . Għalhekk ejjew nitolbu biex aħna u nroddu ħajr lil Alla li ftakar fil-ħniena tiegħu, infakkru lil xulxin bl-imħabba ta’ bejnietna.

“Għajjat bil-ferħ u nfexx fil-hena, bint Sijon għaliex araw ġej biex ngħammar f’nofskom”. U dan huwa l-awgurju, l-ikbar barka tal-Mulej li nisimgħuh jgħidilna bħala komunità, bħala l-familja tiegħu: “Jiena ġej biex ngħammar f’nofskom. Jiena magħkom sa l-aħħar tad-dinja”. U nitolbu l-barka ta’ Sidtna Marija u tal-qaddisin Ġjaċinta u Francesco. Nitolbuhom jinterċedu għalina biex aħna wkoll, li aħna komunità ta’ nies fi ħsiebna lejn is-sema pajjiżna, dan huwa t-tifsira profond tal-kelma parrokia, tal-kelma ‘parroċċa’: komunità ta’nies li l-passaport tagħha hija l-ġenna, nitolbuhom biex aħna nkunu magħhom, imma li l-ġenna nibdewha minn issa bl-imħabba ta’ bejnietna.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: ŻAK 2,14 – 17
Salm:mAGNIFICAT
Qari II: Atti 1,12 – 14
Evanġelju: Lq 1, 26 – 45

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: