Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Il-Ħajja Kkonsagrata bħal qamar li jilma billejl

Il-Ħajja Kkonsagrata bħal qamar li jilma billejl


Il-Ġimgħa 2 ta’ Frar, 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech fil-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej.

Bħal donnu fi żminijietna kulma jmur il-lejl qed jitwal u d-dlam isir aktar iswed! Qed ngħid għad-dlam li jaħkem il-moħħ meta dan ma jibqax iffukat fuq il-verità; qed ngħid għad-dlam li jimla l-qalb meta l-imħabba vera ssir skarsa; u qed nirreferi għad-dalma tar-ruħ meta d-dubji jibdew jherru l-fidi tagħna f’Alla wieħed fi Tliet Persuni u fi Kristu Feddej tal-umanità.

 

Imma x’ser insewwu jekk noqogħdu neqirdu fid-dlam? Il-qrid ikompli jikkarga d-dlam. Għalhekk ikun aħjar jekk f’din is-sitwazzjoni naraw kif nistgħu nixegħlu mqar xrara waħda biex hekk negħlbu d-dlam.

Il-festa tal-Gandlora, jew aħjar, tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, hija festa tad-dawl. Fil-fatt, meta Xmun ħa f’idejh lil Ġesù tarbija, sejjaħlu “dawl li jdawwal il-ġnus”. Bir-raġun, għax f’idejh Xmun kien qed jerfa’ lil Kristu li jsejjaħ lilu nnifsu “d-dawl tad-dinja”. Xmun, li bħalek u bħali kien ilu fid-dlam, stejqer meta wara tant stennija u qtigħ il-qalb, fid-dawl ta’ Kristu beda jara t-tamiet ta’ ġensu jitwettqu, u hekk id-dlam jirtira: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir”.

Kif meta Marija daħlet fit-Tempju ta’ Ġerusalemm bit-tarbija f’idejha, hija kienet qiegħda ġġorr id-dawl, hekk meta aħna nidħlu fit-tempju bix-xemgħa tixgħel f’idejna, neħtieġu li nemmnu li qegħdin inġorru lil Ġesù f’idejna. Fil-fatt, kull wieħed minna jista’ jissejjaħ “Kristofru” – dak li jġorr lil Kristu.

Kif Marija kienet strumentali biex id-dawl jasal fejn kien hemm id-dlam (għand Xmun u fit-Tempju), in-Nisrani llum huwa msejjaħ jirrifletti d-dawl ta’ Kristu f’dawk l-irqajja’ mudlama tal-ħajja.

Dan kollu jgħodd b’mod partikulari għall-persuni kkonsagrati (reliġjużi, lajċi kkonsagrati fl-Istituti Sekulari u fl-Ordo Virginum), li l-għan ewlieni ta’ ħajjithom huwa li jikbru fix-xebh ma’ Kristu fqir, safi u ubbidjenti. Ħafna drabi, aħna lill-persuni kkonsagrati napprezzawhom għas-servizzi li huma joffru; imma l-għana tagħhom huwa ieħor: huma dawk li wara l-laqgħa personali ma’ Ġesù, ħajjithom inbidlet – ma baqgħetx l-istess. Dan Ġesù mhux biss kien kawża li wassalhom biex iqiegħu f’posthom il-ħsibijiet u s-sentimenti interjuri tagħhom, imma saħansitra waslu biex bidlu l-istess stat soċjali tagħhom. Is-seħer ta’ Kristu wassalhom biex jorganizzaw ħajjithom kollha mill-ġdid u li l-pern ta’ ħajjithom huwa wieħed għalkollox ġdid: Ġesù.

IMG_2195.jpg

Illum, kull min qed ifittex xaqq ta’ dawl, qed jistaqsi lilna d-dixxipli ta’ Ġesù x’tip ta’ risposta għandna għalih. Ma’ dawn il-persuni mhux biżżejjed li nitkellmu dwar Ġesù jew noqogħdu niddettawlhom il-katekiżmu; f’ċertu sens, dawn iridu jaraw rifless tad-dawl ta’ Ġesù. F’dan il-kuntest hija prerogattiva tal-persuni kkonsagrati, li fuqhom tistrieħ il-ħarsa kollha mħabba ta’ Kristu, li jikkomunikaw dan id-dawl. X’inhu d-dawl li ma jdawwalx? U x’inhi l-ħajja kkonsagrata li ma ddawwalx?

F’dan il-kuntest napplika għall-ħajja kkonsagrata l-metafora li s-Santi Padri kienu jużaw dwar il-Knisja: mysterium lunæ (il-misteru tal-qamar). Sant’Ambroġ jikteb li l-Knisja hi bħal qamar li jiddi mhux bil-qawwa tiegħu, imma hemm fuqu hemm d-dawl tax-xemx (fulget Ecclesia non suo sed Christi lumine). Fl-istess waqt, fil-Knisja tal-Lvant, San Ċirillu ta’ Lixandra jgħid: “Il-Knisja tixgħel bid-dawl ta’ Kristu, li huwa l-uniku dawl fis-saltna tal-erwieħ. Hemm dawl wieħed: f’dan id-dawl tiddi l-Knisja, li, imma, mhix Kristu nnifsu”. Dan kollu jgħodd għall-persuni kkonsagrati. Huma ma humiex id-dawl, imma jdawlu madwarhom għax huma mdawlin minn Ġesù. Għalhekk huwa meħtieġ għall-ikkonsagrati li daqskemm ikollhom fuqhom ir-riħa tan-nagħaġ, ikollhom ukoll ir-riħa tal-inċens li jkun jinħaraq quddiem is-Santissmu! Qabel ma huma aġenti ta’ ħafna ħidmiet, il-persuni kkonsagrati huma bnedmin ta’ Alla li jafu jaħlu ż-żmien fit-talb fil-preżenza ta’ Ġesù.

Il-qamar jikber u jiċkien; ġieli jkun sħiħ u ġieli jkun nofs jew felli mimdud. Marbuta ma’ dawn il-movimenti tal-qamar hemm iż-żriegħ ta’ xi żerriegħa kif ukoll iċ-ċaqliq tal-ilma baħar meta jonfoħ. Dan kollu marbut mal-fekondità. Kif is-Santi Padri, bħal Sant’Ambroġ, Santu Wistin u Anastasju s-Sinajita, japplikaw dan għall-Knisja li “tnissel” ulied għall-ħajja tal-fidi, nistgħu napplikawh għall-ħajja kkonsagrata li mhix biss bħal qamar li jdawwal, imma wkoll tixbah il-qamar li jiġġenera l-ħajja. Bl-eżempju ta’ ħajjithom il-persuni kkonsagrati għandhom saħħa li jnisslu fil-ħajja tal-fidi kemm billi jqanqlu mistoqsijiet dwar Alla u kemm inebbħu oħrajn biex bħalhom jikkonsagraw ruħhom lil Alla.

Xi drabi nistgħu naħsbu li l-qamar ikun għeb, imma fil-fatt hemm ikun, imma jkun tilef mill-qawwa tad-dija tiegħu. Kif jikkummenta Sant’Ambroġ, “għalkemm jonqos id-dawl tal-qamar, il-qies tiegħu ma jiċkienx… id-dawra tiegħu tibqa’ sħiħa” (Exameron, IV, 2,7). Fi kliem Sant’Ambroġ, hekk ukoll jiġri lill-Knisja: bħal donnha tkun ser tintemm, imma hi bħall-qamar. Dan nistgħu napplikawh għall-ħajja kkonsagrata, partikularment għall-ordnijiet reliġjużi li bħalissa jinsabu għaddejjin minn żmien ta’ għeja u nuqqas ta’ vokazzjonijiet. Il-fenomenu tal-fażijiet tal-qamar jgħinna naqraw il-futur tal-ħajja reliġjuża: jinbidlu d-dettalji, il-modi u l-kariżmi, imma l-ħajja reliġjuża tibqa’. Anzi, kif jgħallem Sant’Ambroġ, kif il-qamar jgħaddi minn dawk il-fażijiet biex jimla, hekk il-ħajja reliġjuża taf tixxejjen biex tagħti ħajjiet ġodda – hekk għamel Kristu li xejjen lilu nnifsu biex lilna tana l-ħajja.

Nagħmel din ir-riflessjoni bix-xewqa li fil-Knisja lokali jikbru l-għożża u l-interess fil-ħajja kkonsagrata. Il-preżenza tagħkom l-ikkonsagrati mhux biss hija dawl għalina li nemmnu, imma bħal nar safi tqabbad il-ġamar li qed jintefa fina u hekk aħna nerġgħu nsibu l-enerġija biex ngħixu l-karità fattiva. Wasslu l-awgurju tiegħi lill-Provinċjali tagħkom – ikun pjaċir tagħna u tagħkom kieku xi darba f’dan il-Jum jingħaqdu magħna.
Ritratt: Elizabeth J. Bugeja.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: