“It-triq tad-dawl hija wkoll it-triq tas-salib” – L-Arċisqof


Il‑Ġimgħa, 2 ta’ Frar 2018: fid‑9:00 a.m., Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil‑festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej u f’għeluq it-22 anniversarju ta’ Jum il‑Ħajja Kkonsagrata, fil‑Kappella tal‑Monasteru tas‑Sorijiet Klarissi, San Ġiljan. 

375527-740xnone.jpg

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kappella tal-Monasteru tas-Sorijiet Klarissi, San Ġiljan

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom talli lqajtuni biex flimkien niċċelebraw din l-Ewkaristija fil-festa tal-preżentazzjoni tal-Mulej u fil-jum iddedikat lill-ħajja reliġjuża. Illum ningħaqdu mal-Papa Franġisku biex nitolbu għar-reliġjużi kollha mad-dinja kollha.

U nitolbu wkoll il-grazzja li, fid-dawl ta’ din il-festa, il-Mulej iqanqal fil-qlub taż-żgħażagħ dik il-ħeġġa li jagħtu ħajjtihom għalih. Fi kliem ieħor, b’mod speċjali, illum nitolbu għall-vokazzjonijiet għall-ħajja religjuża, kemm maskili kif ukoll femminili, f’kull qasam tal-operat tal-Knisja, kemm fil-ħajja kontemplattiva, bħalma intom intom, kif ukoll fil-ħajja attiva.

Din il-ġrajja li teħodna 40 jum wara t-twelid ta’ Ġesù b’xi mod tiġbor fiha l-ħajja kollha tal-Mulej. Il-Mulej jiġi ppreżentat, bħalma tgħid il-liturġija tal-Knisja, fis-sura tiegħu tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Jista’ jiġi offrut fit-tempju u jidħol fit-tempju għax sar bniedem, u dak li qegħdin niċċelebraw 40 jum wara t-twelid tiegħu, ifakkarna fil-misteru tal-Verb ta’ Alla li jgħammar fostna.

Fis-Salm hemm miktub: “Jiena nagħmel ir-rieda tiegħek, Mulej. Ġisem ħejjejt għalija. Hawn jien ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” U fil-ġisem il-Mulej huwa ppreżentat lil Alla fil-ġisem, il-ġenituri tiegħu jwassluh fit-tempju. Jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid. Il-profezija ta’ Malakija sseħħ bħal-lum, “jasal minnufih fit-tempju tiegħu, is-sid mistenni minnkom” (ara Mal 3, 1).

It-titli li Xmun jagħti lil Ġesù huma sinteżi, huma ġabra tal-missjoni tiegħu u anke ta’ dak kollu li aħna se nagħżlu u se kunu quddiem il-missjoni tiegħu. “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2, 30). Imma x’kien qiegħed jara Xmun? Kien qiegħed jara tarbija ċkejkna li jisimha Ġesù. L-isem stess, Ġesù, magħżul minn Alla u mħabbar permezz tal-anġlu Gabrijel kemm lil Marija u kemm lil Ġużeppi, ifisser Alla s-Salvatur, Alla Salvazzjoni. Mela hemm dak il-qbil fil-profezija ta’ Xmun, qiegħed jara dit-tarbija u qed jifhem li hija sseħħ fil-ħajja tagħha l-isem li jingħatalha. “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek”.

U għal min hija mħejjija din is-salvazzjoni? Aspett ieħor li Xmun jikkonferma fil-profeżija tiegħu hija li s-salvazzjoni li se ġġib din it-tarbija, hija salvazzjoni universali, salvazzjoni li inti ħejjejt “għall-popli kollha” (v. 31), mhux għall-poplu ta’ Iżrael biss, imma għall-popli kollha. 40 jum wara t-twelid tiegħu bħalma ġara wkoll fl-Epifanija, terġa’ tiġi kkonfermata s-sejħa universali għall-qdusija permezz tal-fidwa li jġibilna Ġesù, “Għaliex hu dawl biex idawwal il-ġnus u glorja ta’ Iżrael” (v. 32).

F’din l-espressjoni hemm iż-żewġ pulmuni tal-Evanġelju: l-Evanġelju lill-poplu ta’ Iżrael li kellu jieħu ħsiebu Pietru ’l quddiem, u l-Evanġelju lill-ġnus li kellu jippromwovi l-Appostlu Missierna San Pawl. Għalhekk San Luqa, fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu fit-tieni kapitlu, diġà jantiċipa dak li se jkun it-tħabbir tal-Evanġelju, kif naraw ukoll fl-Atti tal-Appostli, Evanġelju mħabbar lil Iżrael li minnu kellu jitwieled il-Messija. U twieled il-Messija u li fit-tempju ta’ Ġerusalemm laqa’ lill-Mulej jidħol fit-tempju tiegħu. U għalhekk it-tarbija “hija glorja tal-poplu ta’ Iżrael”, imma fl-istess ħin l-Evanġelju mħabbar mill-ġnus.

Il-kategorija li tintuża’ fil-konfront tal-ġnus u tagħna wkoll, għax aħna ġejjin mill-ġnus, hija l-kategorija tad-dawl. U għalhekk xieraq li l-liturġija tal-lum tibda bil-luċernarju, mhux biss għaliex tfakkarna li l-misteru tal-Milied tal-Mulej joqrob ħafna fil-misteru tat-tbatija u l-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet għax il-luċernarju huwa dak tal-Għid, imma wkoll għaliex Ġesù stess isejjaħ lilu nnifsu “d-dawl tad-dinja”. U jsejjaħ ukoll lilna “intom id-dawl tad-dinja”. L-Appostlu Missierna fl-Ittra lill-Efesin jinsisti li aħna wlied id-dawl u rriedu ngħixu u nimxu fl-imħabba bħala ulied id-dawl (ara Ef 5, 8).

“Missieru u ommu” jgħid l-Evanġelista, “baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu” (Lq 2, 33) u Marija mbagħad tifhem li l-Iben tagħha li huwa dawl tal-ġnus u glorja ta’ Iżrael, kellu wkoll min imerih. “Ara dan se jġib il-waqa’ u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, se jkun sinjal u jmeruh” (v. 34). U l-omm tifhem ukoll li għalkemm dan huwa jum ta’ ferħ u ngħodduh bħala wieħed mill-misteri tal-ferħ, huwa wkoll wieħed mid-duluri tagħha. Dan il-jum huwa wkoll wieħed mis-seba’ duluri tal-Verġni mbierka għaliex il-Madonna tingħata profezija tad-duluri tagħha: “Int ukoll min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek” (v. 35). U, kif nafu, l-ikonografija tad-Duluri u l-Madonna bis-sejf jinfdilha l-qalb qaddisa tagħha, ġejja minn din il-profezija ta’ Xmun “sejf jinfidlek ruħek”.

Dan huwa b’xi mod antiċipu ta’ dak li Ġesù stess jispjega lid-dixxipli ta’ Għemmaws. Id-dixxipli ta’ Għemmaws, li telqu minn Ġerusalemm f’dan il-post fejn qegħdin illum, wara li kienu semgħu l-aħbar tal-qawmien mill-imwiet min-nisa, huma konfużi, ma jafux jekk jemmnux jew le. Lil Ġesù li jissieħeb magħhom, jgħidulu: “Inti l-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara f’dawn il-jiem kif Ġesù ta’ Nazaret, bniedem qawwi quddiem Alla u l-bnedmin, ġie mogħti għall-mewt. Issa xi nisa qalulna li qam mill-mewt, imma diġà għaddew tlitt ijiem minn dan kollu” (ara Lq 24, 18-21). U jitilqu ’l hemm. U Ġesù, bil-kalma, jispjegalhom il-qawwa tal-Iskrittura waqt li qalbhom tibda bil-mod il-mod tħeġġeġ. Fil-qalb tagħhom tibda tikber il-fjamma tal-fidi vera. Hu jgħidilhom: “Imma kemm intom boloh u tqal biex tifhmu l-Iskrittura? Mhux hekk kellu jkun? Li l-bniedem ibati u hekk jidħol fil-glorja tiegħu” (v. 26).

Jekk aħna llum qegħdin niċċelebraw il-glorja, is-sebħ, id-dawl tal-Mulej, li jidher ukoll fuq it-Tabor, illum niftakru wkoll li kien hemm liġi li hu ma jiċħadx: il-liġi tas-salib per crucem ad lucem. Propju llum hija l-festa ta’ din l-espressjoni tant għażiża fl-irtiri antiki u fl-ispiritwalità tal-ħajja Nisranija. Illum huwa mument ieħor fejn aħna nifmhu li t-triq tad-dawl hija wkoll it-triq tas-salib għaliex fis-salib hemm ir-resistenzi kollha tagħna għad-dawl ta’ Ġesù, hemm l-istmerrija tagħna bi dnubietna, imma hemm ukoll ir-rebħa tad-dawl fuq id-dlam, tal-grazzja fuq id-dnub, tal-imħabba fuq il-mibeghda.

Aħna llum nitolbu biex Ġesù jkun salvazzjoni u dawl għall-ġnus kollha, jibqa’ jkun glorja għal Iżrael. U nitolbu wkoll li, meta jmeruh u jmeru lill-Knisja tiegħu, il-ġnus xorta waħda jifhmu li, għalkemm huma liberi jiċħdu l-proposta ta’ mħabba tiegħu, il-messaġġ tiegħu jibqa’ messaġġ ta’ mħabba. U nitolbu wkoll għal dawk li huma msejħa jissieħbu ma’ Marija fin-nifda tas-sejf tal- tal-Imgħallem, ta’ min ma jistħix mis-salib tal-Mulej.

Kien hemm ukoll profetessa, bint Fanwel, li b’xi mod tantiċipa l-missjoni tagħkom. Kienet armla, jiġifieri kien għaddielha l-istaġun tal-imħabbiet ta’ din id-dinja. “Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena ma kienetx titwarrab mit-tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb” (Lq 2, 37). B’xi mod kienet saret mara tal-klawsura wkoll fit-tempju lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb. B’xi mod tantiċipa l-missjoni tagħkom. Dak il-ħin stess bdiet tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Kemm hi ħaġa sabiħa, u din hija l-konsenja li nagħtikom llum, li bħal Anna li kellha l-isem ukoll tan-nanna ta’ Ġesù, isem għażiż li jfakkarna wkoll fil-ħniena tal-Mulej għax ‘hana’ hija propju minn ħniena, hija propju bħal anke Ġwanni u Anna, dawk huma mill-istess għerq: Ħanna u Joħan jew Joħanna jfakkruna fil-ħniena, fil-ħlewwa. Ġesù kellu bħala nanna lil Hanna u kien salvatur u bħala prekursur lil Johanan li fkakkarna li Alla ħanin għax Ġesù kull fejn imur tiġri miegħu l-ħniena u l-barka. U anke din il-profetessa tal-klawsura ta’ Ġerusalemm, kienet ukoll tfakkarna f’isimha li dan li ġej bħala dawl u salvazzjoni, ġej ukoll il-karru tiegħu, huwa karru tal-ħniena. U xi bdiet tagħmel? Tfaħħar lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Komplu faħħru lil Alla bil-ħajja tagħkom, bis-sagrifiċju tagħkom, bl-għotja tagħkom u tkellmu bil-ħajja tagħkom, bis-silenzju tagħkom, imma anke b’xi kelma waqt xi telefonata jew xi viżta fil-parlatorju, tkellmu mal-poplu għażiż tagħna fuq din it-tarbija Ġesù, “dawl għall-ġnus kollha u glorja ta’ Iżrael”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mal 3,1-4
Salm: 23, 7-10
Qari II: Lhud 2, 14-18
Evanġelju: Lq 2, 22-40

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.