Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Preżenza li titkellem

Preżenza li titkellem


Il-Ħadd 4 ta’ Frar 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġwann Bosco. Kappella tal-Oratorju Don Bosco.

Skont il-Vanġelu, f’Kafarnahum kien hemm soċjetà marida. Il-mard fiżiku kien imżewweġ ma’ mard spiritwali tant li lil Ġesù ħadulu quddiemu kemm il-morda u kemm lil dawk maħkuma mix-xitan (ara Mk 1:29-39). U dan minkejja li kienet soċjetà reliġjuża.

Il-ħajja ta’ din il-belt kienet iddur mas-sinagoga, mat-Tempju (jew, biex niftehmu, mal-kappella!). Fil-fatt, San Mark jgħid li kien “filgħaxija… fi nżul ix-xemx” li ħadu lill-morda quddiem Ġesù. Il-Lhud tħarrku filgħaxija għax dakinhar kien is-Shabbat, u għalhekk kien ipprojbit għalihom li jagħmlu xi attività matul dan il-jum qaddis. Kellhom ħafna regolamenti reliġjużi li kienu jxekkluhom – l-istess regolamenti “marrduhom”! Ħallew ix-xemx tinżel biex letteralment ikun spiċċa x-Shabbat, u ressqu lill-morda quddiem Ġesù – hekk ammettew li kienu morda!

Imma dan l-episodju jikxef ukoll li din il-ġemgħa reliġjuża kienet tilfet il-kapaċità li tfejjaq. Il-poplu ta’ Alla kien imżejjen b’diversi doni, anki bil-qawwa li jfejjaq. Fl-istorja tal-poplu l-magħżul niltaqgħu ma’ diversi persuni li kellhom il-kariżma li jfejqu; imma mal-medda tas-snin din il-qawwa li jagħmlu l-mirakli għebet. Baqgħet il-qoxra reliġjuża, imma tilfu r-ruħ.

Dan kollu napplikah għall-ġemgħa reliġjuża tagħna. Aħna, ħażin jew tajjeb, għadna nosservaw il-jum tax-Shabbat (il-Ħadd), għadna ninġabru fis-sinagoga tagħna (il-knisja) biex nisimgħu l-Kelma (anki jekk tgħaddi minn fuq rasna), nosservaw ċerti regolamenti li nqisuhom sagri, tant li min jonqos minnhom inqisuh bħala misfit fil-komunità… Minkejja dan kollu, il-mard spiritwali u morali tagħna qed joktor ġmielu. Hemm ħafna kontradizzjonijiet f’din il-ġemgħa reliġjuża. Insemmi fatt wieħed biss: donnu f’din is-soċjetà reliġjuża li tedha bil-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi bl-iskuża li nagħtu xogħol lill-immigranti li hawn fostna, b’mod sistematiku qed tinħoloq għamla ta’ skjavitù u dan bil-koperazzjoni ta’ min suppost għandu jgħasses biex dawn il-ħwejjeġ ma jsirux.

F’dan il-kuntest jidħol Kristu, li joffri l-fejqan mill-mard. Xħin ġie biex ifejjaq, huwa ma jagħmel ebda prietka jew eżortazzjoni, imma kien biss preżenti ħdejn il-bniedem kollu miżerja. Imma billi Ġesù huwa l-Kelma li saret laħam, il-preżenza tiegħu biss iġġib dan il-fejqan u tiġdid. Il-preżenza tiegħu tagħmel preżenti l-Kelma li għandha qawwa fejjieda li tqajjem lil min qed imut, issaħħar il-belt tal-bnedmin. Min jaf kemm nitħabtu biex niġbru lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ, min jaf kemm noħolmu attivitajiet pastorali… Hawnhekk għandna l-Kelma inkarnata, il-Kelma megħjuxa, il-Kelma li ma tistmerrx tkun ħdejn l-iskart tas-soċjetà. Hawn għandna l-Kelma li mhix marbuta mar-regolamenti reliġjużi. Fil-fatt, għalkemm fil-jum tas-Shabbat ma kienx permess lanqas li wieħed jagħmel żjara lil marid, Ġesù jaġixxi. Mhux skjav tar-regoli. Għalih il-marid jiġi qabel ir-regola. Quddiem il-bżonnijiet tal-bniedem, ħafna mill-iscaffolding reliġjuż tagħna jiżżarma.

Inħoss li bħala Knisja rridu noqogħdu ferm attenti li ma nsibux ruħna fl-istess qagħda tal-Lhud ta’ żmien Kristu. Mhux biżżejjed li ħajjitna tkun iddur mas-sagristija u r-ritwali vojta, li l-Kelma ta’ Alla nidrawha tant li naħsbu li ma għandha xejn ġdid għalina u hekk issir biss ħoss fil-baħħ. Imma hemm bżonn li l-Kelma tinkarna fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Huwa dan il-mod ġdid tal-Kelma li tinbidel f’esperjenza u xhieda li jistgħu jġibu l-bidla u jqanqlu l-kurżità u l-interess fl-oħrajn, anki fiż-żgħażagħ.

F’Turin, Don Bosco sab ruħu f’soċjetà li kienet tixbah lil dik ta’ Kafarnahum minħabba l-mard li kien hemm. Huwa ma stmerrx lill-morda, ma beżax li jikkalunnjawh, ma trażżanx mill-kritika, ma ntrabatx mar-regoli. Don Bosco ħalla l-Kelma tinżel fih, u ta’ saċerdot denn u mimli passjoni għall-bniedem, bħal Kristu huwa fittex li jkun qrib iż-żgħażagħ dgħajfin. Iż-żgħażagħ inġibdu lejh mhux għax kellu kwalitajiet organizzattivi jew xi kapaċitajiet superjuri, imma għax lemħu fih saċerdot li jħobb lil Ġesù.

Il-Vanġelu tal-lum inħoss li fih dettall li jista’ jorjentana fil-ħidma pastorali tagħna: din il-Kelma li tfejjaq la ġiet imlissna fis-sinagoga u anqas ma kienet operattiva f’dan il-post sagru. Għall-kuntrarju, il-Kelma ħadmet fid-dar ta’ Pietru! San Mark jgħid li Ġesù u d-dixxipli tiegħu ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin għand Xmun u Indrì. Hawnhekk seħħet tranżizzjoni importanti: Kristu ħareġ minn post sagru u mar f’dar ta’ familja – huwa mar fejn jgħammar il-bniedem, fejn tiżvolġi ruħha l-istorja ħafna drabi kkumplikata tal-bniedem.

Dan ix-xift fil-pastorali neħtiġuh aħna llum. Aħna naħsbu li l-azzjoni pastorali tagħna tibda u tintemm fil-kappella. Mhux li l-kappella ma għandhiex postha, imma jekk irridu nagħmlu esperjenza tal-Kelma li ssebbaħ u tqajjem, ma nikkuntentawx irwieħna b’dak li jiġri fil-kappella, imma jrid ikollna l-kuraġġ li mmorru f’dawk l-ambjenti fejn il-bnedmin jgħixu l-ħajja normali tagħhom. Niftakru li fl-ewwel sekli, meta l-Insara ma kellhomx il-libertà li jiċċelebraw it-twemmin tagħhom fil-pubbliku, kollox kien isir fid-dar, tant li l-familja kienet tissejjaħ “knisja tad-dar”. Aħna hemm bżonn nikkonvinċu ruħna li l-azzjoni tal-grazzja tista’ ssir ukoll fid-djar tagħna. Il-familja hija l-ewwel aġent li tittrasmetti l-fidi lill-membri tagħha stess. Hija ħasra li l-ħajja spiritwali tagħna strutturajniha f’compartments. Fil-fatt, hemm min jissodisfa ruħu bit-tliet kwarti tal-quddiesa tal-Ħadd (meta ma jkunx hemm ukoll min jaħrat il-quddiesa f’nofsiegħa!), imbagħad iħossu square ma’ Alla! B’din ix-xorta ta’ spiritwalità ma tantx nistgħu mmorru ’l bogħod.

Fis-sistema ta’ San Ġwann Bosco, il-kappella għandha l-importanza tagħha; imma dan is-saċerdot fehem ukoll kemm kienet meħtieġa l-pastorali tat-triq. Huwa ħoloq ambjenti sekulari (bħalma kienu l-ħwienet tax-xogħol u l-iskejjel) fejn bl-għajnuna ta’ pedagoġija umana u Kristjana, b’għan preventiv u inklussiv, huwa sieħeb tfal ġejjin minn żoni popolari u tal-periferija, edukahom u għallimhom xi sengħa. Hekk kif għamel Kristu mal-kunjata ta’ Pietru, huwa kien jaqbad iż-żgħażagħ minn idejhom, qajjimhom minn dawk is-sitwazzjonijiet koroh, biex imbagħad huma setgħu jservu.

Għeżież ħuti, din ir-riflessjoni hija eku ta’ dak li nebbħitni l-Kelma ta’ Alla llum; ma nistagħġibx li anki intom, jekk tagħmlu wisa’ għall-Kelma fikom, ikollkom xi ħaġa x’tgħidu lili għall-ġid tal-Knisja llum. Jekk insibu post għall-Kelma ta’ Alla fil-ħajja personali u komunitarja tagħna, aħna mhux biss infiqu mill-mard tagħna, imma fuq kollox ikollna ħila li ngħinu oħrajn ifiqu.

Awdjo Bil-kortesija ta’ Radju Leħen il-Belt Victoria.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: