It-talb tal-adorazzjoni


It-Tnejn 5 ta’ Frar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nibqgħu mexjin dejjem għat-telgħa, lejn it-talb u l-adorazzjoni, bil-fakra tal-għażla u tal-patt fi qlubna. Din kienet l-istedina li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa bena r-riflessjoni tiegħu fuq l-ewwel qari meħud mill-Ktieb tas-Slaten li fih naqraw li r-Re Salamun jiġbor il-poplu biex jitla’ lejn it-Tempju, ħalli jieħu hemmhekk l-Arka tal-Patt.

Mixja għat-telgħa, qal il-Papa, hi differenti minn dik fil-pjan, mhix dejjem ħafifa. Dik tal-poplu Lhudi kienet mixja biex il-Patt li fih il-poplu kellu miktuba l-istorja tiegħu, ikun fakra tal-ħatra tiegħu.

Il-poplu kien qed iġorr żewġt itwavel tal-ġebel kif kienu mogħtijin lilu minn Alla, imma dal-poplu kien qed iġorr ukoll dak li tgħallem mingħand l-iskribi li kienu mlew il-liġi b’mijiet ta’ regoli.

Il-Patt bla tlellix hu ċar: Jien inħobbok u inti tħobbni, l-ewwel kmandament: ħobb lil Alla u t-tieni: ħobb lill-proxxmu. Fil-fatt fl-Arka ma kien hemm xejn aktar ħlief żewġ twavel tal-ġebel.

Huma wasslu l-Arka fis-santwarju u malli l-qssisin ħarġu, is-sħaba, il-glorja tal-Mulej, imliet it-Tempju. Għalhekk il-poplu niżel jadura: għadda mis-sagrifiċċji li kien għamel fil-mixja għat-telgħa, għas-skiet, għall-umiljazzjoni tal-adorazzjoni. Ħafna drabi naħseb, innota l-Papa, li lill-poplu tagħna aħna ma ngħallmuhx kif jadura.

Ngħallmuh jitlob, ikanta, ifaħħar ‘l Alla, imma l-adorazzjoni…. It-talb tal-adorazzjoni jxejjinna bla ma nixxejnu: adorazzjoni bħal din ittina n-nobbiltà u l-kobor. U napprofitta ruħi llum, issokta l-Papa, lilkom, għadd ta’ kappillani li għadkom kif irċevejtu l-ħatra, biex ngħidilkom: għallmu lill-poplu kif jadura fis-skiet.

Għalhekk l-eżortazzjoni tal-Papa kienet biex minn issa nitgħallmu x’għad irridu nagħmlu meta naslu fis-sema: it-talb tal-adorazzjoni.

Iżda biex naslu hemm, kompla jgħid il-Papa Franġisku, irridu nżommu f’moħħna li aħna maħturin, li fi qlubna għandna wegħda li timbuttana biex nimxu bil-Patt f’idejna u fi qlubna. Dejjem f’mixja, mixja iebsa, mixja għat-telgħa imma dejjem mixja lejn l-adorazzjoni.

Quddiem il-glorja t’Alla, kompla l-Papa, il-kliem jintilef, ma nafux x’naqbdu ngħidu. Kif se naraw fil-liturġija ta’ għada, kulma jirnexxilu jgħid Salamun hu: isma’ u aħfer.

Għaldaqstant il-Papa għamlilna stedina biex naduraw fis-skiet bil-fakra tal-istorja tagħna u nitolbu biex nisimgħu u naħfru.

Jagħmlilna tajjeb illum li nsibu ftit ħin għat-talb bil-fakra tal-mixja tagħna, bil-memorja tal-grazzji li rċevejna, bil-memorja tal-ħatra, tal-wegħda, tal-Patt u nfittxu li nibqgħu telgħin lejn l-adorazzjoni biex fl-adorazzjni nilbsu tant umiltà li ngħidu biss dit-talba ċkejkna: Isma’ u aħfer.

Ħajr lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.