Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-midneb jista’ jsir qaddis imma l-korrott le

Il-midneb jista’ jsir qaddis imma l-korrott le


Il-Ħamis 8 ta’ Frar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nishru dejjem u kuljum biex ma nitbegħdux mill-Mulej. Din kienet l-istedina li għamel il-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu. Il-Papa għamel riflessjoni dwar ir-riskju li aħna lkoll esposti għalih, ir-riskju li qalbna tiddgħajjef.

 

David hu qaddis minkejja li hu midneb, iżda l-Mulej jiċħad lill-kbir u għaref Salamun għax sar korrott. Dan hu l-paradoss li tkellem dwaru l-Papa Franġisku.

L-ewwel qari li ttina l-liturġija tal-lum hu meħud mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten u jkellimna dwar Salamun u d-diżubbidjenza tiegħu. Smajna xi ħaġa stramba, ikkummenta l-Papa, qalb Salamun ma baqgħetx sħiħa mal-Mulej Alla tiegħu, bħalma kien missieru David.

U kienet xi ħaġa stramba għax aħna nafu li Salamun ma kienx wettaq xi dnubiet kbar, kien dejjem rasu fuq għonqu, filwaqt li nafu li David kellu ħajja mqallba u kien midneb.

Madankollu David hu qaddis u dwar Salamun ngħidu li qalbu kienet tbegħdet mill-Mulej. Hu li kien tant imfaħħar mill-Mulej meta kien talab l-għerf biex jiggverna sewwa u mhux l-għana.

Kif nispjegawh dan?, staqsa l-Papa. Meta David fehem li dineb, talab maħfra, filwaqt li Salamun, li kien miġjub mid-dinja kollha u li saħansitra r-reġina ta’ Saba riedet tiltaqa’ miegħu, tbiegħed mill-Mulej biex jiġri wara allat oħra bla ma lanqas biss induna.

Hawn tinsab il-problema tal-qalb li tiddgħajjef. Meta l-qalb tibda tiddgħajjef. Mhix l-istess ħaġa bħal meta bniedem isib ruħu f’sitwazzjoni tad-dnub: int tagħmel dnub u tinduna mill-ewwel: inqast f’hekk, ħaġa ċara. Id-dgħufija tal-qalb hi mixja bil-mod il-mod li tibda’ tiżloq fiha bla ma tinduna. U Salamun, illuppjat bil-glorja tiegħu, bil-fama li kellu, beda miexi f’dit-triq.

Huwa paradoss li aħjar iċ-ċarezza tad-dnub milli l-qalb li tibda’ tiddgħajjef, afferma Franġisku. Il-kbir Salamun spiċċa biex sar korrott, għax qalbu ddgħajfet.
Il-bniedem ta’ qalb dgħajfa hu bniedem tellief. Dan hu l-proċess li jgħaddu minnu tant insara, tant minna. Ngħidu lilna nfusna: jien ma nagħmilx dnubiet kbar. Imma kif inhi qalbek? Hi b’saħħitha? Għada fidila lejn il-Mulej jew qed tiżloq naqra naqra?

Id-dramm tal-qalb li tiddgħajjef jista’ jolqot lil kulħadd fil-ħajja. Allura x’għandu jsir? Franġisku issokta: Nishru. Nishru fuq qalbna. Sahra. Kuljum, kuljum attenti għal dak li jkun qed jiġri f’qalbna.

David huwa qaddis. Kien midneb. Midneb jista’ jsir qaddis. Salamun kien miċħud għax kien korrott. Il-korrott ma jistax isir qaddis. Il-mixja lejn il-korruzzjoni tgħaddi mill-qalb li tiddgħajjef.

Allura nishru, nishru kuljum, temm jgħid il-Papa Franġisku. Neżaminaw kif inhi qalbna, kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-Mulej u niggosta s-sbuħija u l-hena tal-fedeltà.

Ħajr lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: