Jekk trid tkun ħabib tal-Kelma, għixha!

Print Friendly, PDF & Email

It‑Tnejn, 12 ta’ Frar 2018: fis‑7:15 p.m., Monsinjur Arċisqof ta l‑Ministeru tal‑Lettorat lil ħames seminaristi, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù.[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/398873397″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù

Nispera li meta jgħaddi ż-żmien u tiftakru f’dan il-jum, ma tgħidux li sirtu letturi fil-Karnival. Jekk ma ftakartux dalgħodu, ngħidilkom jien: illum huwa l-birthday ta’ San Ġorġ Preca li twieled fit-12 ta Frar 1880, il-Belt Valletta. Ftakru li sirtu letturi f’jum it-twelid ta’ dan l-apostlu tal-fidi li ta ħajtu għax-xandir tal-Kelma. Hija ġurnata għażiża għax it-twelid ta’ kull bniedem huwa rigal kbir imma t-twelid ta’ San Ġorġ Preca għal Malta u għad-dinja kien providenza kbira.

F’dan il-jum jiena nixtieqkom tiftakru wkoll fit-tnehida ta’ Ġesù. Dan l-Evanġelju, meħud minn San Mark, huwa għażiż ħafna għaliex fih hemm waħda mill-ewwel tnehdijiet ta’ Ġesù. F’din it-tnehida ta’ Ġesù hemm imħabba kbira imma hemm ukoll frustrazzjoni tremenda. Għaliex? Għaliex il-Fariżej iħaqquha miegħu biex iġarrbuh, iħaqquha miegħu għaliex ormaj iddeċidew li jirreżistu għall-messaġġ u l-Kelma tiegħu.

Il-Knisja qiegħda tafdalkom it-teżor kbir tal-Kelma ta’ Alla, mhux tal-bniedem, imma l-Kelma ta’ Alla u b’mod speċjali l-Kelma tal-Mulej.

L-Evanġelista jgħidilna: “Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: ‘Għalfejn irid sinjal dan in-nisel?’” Bħal donnu l-Kelma ta’ Ġesù mhijiex biżżejjed? Il-mirakli li għamel mhumiex biżżejjed? X’sinjal iridu? B’dan se jemmnu? (ara Mk 8, 12). Kif nafu, San Mark huwa konċiż ħafna u jgħid: “Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan il-nisel. U telaqhom”. San Luqa jgħidilna: “Ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel ħlief is-sinjal ta’ Ġona” (Lq11, 29). Is-sinjal ta’ Ġona huwa s-sinjal tal-qawmien tiegħu, huwa sinjal li kif nafu, m’aċċettawhx. Mhijiex kwistjoni ta’ sinjal.

Intom u ssiru letturi, Ministri tal-Kelma, il-Knisja qiegħda tafdalkom it-teżor kbir tal-Kelma ta’ Alla, mhux tal-bniedem, imma l-Kelma ta’ Alla u b’mod speċjali l-Kelma tal-Mulej. Din hija l-Kelma tal-Mulej, tal-Mulej Ġesù. Tippretendux li kull min jismagħkom se jċapċpilkom imma intom, bħalma jgħid il-profeta u bħalma jgħid Alla lill-profeta Ġeremija: “Tgħidx ‘Għadni żgħir’. Inti tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kulma nordnalek. La tibzax minnhom, għax jiena miegħek biex neħilsek” (Ġer 1, 7-8).

M’ilux, fil-festa solenni ta’ San Pawl, fakkarna t-tmiem tal-Evanġelju ta’ San Mark, l-Evanġelju fejn il-Mulej jagħti l-missjoni lil ħdax. In-nota tal-Evanġelista hija li l-Mulej issieħeb il-kelma ta’ dawn il-mibgħuta, tal-appostli, bil-mirakli, bħalma għamel fil-każ tal-Appostlu Missierna. Fil-lista tal-mirakli li jsemmi San Mark fl-aħħar mumenti tal-Evanġelju tiegħu, hemm ukoll il-laqgħa tagħna mal-appostlu tiegħu, ma’ Pawlu: “Jaqbdu s-sriep b’idejhom u ma jagħmlulhomx ħsara, iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu” (Mk 16, 18). U dawn il-mirakli ssieħbu l-Kelma fl-esperjenza tagħna. Aħna nafu li Pawlu tkellem minn mirakli li ssieħbu magħha u nafu li Pawlu mhux se joqgħod xi mkien tliet xhur u ma jgħid xejn. Ħalli għalih!

Intom ukoll m’intomx imsejħin li tkunu muti; intom imsejħin biex tapprezzaw is-silenzju. Hemm differenza bejn tapprezza s-silenzju u li ma titkellimx. Il-kelma tagħkom trid tikber fl-ambjent tas-silenzju fejn qalbkom tinfetaħ għall-Mulej. Mingħajr dan is-silenzju, il-kelma tagħkom tkun riħ, tkun nifs. Quddiem il-Mulej, fis-silenzju, tridu tnisslu l-kelma u s-smigħ tagħha għax il-kelma tagħkom trid tkun kelma li toħroġ mill-qalb u l-awtorevolezza tagħha hi għax tkun ħierġa mill-qalb.

Kunu ħbieb tal-Evanġelju

U għalhekk intom tridu wkoll tħallu li l-Kelma tibnikom hi. Il-Kelma ta’ Alla tibnikom, issawwarkom u tikkonsagrakom. Il-Kelma ta’ Alla wkoll tagħtikom din il-vokazzjoni li tkunu tiegħu. Dik l-espressjoni sabiħa li jgħid San Pawl fuqu nnifsu meta jitkellem fuq Alla fil-kapitlu 27: “Dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim” (Atti 27, 23). Inti ta’ Alla, inti tqim lil Alla u twassal il-Kelma tiegħu. “Tmur kull fejn nibagħtek, u tgħid kull ma nordnalek. Ara qegħedtlek kliemi fuq fommok” (Ġer 1, 9), għaliex il-Kelma tal-Mulej fuq fommna hija rigal tal-Mulej, mhux privileġġ, wisq inqas dritt. Il-Kelma tal-Mulej fuq fommna jqegħedilna l-Mulej. Iqegħedilna l-Mulej jekk aħna nsiru ħbieb tiegħu u nisimgħu leħen il-maħbub, dik l-espressjoni sabiħa ta’ San Ġorġ Preca. Kunu ħbieb tal-Evanġelju, leħen il-maħbub. U f’dawn iż-żewġ espressjonijiet hemm l-imħabba li tkun ħabib tal-Evanġelju, li tisma’ leħen il-maħbub.

Fuq il-muntanja għolja, fuq it-Tabor, il-Mulej jgħidilna: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9, 7). U għalkemm bħala xhieda kien hemm il-liġi u l-profeti, ħin minnhom raw lil Ġesù waħdu. Il-Padres tal-Knisja jinsistu li Ġesù kien hemm kollox fih u għalhekk m’hemmx għalfejn li aħna, la fil-predikazzjoni tagħna wisq inqas fil-fidi tagħna, inserrħu fuq is-sinjal. Il-kelma tagħkom m’għandhiex tkun il-promozzjoni tal-affarijiet straordinarji, fuq tad-devozzjonaliżmu futili, bla kontenut. Il-predikazzjoni tagħkom trid tkun bl-għeruq tagħha fil-Kelma tal-Mulej u tiżviluppa tittrijonfa fil-poplu t’Alla mhux biss fl-imħabba tal-Kelma tal-Mulej, imma dak l-għatx biex aħna ngħixu l-Kelma tal-Mulej. Is-sinjali l-Mulej jagħtihom biex jikkonferma l-kelma, imma mingħajr il-Kelma, mingħajr id-dispożizzjoni li nisimgħu l-Kelma tiegħu, is-sinjali huma ħela ta żmien, fantasija jew wisq agħar superstizzjoni.

Il-Mulej se jinqeda bikom biex iċaqlaq il-muntanji: agħtuh qalbkom, moħħkom u l-forza kollha tagħkom biex jinqeda bikom.

Ejjew nitolbu biex il-Mulej ma jitlaqx minn hawn u jmur bid-dgħajsa fuq ix-xatt l-ieħor, imma li fina jsib nies li mhux interessati fis-sensazzjonaliżmu imma li jixtiequ jkunu ħbieb tal-Evanġelju tal-ħajja. Qabel ma tipprietkaw il-Kelma, kunu ħbieb tal-Kelma. Qabel ma xxandru lil Ġesù qisu li tqisuh bħala l-maħbub u allura leħnu jkun il-leħen tal-imħabba. Il-kobor ta’ San Ġwann Battista huwa dan: meta jistaqsuh jekk huwiex l-Messija hu jgħidilhom ‘le’. Jgħid: ‘Minix lanqas l-Għarus. Jiena imma l-ħabib tal-Għarus u l-ferħ tiegħi huwa li nisma’ l-vuċi tal-Għarus. U l-ferħ tiegħi huwa li niċkien jien u jikber hu’ (ara Ġw 1, 19-20).

’Il quddiem il-Mulej se jinqeda bikom biex iċaqlaq il-muntanji: agħtuh qalbkom, agħtuh moħħkom, agħtuh il-forza kollha tagħkom biex jinqeda bikom. Ħallu li l-ħajja tagħkom tkun xhieda tal-Kelma li xxandru. Din hija xi ħaġa li llum l-Knisja hi u tagħtikom l-Iskrittura f’idejkom, se tfakkarkom biex tgħixu fuq dak li intom taqraw fil-Ktieb Imqaddes, tfasslu ħajjitkom fuq din il-konsenja għażiża. Imma nitolbuh ukoll, bl-interċesjoni tal-qaddisin, biex aħna, li dgħajfin u ħafna drabi l-kelma ma tkunx il-musbieħ ta’ riġlejna, anzi nitfuh, ikollna l-ħniena tiegħu li tagħtina kuraġġ biex tmexxina. Anke għaliex il-Kelma ssaffina, il-Kelma tiġġudikana, imma l-Kelma ta’ Ġesù twiżinna u tagħmlilna kuraġġ.

L-aħħar ħsieb. Jekk trid tkun ħabib tal-Kelma, għixha! Jekk trid ixxandar il-Kelma, trid tkun l-ewwel wieħed li tippruvaha. Ħafna Nsara jitbiegħdu minn Ġesù għax qatt ma taw ċans li l-Kelma tiegħu tħalli frott fil-qalb tagħhom. It-talba tal-Knisja għalikom hija li l-qalb tagħkom ma tkunx il-blat li fuqha ma tistax tagħmel il-frott, lanqas tkun l-art mimlija xewk, imma tkun l-art għammiela li tagħmel frott. Din hi l-grazzja u l-barka li aħna, il-familji tagħkom, il-parroċċi tagħkom, u l-Knisja, nitlobu għalikom: Il-qalb tagħkom tkun dik l-art fertili li fiha meta taqa’ l-kelma tagħmel ħafna frott min ħamsa, għaxra, kif irid il-Mulej (ara Mk 4, 1-8) .

Ma tistax ixxandar jekk inti ma tkunx studjat il-Kelma, u tlabtha, u għextha.

Intom u timmeditaw, itolbuh fis-silenzju. Jekk m’intix kapaċi timmedita fis-6.00 ta’ filgħodu għax tkun għadek rieqed, sib ħin ieħor. Għaliex dak huwa l-mument fejn il-Kelma, u meta tersaq lejn il-Kelma ersqu wkoll mhux bil-qalb tiegħek biss, b’moħħok, jiġifieri studja. Kultant l-omeliji tagħna jkunu medjokri għax warajhom m’hemm l-ebda studju, anzi bil-ħmerijiet li ngħidu l-Kelma ssir rasha ‘l isfel u saqajha ’l fuq. Mentri intom tafu li biex inkunu qaddejja tal-Kelma, irridu nieħdu bis-serjetà l-istudju tal-Kelma. U din hija wkoll hija r-responsabbiltà li qed tagħtikom il-Knisja b’dan il-ministeru: ma tistax ixxandar jekk inti ma tkunx studjat il-Kelma, u tlabtha, u għextha. Qed nitlobkom f’isem il-Knisja biex il-predikazzjoni tagħkom ikollha għeruq mhux biss fit-talb imma wkoll fit-Teoloġija u l-istudji Bibliċi serji.

Nawguralkom ħafna, nawgura anke lill-familji u l-ħbieb tagħkom, nirringrazzjakom li ġejtu llum tissapportjaw lil dawn il-ħames seminaristi. Mhux se nagħmel l-analiżi tal-ismijiet bħalma għamilt fl-Epifanija imma imma jien nixtieq ukoll nirringrazzjakom tad-disponibbiltà tagħkom f’dan il-mument ta’ formazzjoni. U nitolbu għall-vokazzjonijiet. Il-vokazzjonijiet huma laqgħa bejn id-disponibbiltà tal-bniedem u l-aċċettazzjoni tal-Knisja, it-tnejn essenzjali; jiena nħoss is-sejħa imma s-sejħa tiegħi ttaċċettaha l-Knisja. Jalla l-Mulej jagħtina vokazzjonijiet u dawl lill-Knisja biex tiddixxerni u taċċetta dak li jrid il-Mulej.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 4, 1-10
Salm: 119, 105-112
Qari II: Ġak 1, 1-11
Evanġelju: Mk 8, 11-13

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading