Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Iva xejn m’hawn tajjeb!

Iva xejn m’hawn tajjeb!


Morna l-baħar! Hekk kien jgħid wieħed. U, meta kont nisimgħu, avolja ma kontx għandi qaddist, aqta’ kemm kont nimtela’ bi swied il-qalb! U x’toqol kbir kont inħoss f’qalbi! Jien li, min jafni sewwa u mhux l-għaliex iffissa xi ideja żbaljata fuqi ta’ xi xewwiex jew xewwiexa, jaf li l-pożittività tgħammar f’qalbi!

Iva ħbieb tiegħi! Minn dawn il-profeti hawn kemm trid! U tabilħaqq jinstabu kullimkien! Qiegħdin fil-familji, fil-barijiet, fil-Knisja, fil-kuventi u anki fis-setturi pubbliċi tal-ħajja soċjali tagħna. Kollox ħażin! M’hawn xejn tajjeb! Mela, il-konklużjoni ‘naturali’ hi: Kollox għar-rimi! U x’jiġri mbagħad? Inkunu ddakkarna mill-attitudni misħuta li nieħdu distanza minn kollox u minn kulħadd. U hekk nittraddixxu r-ruħ Maltija u Kattolika li għandna tiġri ġewwa fina. Għax naqgħu f’pessimiżmu warrab wiċċek! Nagħqu f’dipressjoni relazzjonali tal-waħ waħ waħx! Naqgħu f’mewta ċerta u li tibqa’ tkarkar!

L-għerf li jagħtini l-Mulej, speċjalment dak li tgħallmuni intom stess, bis-sempliċità u l-ġenwinità tagħkom, joħodni għal sentenza li, dan l-aħħar, aqta’ kemm sirt inħobb nikkwotaha meta niltaqa’ magħkom! Mhux aħjar tixgħel xemgħa milli tisħet id-dlam ta’ madwarek? U veru ħbieb! Kemm hi faċli għalija li naqa’ fil-muta tat-tgergir. L-għaliex dik mhix tajba. U l-ieħor l-għaliex mhux qed jaħdem. U għax dawk suppost li jagħmlu hekk. U aħna irridu nagħmlu hekk.

Kemm, fir-rejaltà, qiegħdin nibnu kastelli fl-arja! Kastell wara l-ieħor! Kastell mibni fuq x’suppost isir. X’suppost nagħmlu. U kemm għadna lura milli naslu għat-tragward. Emmnuni ħbieb! Kliem ta’ dan it-tip aqta’ kemm jagħmel ħsara! U, kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, huwa dan it-tip ta’ diskors li huwa tabilħaqq kriminali. U skandaluż! L-għaliex dan? It-tweġiba tinstab fik u fija! Ftakar ftit meta kont qiegħed fil-preżenza ta’ xi wħud, li dejjem igergru u jeqirdu, minn filgħodu sa filgħaxija, u ma’ kull nifs li jieħdu. Ħares f’għajnejja u għidli ftit, kif ħassejtek? Jiena mqalla’! U veru titqalla’ tafux!

Dan l-għaliex min il-mentalità tiegħu hi li xejn m’hawn tajjeb! idamdamlek l-istonku tiegħek! Issa jekk din l-attitudni tagħmel ħsara f’postijiet pubbliċi jew fuq il-midja soċjali online aħseb u ara mela kemm tagħmel ħsara f’postijiet fejn, suppost, huma oażi ta’ tama? Bħalma hi l-Knisja? Kemm laqagħtni l-kumment li kiteb l-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, fl-Ittra Pastorali li kiteb nhar Santa Marija li għaddiet, bit-titlu, Biex Twarrad it-Tama, meta qal: “B’xorti ħażina, jeżistu l-profeti tal-qerda, li fil-ħeġġa reliġjuża li għandhom aktar ħsiebhom biex jinnutaw it-tebgħa milli l-ħafna tajjeb li hemm fil-bniedem; aktar jeħlu fl-iżball milli japprezzaw l-isforzi, anki żgħar imma sinċiera, li persuna tipprova tagħmel biex tqum fuq saqajha; aktar jimpurtahom li jiddefendu l-ittra tal-liġi milli lill-bniedem”. X’kelma qawwija din!

Fl-istess Ittra Monsinjur Grech għamel ukoll riferenza għal dawk li jaħsbu li xejn m’hawn tajjeb! meta kiteb: “Naf b’dawk li tilfu kull tama fihom infushom u f’dawk ta’ madwarhom. Għax intfielhom il-mutur tal-ħajja, ħajjithom saret tqila, miżgħuda bl-inċertezzi, dwejjaq, biżgħat u għeja. Illum il-bniedem flok ma jibża’ mill-mewt, sar jibża’ jgħix; tant li kultant jagħli għax jisbaħ jum ġdid! Billi kulma jmur it-tama qed issir virtù skarsa ħafna, hemm min madwaru jara biss dlam u jaħseb li kollox mar il-baħar!”

Imma r-rejaltà hija din? Ma naħsibx! Ir-rejaltà hi li hawn ħafna sabiħ! U li hawn ħafna tajjeb! U li t-tajjeb li hawn irridu noħorġuh quddiem kulħadd ħa jagħmlilna kuraġġ! U fejn qiegħedha t-tama? L-ewwel, meta int u jien inkunu ċ-ċentru u l-qalba tas-soċjetà. It-tieni, meta int u jien inħossu u ngħinu lil xulxin. It-tielet, meta int u jien ma nemmnux fil-ħrejjef li jifirduna minn xulxin. Ir-raba’, meta int u jien ninvestu flimkien ħa ngħixu fil-paċi bejnietna. Il-ħames, meta int u jien nissuktaw naħdmu ħalli ż-żgħar tagħna jkomplu jedukaw ruħhom u jsibu postijiet tax-xogħol li jibnuhom. Is-sitta, meta int u jien ninvestu fil-familja. Is-seba’, meta int u jien nirrispettaw il-kuxjenza u l-idejali ta’ xulxin. U, fl-aħħar nett, it-tmienja, meta int u jien naħdmu ħa nirrispettaw il-ħajja komuni tagħna u ta’ l-oħrajn bħala bnedmin u nħallu l-abort u l-ewtanasja l’barra minn ħajjitna u ħajjet l-oħrajn.

U … bilħaqq, … ejjew nuru apprezzament lil xulxin! L-għaliex, meta napprezzaw lil xulxin, anki fl-iċken ħaġa, imbagħad nibdew naraw id-differenza kollha! Mela … ixgħel xemgħa sieħbi u ieqaf isħet id-dlam ta’ madwarek!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: