Home > Minn Fr Michael Bugeja, Ġenerali > L-Evanġelju tat-Tlieta, 13 ta’ Frar 2018

L-Evanġelju tat-Tlieta, 13 ta’ Frar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum:http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 8, 14-21

Jekk fis-silta ta’ qabel din Ġesù jitniegħed bi frustrazzjoni u b’dispjaċir għar-ras iebsa tal-Fariżej li ddeiedew li jieħduha kontra kull kelma li toħroġ minn fommu u li baqgħu dejjem jirrifjutaw, anke jekk talbuh huma stess, kull sinjal mingħandu, f’dawn il-ftit vrus li jseħħu fuq dgħajsa tbaħħar fuq il-baħar tal-Galilija, nistħajlu lil Ġesù jitniegħed, għalkemm l-Evanġelista ma jgħidilniex ċar u tond, bi frustrazzjoni mqanqla mill-imħabba li kellu lejhom, għall-aljenazzjoni grassa tad-dixxipli tiegħu.

Bi ħmira Ġesù mhux jifhem il-ftit trab li nħalltu mad-dqiq biex ngħollu l-għaġina. Dawk li jagħġnu u jaħmu l-ħobż jafu li biex jgħollu l-għaġina tallum, jieħdu biċċa mill-għaġina tal-bieraħ, li fiha jkunu tefgħu biċċa mill-għaġina tal-jum ta’ qabel. Din il-biċċa għaġina li fiha jkun hemm il-ħmira diġa fferementata, fl-għaġna l-ġdida jkollha l-istess effett. Biċċa għaġina qadima ċkejkna kapaċi tneffaħ l-għaġina l-ġdida kollha, tkabbarha u timlieha bl-arja. Din il-biċċa għaġina żgħira, li fiha l-Lhud kienu jaraw id-dnub jew intenzjoni ħażina, hija biżżejjed biex tikkorrompi dak lkollu li hu ġdid u safi. U għalhekk li Ġesù jwissi kontra l-ħmira tal-Fariżej u ta’ Erodi. Tħallux il-ħażen tal-Fariżej u ta’ Erodi jinfluwenzalkom ħajjitkom. Il-ħażin, żgħir kemm hu żgħir idakkar, u kull tajjeb, kbir kemm hu kbir, jekk jaljena ruħu jiddakkar minnu.

Jekk il-Fariżej riedu sinjal għax għalihom ma kienx biżżejjed il-kliem ta’ Ġesù u l-mirakli li huwa wettaq b’sinjal tal-ħniena ta’ Alla ma’ kull bniedem, id-dixxipli li semgħu kull kelma u raw kull miraklu, ma għarfux ir-rejaltà ta’ dak li għajnejhom kienu qed jaraw u widnejhom kienu qed jisimgħu, anke jekk Ġesù stess qalilhom li ħafna nies xtaqu jkunu xhieda ta’ dak li għalih kienu xhieda huma u ma kienux.

Ġesù jstaqsihom żewġ mistoqsijiet. Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’għebusija ta’ ras għandkom? U meta rahom gaħdhom b’ħalqhom miftuħ, jtenni: u għadkom ma fhimtux?

Ma ntebħux; biex tintebaħ irid ikun moħħok hemm, ma tistax timxi ’l quddiem u tħares lura. Mhux l-ewwel darba li filwaqt li għandna quddiem għajnejan qawwiet daqshekk kbar li ġejjin min Alla, indawru ħsibijietna lejn dak li jlellex, dak li ġej mill-pjanijiet moħbija tagħna, nixxenqu għar-riħa tal-borma tal-ġirien tagħna. Mhux l-ewwel darba, li minflok napprezzaw u niftaħru bil-valuri li għandna, nitħajru mmewtu jew naħbu fina t-tajjeb li ġej minn Alla biex nadottaw it-tajjeb tal-bnedmin, it-tajjeb tal-moda, it-tajjeb ta’ dak li jagħmel kulħadd. Kemm insibuha faċli niġġustifikaw il-ħażin li jagħmel ħaddieħor bil-għan li mħajrin nagħmluh aħna stess. Huwa minn hawn li l-ħażin isir tajjeb u t-tajjeb isir ħażin. Tant għandna ħila nħallu lilna nfusna li niġu korrotti bil-ħsieb li ngawdu bħal ma jagħmel u minn dak li jagħmel il-ħażin, li naslu biex inbiegħu bl-addoċċ kull ma jagħmilna bnedmin mija fil-mija, kullma jagħmilna bennejja ta’ soċjetà mibnija fuq l-onestà, l-integrità, is-sinċerità u l-verità. Ninżgħu kulma jlibbisna bid-dinjità biex nitgħarwnu fis-suq tal-ġid irħis li jiġi mid-dipendenza fuq il-kompliċità fil-ħażen.

U dan kollu mhux ġej mid-dgħufija biss. Rasna iebsa. U ma noqgħodux induru mal-lewża. Meta l-ġid li qe dniksbu jieqaf, jew meta nirrjaliżżaw li ħaddieħor redgħalna d-demm li jagħti l-ħajja veru għax ħallejnieh, nilgħabuha tal-vittmi u nibku u forsi nwaħħlu f’ħaddieħor li abbuża minna. Ma ngħidux kemm webbisna rasna anke quddiem l-ikbar provi li juruna li qbadna sqaq. Kultant għax naqtgħu qalbna u niċħdu l-qawwa ta’ ġo fina u l-grazzja ta’ Alla magħna li nistgħu nimxu ’l quddiem b’subgħajna dritt u nissieħbu ma’ min ġieli neħduha kontrih. Jista’ jkun li nikkundananw il-ħażen li jagħmel ħaddieħor għax naħsbu li m’għandniex ħila nagħmluh aħna! Jista’ jkun li rasna tant ibbieset fit-tkaxkira mal-kurrent li ngħiru għall-Fariżej u għal Erodi.

Rajna dak kollu li ġara lil ta’ qabilna u lilna? Smajna dak kollu li semgħu ta’ qabilna u li smajna aħna? U għadna ma fhimniex?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: