Il-Liturġija tal-Kelma. III. Il-Kredu u t-Talbiet universali


10. Katekeżi dwar il-Quddiesa mill-Papa Franġisku. 14 ta’ Frar 2018.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

L-għodwa t-tajba mqar jekk il-ġurnata ma tantx ħarġet sabiħa. Imma jekk il-qalb tkun ferħana, dejjem hi għodwa tajba. Għalhekk, l-għodwa t-tajba! Illum l-udjenza sa ssir f’żewġ partijiet: grupp ċkejken ta’ morda fl-awla, minħabba fit-temp, u aħna hawn. Imma aħna qed naraw lilhom u huma qed jaraw lilna fuq l-iskrin il-kbir. Ejja nsellmulhom b’ċapċipa.

 

Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq il-Quddiesa. Is-smigħ tal-Qari mill-Bibbja, imtawwal fl-omelija, għal xiex iwieġeb? Iwieġeb għal jedd: il-jedd spiritwali tal-poplu ta’ Alla li jirċievi bil-kotra t-teżor tal-Kelma ta’ Alla (ara Introduzzjoni għal-Lezzjonarju, 45). Kull wieħed u waħda minna meta jmur il-Quddiesa għandu d-dritt li jirċievi bil-kotra l-Kelma ta’ Alla moqrija tajjeb, imlissna tajjeb u mbagħad, imfissra tajjeb fl-omelija. Dan hu dritt! U meta l-Kelma ta’ Alla ma tinqarax kif imiss, ma tiġix ippritkata b’ħeġġa mid-djaknu, mis-saċerdot jew mill-isqof, inkunu nonqsu dritt tal-fidili. Aħna għandna d-dritt li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Il-Mulej jitkellem għal kulħadd, Ragħajja u fidili. Hu jħabbat il-bieb ta’ qalb dawk kollha li jieħdu sehem fil-Quddiesa, kull wieħed u waħda fil-qagħda ta’ ħajtu, l-età, is-sitwazzjoni. Il-Mulej ifarraġ, isejjaħ, iqanqal għal ħajja ġdida u rikonċiljata. U dan permezz tal-Kelma tiegħu. Il-Kelma tiegħu tħabbat fuq il-qalb tagħna u tibdel il-qlub!

Għalhekk, wara l-omelija, hemm ħin ta’ skiet li jippermetti ż-żerriegħa li rċivejna tinżel u toqgħod fir-ruħ, biex minnha jitnisslu proponimenti li nagħmlu dak li l-Ispirtu jkun issuġġerixxa lil kull wieħed u waħda minna. Is-skiet ta’ wara l-omelija. Hemmhekk għandu jkun hemm daqsxejn ta’ skiet ħelu u kulħadd jaħseb f’dak li għadu kemm sema’.

Wara dak is-skiet, kif tkompli l-Quddiesa? It-tweġiba personali tal-fidi ssir parti mill-istqarrija tal-fidi tal-Knisja, espressa fil-“Kredu”. Aħna lkoll nistqarruh il-Kredu fil-Quddiesa. Meta tgħidu l-ġemgħa kollha flimkien, is-Simbolu juri fid-dieher it-tweġiba komuni għal dak li flimkien inkunu smajna mill-Kelma ta’ Alla (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 185-197). Hemm rabta ħajja bejn is-smigħ u l-fidi. Huma magħqudin flimkien. Din – il-fidi –, fil-fatt, ma titwelidx mill-fantasija ta’ mħuħ il-bnedmin imma, kif ifakkar San Pawl, “tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu” (Rum 10:17). Il-fidi, għalhekk, insaħħuha bis-smigħ u twassal għas-Sagramenti. Hekk, l-istqarrija tal-“Kredu” tgħin lill-ġemgħa liturġika biex “terġa’ lura għall-meditazzjoni u l-istqarrija tal-misteri kbar tal-fidi, qabel iċ-ċelebrazzjoni tagħhom fl-Ewkaristija” (Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 67).

Is-Simbolu tal-fidi jorbot flimkien l-Ewkaristija mal-Magħmudija, li rċivejnieha “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”, u jfakkarna li s-Sagramenti nistgħu nifhmuhom biss fid-dawl tal-fidi tal-Knisja.

It-tweġiba għall-Kelma ta’ Alla milqugħa bil-fidi mbagħad tiġi espressa fit-talba komuni, li tissejjaħ Talba universali, għax tħaddan il-bżonnijiet kollha tal-Knisja u tad-dinja (ara OGMR, 69-71; Introduzzjoni għal-Lezzjonarju, 30-31). Tissejjaħ ukoll Talbiet tal-fidili.

Il-Padri tal-Konċilju Vatikan II riedu jerġgħu jagħtu l-ħajja lil din it-talba wara l-Vanġelu u l-omelija, speċjalment fil-Ħdud u l-festi, biex “bis-sehem tan-nies isir talb għall-Knisja mqaddsa, għal dawk li għandhom is-setgħa pubblika, għal dawk li jinsabu fi ħtiġijiet differenti, u wkoll għall-bnedmin kollha u għas-salvazzjoni tad-dinja kollha” (ara Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 53; ara 1 Tim 2:1-2). Għalhekk, immexxi mis-saċerdot li jiftaħ u jagħlaq, “il-poplu, fit-tħaddim tas-saċerdozju li għandu mill-Magħmudija, joffri lil Alla talbiet għas-salvazzjoni ta’ kulħadd” (OGMR, 69). U wara l-intenzjonijiet waħda waħda, proposti mid-djaknu jew minn lettur, il-ġemgħa xxierek il-leħen tagħha u titlob: “Ismagħna, nitolbuk, Mulej”.

Fil-fatt, niftakru dak li qalilna l-Mulej Ġesù: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom” (Ġw 15:8). “Imma dan aħna ma nemmnuhx, għax ftit għandna fidi”. Imma kieku kellna fidi – jgħidilna Ġesù – imqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kollox konna naqilgħu. “Itolbu kuma tridu, u jingħatalkom”. “Kollox jista’ jkun għal min jemmen”, qalilna l-Mulej. X’wieġeb dak ir-raġel li lilu l-Mulej qallu din il-kelma – kollox possibbli għal min jemmen? Qallu: “Nemmen, Mulej. Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”. Anki aħna nistgħu ngħidulu: “Mulej, jiena nemmen. Imma għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”. U din it-talba rridu nagħmluha b’dan l-ispirtu ta’ fidi: “Nemmen, Mulej, għinni fil-fidi nieqsa tiegħi”. Imma mill-banda l-oħra l-pretensjonijiet tal-loġika ta’ din id-dinja ma jitilgħux lejn is-Sema, l-istess kif jibqgħu mhux mismugħa t-talbiet awtoreferenzjali (ara Ġak 4:2-3). Il-fehmiet li għalihom nistiednu lill-poplu fidil biex jitlob għandhom jagħtu leħen lill-ħtiġijiet konkreti tal-komunità ekkleżjali u tad-dinja, u jevitaw li jirrikorru għal formli konvenzjonali jew li jaraw sa mneħirhom. It-talba “universali”, li tagħlaq il-Liturġija tal-Kelma, tistedinna nagħmlu tagħna l-ħarsa ta’ Alla nnifsu, li jieħu ħsieb ta’ wliedu kollha.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.