Darba minnhom persuna qatli hekk: Patri! Taf x’kienet tgħidli ommi? Ara li kull ġurnata li tgħaddi minn fuqek tagħmel att ta’ karità.
Xi ġmiel ta’ frazi-tagħlima hi din! Ara li ma tgħaddix ġurnata minn fuqek li ma tagħmilx karità. Kollox sew! Dak li jkun b’karità jaħseb li se jdaħħal idejh fil-but u jagħti dik id-donazzjoni. Offerta. Mhux hekk? Offerta tal-karti hija dejjem tajba. Anki jekk tkun plastic money. Wara kollox illum jeżiżtu kontijiet apposta fil-banek biex il-flus li jiġu iddespożitati jmorru għal dawk li huma fil-bżonn.
Iżda, u din tafuha bħali u tgħallmuni fiha, hemm bżonn ħafna illum li nagħmlu attijiet ta’ karità. L-ewwel wieħed huwa kif nittrattaw ma’ xulxin. Hawn uħud li donnhom għandhom rabja kbira. Jew, biex ikun aktar ċar, ir-rabja kilithom. Lil min jaraw mhux ikellmuh imma jonbħulu. U dak li jkun, bir-raġun kollu, jgħid: Imma jien x’għamiltilha lil din jew lil dan? Le ħbieb! Mhux hekk! Ejjew nittrattaw ma’ xulxin b’delikatezza kbira. Ejjew inħobbu lil xulxin billi nirrispettaw lil xulxin. Nuru ġentilezza ma’ xulxin. Nifhem li tkun weġġajt fil-ħajja. U nifhem ukoll li sibt min mexa miegħek mhux ta’ bniedem imma forsi agħar minn annimal. Imma issa ejja ma nisparax ir-rabja li għandi fuq persuni li m’għandhomx ħtija. U, jekk jien qalbieni u qalbiena, ħa naffaċċja bil-kwiet lil min ħaqarni. U jekk, għal xi raġuni jew oħra, ma nistax, ħa nitlob għalih u għaliha. Mela, f’dan ir-rigward, att ta’ karità jfisser li nittratta lill-persuni li magħhom il-Mulej ilaqqagħni bil-ħlewwa.
Imbagħad, mod ieħor ta’ kif nista’ nagħmel karità huwa li nisma’ persuna oħra. Naf, għax ġieli jiġri lili stess, ma jkunx possibbli li nagħti tweġiba għal dak li l-persuna l-oħra tkun qaltli. Ċertu problemi huma kbar wisq għalija. M’għandix le soluzzjonijiet għalihom. Imma, jaħasra, kemm jista’ jagħmel ġid bija l-Mulej li kieku mqar inħalli lill-persuna l-oħra toħroġ dak li jkollha fuq l-istonku tagħha. Aqta’ kemm dik il-persuna tistrieħ! U aqta’ kemm tieħu kuraġġ! Anzi! Taf waqt li tkun qed titħaddet miegħek tieħu hi stess it-tweġiba li għandha verament bżonn! L-għaliex tintlaqat minn dak stess li hi tkun qaltlek. Issa, f’każ li tiġi bejn ħaltejn x’se tagħmel fuq dak li tkun smajt, int dejjem għandek tirreferi lil dik il-persuna għand min l-aktar jista’ jgħinnha. Imma, u dan hu importantissimu, il-fatt li tkun smajtha diġà tkun bgħattilha messaġġ li hi importanti. Ta’ min jismagħha. U li l-istorja tagħha ta’ min wieħed jikkunsidraha.
Att kbir ieħor ta’ karità li nistgħu nagħmlu fis-soċjetà tallum huwa li nibżgħu għall-fama ta’ xulxin. Kemm hu sewwa li jiena nsemmilek it-tajjeb li int għandek. U mhux niffoka fuq il-ħażin li, jekk irrid inkun onest, anki jien insib fija. Issa din l-ideja noħduha minn Ġesù stess. Allaħares Ġesù jiffoka fuq il-ħażin tagħna l-għaliex kieku żgur li ma nsalvawx ruħna! Kieku aħna kollha għal isfel. Imma, int tgħidli, il-kritika hemm bżonnha! Sintendi. U allaħares le! Inkella inkunu qegħdin ngħixu f’gidba. Mela jien, jekk lilek irrid ngħinek tikber, ħalli nkellmek bil-ħlewwa. Ħa nsemmilek it-tajjeb. Imbagħad, wara li nkun semmejtlek it-tajjeb, nurik fejn inħoss li għandek tikber u nagħtik ukoll xi suġġerimenti biex bihom jgħinuk tikber. X’differenza nagħmel meta jkolli dan it-tip ta’ diskors milli sempliċiment nordmok fl-iżbalji tiegħek u nwaħħallek il-bandiera fuq il-borġ tal-kritika fuqek u ngħidlek Spiċċut. Spiċċutha!
Nixtieq nagħlaq dawn il-ħsibijiet bl-aqwa u bl-ogħla att ta’ karità li qatt nista’ nagħmel. Dan l-att għamlu Ġesù stess fuq is-salib. L-att hu l-maħfra! Tgħid għandna bżonn naħfru lil xulxin? Għandna bżonn ninqalgħlu minn weġgħat tal-passat li jikkankrawna? Ikolli ngħid li ilkoll għandna. Nerġa’ ngħid, jien l-ewwel wieħed.
Issa li kieku kuljum nisma’ lil xi ħadd, nuri ħlewwa ma’ xi ħadd u naħfer lil xi ħadd ma taħsbux li ħajti u anki ħajtek tkun aħjar? Issa dan mhux aktar x’kienet tgħidli ommi tafux! Dan x’jgħidli Ġesù stess li ġurnata se jiġġudikani!