Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 15 ta’ Frar 2018

L-Evanġelju tal-Ħamis, 15 ta’ Frar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 9, 22-25

X’se jiġrilu hu u x’jista’ jiġri lid-dixxipli tiegħu, dawk li jridu jmorru warajh. Ġesù jibgħat, imma hu stess jimxi quddiem; ma jibgħatx u jibqa’ komdu fejn hu. Għalhekk kull min u mħeġġeġ biex jimxi warajh irid jagħmel bħalu.

Imma jibda billi jgħid minn xiex se jgħaddi hu. Erba’ ġrajjiet, waħda wara l-oħra iżda minsuġa flimkien, waħda twassal għall-oħra.

L-ewwel: ibati ħafna. It-tbatija hija minsuġa mal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art. Mhix biss it-tbatija ta’ wara d-daħla tiegħu f’Ġerusalemm, dik li mdorrijin naraw fil-jiem tar-Randan. Iżda t-tbatija ta’ Ġesù hija twila mill-inqas daqs il-ministeru tiegħu kollu. Kemm-il darba nisimgħu lill-evanġelisti jgħidulna li Ġesù tniehed, anke fih innifsu. Il-frustrazzjoni li ħass kullmeta wassal il-kelma u waqgħet fuq widnejn torox jew indifferenti. Kemm-il darba osserva dwar in-nuqqas ta’ fidi anke fost id-dixxipli tiegħu. Kemm-il darba ħass in-nuqqas ta’ gratitudni, ħassu użat mill-folla, mhux mifhum minn dawk li huwa ħabb u għażel, ħassu jagħżaq fl-ilma, ikkonfrontat minħabba l-ġid li kien jagħmel. Mhux bata, imma bata ħafna.

L-ikbar tbatija li Ġesù jħoss li għandu jsemmiha għaliha weħidha, hija ċ-ċaħda ta’ dawk li kienu afdati biex iħejjulu t-triq, dawk ġew afdati minn missirijiethom u missirijiethom qabilhom, biex iżommu qalb il-poplu sħuna u lesta għall-miġja tiegħu, dawk li kellhom f’idejhom il-wegħdiet ta’ Alla u li kellhom ikunu l-ewwel fost kulħadd li jagħrfu fih it-twettiq tagħhom, il-qassisin il-kbar u l-kittieba. Iżda ma għarfuhx, jew għarfuh u ma riedux jagħtu kasu. Il-parabbola tal-għalqa tad-dwieli, hija espressjoni ċarissma dwar dak li Ġesù ħass dwarhom u ra fihom u fl-imġeiba tagħhom. Usurpaturi, dawk li jieħdu għalihom qawwa u ġieh u setgħa li mhumiex tagħhom. Ejjew noqtluh u l-wirt jaqa kollu fuqna.

Filfatt għamlu minn kollox biex jeqirduh. Il-kelma li spiss tintuża fl-Evanġelji turina li riedu jwarrbuh minn nofs, ma jħallu xejn minnu; nafu li anke t-tifkira tiegħu riedu jeqirdu. Joqtluh. U fil-fatt qatluh mingħajr ma mingħalihom ħammġu l-kuxjenza tagħhom bi qtil. In-nies li jwaddbu l-ġebla qattiela u jakkuzaw lil ħaddieħor bit-tfiegħ tagħha. Qatluh għax għalihom il-mewt kellha l-aħħar kelma. Idejqek xi ħadd li tħoss li hu skomdu? Oqtlu, warrbu minn nofs neħħi mill-imħuħ tal-bnedmin kull tifkira tiegħu daqs li kieku qatt ma eżista. Biex laħqu l-għan tagħhom tbaxxew, tmiegħku mal-art li huma stess qatt ma riedu lanqas biss jirfsu. Titkaxkar mal-art għal ħajtek kollha u tiekol it-trab tal-art. Qatluh.

Qam mill-mewt. Din mhix tama iżda ġrajja. Ġrajja li seħħet u li għelbet dak kollu li wassal għaliha. Fit-tielet jum iqum. Qabel jibda jitħassar jieħu l-ħajja mill-ġdid, jieħu ħajja ġdida. Il-qawmien li jegħleb id-dgħufija u l-ħażen tal-bniedem, il-qawmien li jirbaħ lill-mewt li tagħlaq għal dejjem l-istorja tal-bniedem, li biha il-bniedem ma jibqax ‘hu’ iżda jsir ‘kien’ u la kien m’għandu ebda possibiltà li jkun iżjed. Bil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet, il-bnedmin li jissieħbu miegħu u jimxu warajh bis-salib fuq spallejhom, ikunu għal dejjem. Jitilfu ħajjithom għall-imħabba tiegħu, kif tilifha hu biex isibuha mill-ġdid miegħu.

Għax tassew, x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha, biex hi stess teqirdu?

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: