Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap > Ma bsartx li ħa tiftakar fija!

Ma bsartx li ħa tiftakar fija!


Il-kuntatt li l-Mulej jogħġbu, mill-qalb ħanina tiegħu, jagħtini magħkom, in-nies komuni, għalija huwa għajn ta’ ferħ kbir. Dan il-kuntatt ifakkarni fid-definizzjoni tagħkom, in-nies komuni, matul iż-żminijiet, tagħna l-Kapuċċini: i frati del popolo. Għalhekk dawn il-ftit ħsibijiet li Hu qed jagħtini biex nikteb aktar milli huma xi daqq bil-fanfarra jew awtoreferenzjalità huma biss sejħa umli għal dak li hu mportantissimu f’ħajjitna: kif nittrattaw ma’ xulxin.

Jien, f’ħajti, kelli grazzja kbira nisma’ persuni, ta’ stoffa kollettiva, li aqta’ kemm jafu jitħaddtu! Kelli l-grazzja li nqis kliemhom u nispiċċa mgħaġġeb tgħidx kemm b’dak li qalu. Għax tassew! Kemm jafu xi jgħidu! Kemm jafu jpoġġu d-diskors! U diskorshom huwa tant eżatt li ma tistax le ma tgħidlux li m’huwiex hekk! Għax veru! Jagħmel sens. Loġiku. Fil-veru sens tal-kelma!

Madankollu diskorshom jibqa’ kiesaħ. U, meta tmissu, jew tindenja ruħek taqbdu b’idejk, trid tilbes l-ingwanta. U, jekk m’għandekx, ikollok iddawwar ma’ jdejk iċ-ċarruta. Daqskemm hu kiesaħ! Għalkemm mhux qżież. Għax, fil-verità, ikessaħlek idejk! L-għaliex hu nieqas mis-sentimenti. Le! U tifhimnix ħażin. Mhux minn dawk is-sentimenti li, għax jaħasra, allura jgħaddi kollox. Minix ngħid hekk! Il-prinċipji jibqgħu prinċipji! Imma, u din bħall-istorja ta’ min iservi t-tè jew il-kafè, hemm mod u mod kif isservi. Tista’ isservini u lanqas biss tħares lejja. Inkella tgħaddili l-messaġġ li tant għandek x’tagħmel li ma tikkalkulaniex. Inkella tista’ isservini billi titbissimli. Imqar tieqaf tikka! U tagħmel hekk mhux għax hekk trid tagħmel. Għax paċenzja! Iżda, l-għaliex, qed tfisser it-tbissima li qed tagħtini. Issa nħalli għalik ir-riżultat tal-aħħar…

Iltaqjna. Tkellimna. Żammejna kuntatt. U, forsi ħsibt, li nsejtek. Inkella għaddhielek minn moħħok li l-laqgħa tagħna kienet waħda hekk, każwali. Żewġ tbissimiet imqanżħin u xotti xotti. Żewġ pożi ta’ iddrittar. U ejja ħa mmorru. Imma Dak li jara dak li hu fil-moħbi (Mt 6:4), inzerta Missieri u Missierek! U Dak li hu karità fih innifsu fakkarni fik. Għax qalli: “U issa int, bħalek, kull filgħodu, aktar u aktar meta tkun fl-Isptar u toffri s-sagrifiċċju ta’ ħajtek mal-Ġisem u d-Demm ta’ Ibni, l-għaliex m’għandekx tiftakar fih. U tiftakar fiha? Dak mhux ibni? U dik mhux binti wkoll?”

U jien, misjuq minn din iż-żiffa ħelwa (1 Slat 19:12), bħal Elija l-profeta, tant kemm ħassejtha tidħol fil-qalba ta’ qalbi, u nieżlet sal-mudullun tiegħi, li kelli ngħatti wiċċi bil-mantell. U, bħalu, kelli noħroġ barra. Mela barra minni nnifsi u nibqa’ wieqaf. Jiġifieri nkun mħejji għal dak li l-Missier riedni nwettaq. Hekk, f’dak il-ħin, il-Missier laqagħni: X’int tagħmel hawn? (1 Slat 19:13). Fi kliem ieħor: “X’beħsiebek tagħmel? Lest li tilqa’ dak li se nqabbdek tagħmel?”

U jien, kif ħassejt iż-żiffa tiegħu, li hi Hu stess, weġibtu bħal Elija: Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla ta’ l-eżerċti (1 Slat 19:14). U intom x’taħsbu li kienet it-tweġiba ta’ Dak li hu, u li kien, u li għad irid jiġi (Apk 1:4)? Itlaq u erġa’ aqbad triqtek! (1 Slat 19:15), qalli. Mela inżel minn hemm fuq, mill-idejal, għar-rejaltà. Ħu ħsiebi fil-poplu tiegħi! Fi kliem ieħor ibgħatlu u ibgħatilha l-quddiesa li tqaddes kuljum. U li, bħala saċerdot tiegħi, għandek toffrieha għall-poplu tiegħi. Ħalli tassew jiena ningħata l-ġieħ u t-tifħir li jistħoqqli. Għax jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi, m’hemmx Alla ieħor għajri (Is 45:5).

Għalhekk, bħal Elija, bgħattlu. Bgħattilha. “Offrejt il-quddiesa tallum għalik u għall-familja tiegħek. GBU abundantly”. Ma ridtx xi għerf straordinarju. Lanqas xi saħħa kbira. Ridt biss li nħalli r-rieda egoista tiegħi tiġi mxenqa u misruqa mir-rieda ħanina tiegħU. U x’kienet it-tweġiba tal-persuna, tiegħu u tagħha, għal din it-turija ta’ mħabba ta’ Missieru u Missierha tas-Sema? Isma!’ Għax ta’ min jismagħha! Ħa nitfarrġu u nieħdu kuraġġ flimkien!

“Grazzi! Ma stennejtiex din dalgħodu! Ma bsartx li ħa tiftakar fija dalgħodu. Min jaf kemm tiltaqa’ ma’ nies”. Imma, u nerġa’ ngħid, dak mhux jien inkun. Imma HU! HU! HU! Għax meta taħseb li int waħdek u kulħadd telqek HU, bin-nies li abbli lanqas tistennieha minnhom li se jiftakru fik, bihom jurik li Hu miegħek!

Għalhekk ejja inkun strument ta’ paċi. Ejja nibni l-komunjoni madwari. Ejja neħles minni nnifsi u mill-oħrajn il-velenu tal-ġudizzji kontra l-proxxmu. Ejja nitħaddet dwar ħuti l-bnedmin, ħuti subjien u bniet, fil-pożittiv. Ejja kliemi jġibu ż-żerriegħa tat-tjubija madwari. Ejja nisma’. Ejja nispira armonija. Ejja nġib il-kjarezza. Ejja noffri solidarjetà. Ejja nkun meqjus u meqjusa. Ejja mmur għal dak li hu essenzjali fil-ħajja. Ejja inqajjem il-vera fiduċja. Ejja nġib lura fostna s-saltna tar-rispett. Ejja nġib il-verità li tikkundanna l-ħażen, jagħmlu min jagħmlu, imma, u fl-istess ħin, tgħin u issalva lil min jiżbalja. U dan il-fejqan jibda’ iseħħ billi … niftakar fik!

Għax, jekk int tassew ħija u oħti, kif tgħid il-magħrufa kanzunetta, “kif qatt nista’ li ninsik?”

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: