Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Invaraw id-dgħajsa f’ilmijiet ġodda

Invaraw id-dgħajsa f’ilmijiet ġodda


Is-Sibt 17 ta’ Frar 2018. Messaġġ lis-saċerdoti mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech,waqt nofstanhar ta’ spiritwalità fil-bidu tar-Randan imqaddes. Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-Belt Victoria.

Għandi kelma ta’ apprezzament lejkom is-saċerdoti mhux biss għall-impenn pastorali tagħkom, imma għal dak li intom intom: presbiteri. Ma aħniex perfetti, imma lanqas ma aħna xi diżastru. Ninnota li fost il-kleru hemm ħafna tajjeb. Nosserva li hemm xewqat qaddisa u rieda ta’ kollaborazzjoni. Ta’ dan kollu rrodd ħajr lil Alla u lilkom.

Qed ngħid dan biex nagħmlilkom kuraġġ, għax l-isfidi li għandna quddiemna ma humiex ħfief u qiegħed kulma jmur jidher dejjem aktar urġenti li fil-Knisja jkun hemm dak l-aġġornament li talab minna l-Konċilju Vatikan II – aġġornament li huwa wisq aktar impenjattiv minn dak li twettaq s’issa. Huwa fatt li meta nitkellmu dwar riforma fil-Knisja jaf ikun hemm min jaqta’ qalbu għax jibda jħossu inċert u beżgħan. Jekk nista’ ngħidilkom kelma ta’ serħan, jien m’iniex beżgħan quddiem dan il-pass li aħna mitlubin nagħmlu. Għandna magħna lil Kristu u lil dak li nqisu bħala l-aqwa interpretu tar-rieda tiegħu: il-Papa Franġisku. Għall-grazzja ta’ Alla ma nafx li fost il-kleru tagħna hawn min iqis lill-Papa xi “pulċinell” kif semma Patri Martin Cilia MSSP b’referenza għal kuntest ieħor; imma dan ma jfissirx li fostna kulħadd fehem lill-Papa biżżejjed jew li kulħadd jikkondividi għalkollox il-viżjoni tiegħu dwar il-Knisja. Wieħed minnkom dan l-aħħar qalli li avviċinatu persuna li talbitu jaċċertaha li l-Papa mhux eretiku, għax hekk qrat! In-nies taqra dak li jinkiteb dwar dan kemm minn sorsi barranin u kemm lokali! Bir-responsabbiltà tiegħi ta’ ragħaj tagħkom inħeġġiġkom biex tibqgħu fid-direzzjoni li qed jagħtina Franġisku – qed intenni dan il-kliem konxju li rrid nagħti kont ta’ għemili lil Alla. Agħmlu l-qalb biex għalenija nvaraw ir-riforma li qed jitlob minna l-Papa. Nimxu biex flimkien invaraw id-dgħajsa ta’ Pietru f’ilmijiet ġodda. Aqdfu fil-fond u tibżgħux tkalaw ix-xbieki. Ma hemmx lok għal tnikkir – jekk hemm bżonn, nagħmlu bħal dak ir-raġel li meta sab li kellu idu maħkuma taħt blata u kien qed imut, sab il-kuraġġ u qatagħha barra biex seta’ jinħeles minn dak il-piż enormi li kien qed iżommu milli jiskansa l-mewt.

Illum qed nagħtikom dan il-librett, Naqraw l-arloġġ ta’ żmienna, li fih miġbura riflessjonijiet li għamilt dawn l-aħħar xhur – huma diskorsi fejn nindika x’inhuma l-ħsus ta’ qalbi dwar dak li huwa meħtieġ għall-Knisja tagħna fis-soċjetà tal-lum. Nitlobkom tirriflettu fuqu biex ir-riforma msemmija nwettquha flimkien. L-istess ktejjeb ser jasal f’idejn l-operaturi lajċi. Mhux biżżejjed li wieħed joħlom waħdu, imma rridu noħolmu ma’ xulxin b’mod sinodali. Kif ngħid fl-Introduzzjoni għal dan il-ktejjeb, “ġieli niltaqa’ ma’ xi ħadd ġej mill-isptar u bit-tbissima fuq fommu jgħidli: ‘Għandi marda serja, imma qabduha fil-ħin’. Għalkemm għandu biex jitħasseb sewwa, jaf ukoll li jekk ma joqgħodx jittratieni u jieħu l-miżuri meħtieġa f’waqthom, jerġa’ jikseb saħħtu. Huwa mħasseb imma kollu tama”. Dan jien napplikah għall-ħajja tal-Knisja f’pajjiżna. Huwa minnu li hawn il-mard, imma nemmen li mhux biss intom bħala kleru intom riżorsa, imma għandna għadd ta’ lajċi u persuni kkonsagrati li jekk nagħmlulhom il-wisa’, jistgħu jgħinuna f’din l-evanġelizzazzjoni.

Qed inwasslilkom dan il-ktejjeb fil-bidu tar-Randan għax dan huwa ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu “l-konverżjoni pastorali” li jitlob minna l-Papa. Irridu naslu biex nagħmlu l-metanoia tal-qalb u tal-moħħ biex naslu ħalli nkunu Knisja missjunarja. Meta ngħid li nixtieq li l-Knisja tagħna tkun missjunarja, ma għandix f’moħħi l-missjoni ad gentes imma l-missjoni fit-toroq tagħna. Meta fl-2013 il-Papa Franġisku kellem lill-Isqfijiet taċ-CELAM, huwa ddistingwa bejn dik li sejjaħ “missjoni programmatika” u “missjoni paradigmatika”. Tal-ewwel hija lista b’attività ta’ natura missjunarja; tat-tieni tfisser li l-mens tal-Knisja partikulari huwa wieħed missjunarju – il-ħidma abitwali tal-komunità ekkleżjali tkun maħsuba f’ottika missjunarja. Il-Papa jkompli jgħid li meta l-Knisja tagħmel tagħha din il-paradigma missjunarja, tfaqqa’ d-dinamika tar-riforma tal-istrutturi ekkleżjali. “Il-bidla tal-istrutturi (minn qodma għal ġodda) mhix frott ta’ xi studju dwar l-organizzazzjoni tal-qafas funzjonali ekkleżjastiku, imma konsegwenza tad-dinamika missjunarja. Dak li jxejjen l-istrutturi antiki, dak li jġib bidla fil-qalb tal-Insara, hija proprju l-missjonarjetà” (28 ta’ Lulju 2013).

Fost l-istrutturi ekkleżjali li nħoss li għandhom bżonn ta’ riforma hemm il-parroċċa. Din hija struttura bażika u antika, imma rridu nagħtuha tifsila friska li tirrifletti ż-żmien tal-lum. Wieħed mill-kappillani dan l-aħħar qalli li meta żar il-familji tat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina fil-parroċċa tiegħu, skopra li aktar minn nofs dawn il-familji jgħixu f’territorju ta’ parroċċi oħra! Imma barra minn dawn il-motivi soċjoloġiċi hemm dawk teoloġiċi u ekkleżjoloġiċi. Kif jikkummenta l-Papa, “il-parroċċa mhix struttura li rridu narmu mit-tieqa. Il-parroċċa hija d-dar tal-poplu ta’ Alla, dik id-dar li fiha jgħix. Il-problema hija x’impostazzjoni se nagħtu lill-parroċċa” (lill-Isqfijiet Pollakki, 27 ta’ Lulju 2016). Ħasra li ħafna għadhom jidentifikaw il-parroċċa mal-knisja parrokkjali u għalhekk il-qofol tal-ħidma parrokkjali huwa l-kult. Imma kif josserva tant tajjeb Don Lorenzo Milani, “dawk li huma mbegħdin mhux ser jinteressaw ruħhom fit-talb li mhux tradott f’azzjoni ta’ karità, f’purċissjoni li ma tgħinx biex jinġarru s-slaleb ta’ issa” (Lettera sulla parrocchia, 54). Hawnhekk l-isfida hi kif ser noħolqu pont bejn il-fidi u l-ħajja, bejn il-kontemplazzjoni u l-azzjoni. Għalhekk altru li huwa urġenti li “ngħammdu mill-ġdid il-parroċċa” billi nerġgħu ngħaddsuha fl-ilma safi tal-misteru, biex il-kategoriji li juża l-Konċilju Vatikan II, bħalma huma “l-poplu ta’ Alla”, “il-ġisem ta’ Kristu”, “l-għarusa ta’ Kristu”, “il-familja ta’ Alla”, “tempju tal-Ispirtu s-Santu”, ma jkunux biss cliché imma realtà!

Fil-Knisja hemm ħwejjeġ li ma jinbidlu qatt u oħrajn li għandhom jinbidlu maż-żmien. It-tnejn huma meħtieġa biex nibqgħu fidili lejn Kristu, għax jekk nagħżlu li nibqgħu ffossilizzati, nirriskjaw li jintilef ukoll dak li ma jinbidilx. B’fedeltà ma nifhmux li importanti li l-Knisja tibqa’ wieqfa, imma li b’responsabbiltà nivvalutaw forom u strutturi miksuba matul iż-żmien u nibdluhom f’dawk li jaqblu mal-ħtiġijiet tal-bniedem tal-lum. George Bernanos fil-ktieb tiegħu The country priest jikteb hekk: “Ikun aħjar jekk nuru li l-Knisja għadha sabiħa, kbira u ta’ min jafdaha u jħobbha proprju għax hija Knisja li tirriforma ruħha, milli nippreżentawha bħala xi ħaġa perfetta li mhix ħlief stampa fittizzja u illużorja”.

Għal darb’oħra nerġa’ nappella biex taqraw l-Eżortazzjoni tal-Papa Franġisku Il-ferħ tal-Vanġelu li għalija hija l-magna charta għall-Knisja li qed tħares fil-futur. Nirrakkomandalkom li tistudjawha b’mod sinodali fil-presbiterja, fil-kunsilli parrokkjali u fl-assemblej parrokkjali, biex fiha ssibu dawk il-kriterji prattiċi li jgħinuna nakkumpanjaw lill-komunitajiet ekkleżjali f’din il-bidla profonda missjunarja.

Il-Papa jfakkarna li “l-evanġelizzazzjoni ssir għarkupptjena, għax jekk ma nkunux f’relazzjoni kostanti ma’ Alla, il-missjoni ssir xogħol – aktar ma l-missjoni twassalna fit-trufijiet tas-soċjetà, aktar jeħtiġilna nkunu magħquda ma’ Kristu” (ara Omelija, 7 ta’ Lulju 2013). Fil-fatt, qabel ma nfasslu x’ser nagħmlu, importanti li nkunu mimlija bl-ispirtu ta’ Kristu. Barra milli jrid ikollna r-riħa tan-nagħaġ, jeħtieġ li jkollna r-riħa tal-inċens li jkun jaqbad quddiem il-Preżenza ta’ Alla. Hawn jinsab is-sigriet tal-fekondità tal-missjunarju – tagħna s-saċerdoti. Jekk qabel ma naġixxu aħna ma noqogħdux fil-preżenza tiegħu, kemm individwalment u kemm bħala presbiterju, nirriskjaw li nirrendu l-Knisja struttura soċjali.

F’Il-ferħ tal-Vanġelu nsibu li “l-ewwel motivazzjoni għall-evanġelizzazzjoni hi l-imħabba ta’ Ġesù li aħna rċivejna, l-esperjenza tal-fidwa li hu ġabilna u li ssuqna biex inħobbuh dejjem iżjed” (264). Prattikament din hija l-ewwel tħabbira li llum aħna rridu nwasslu, imma qabel trid tasal għandna. Ma nistgħux inkunu missjunarji jekk qabel ma nkunux dixxipli. M’hemmx evanġelizzaturi li ma humiex evanġelizzati. Il-Papa Franġisku jkompli: “Xi mħabba hi dik li ma tħossx il-ħtieġa li titkellem dwar il-persuna maħbuba, tippreżentaha, tagħmilha magħrufa? Jekk ma nħossux ix-xewqa qawwija li ngħadduh lill-oħrajn, għandna bżonn nieqfu fit-talb biex nitolbuh jerġa’ jiġi u jsaħħarna għal warajh. Hemm bżonn nittallbu ta’ kuljum, nitolbuh il-grazzja tiegħu biex tiftaħ il-qalb kiesħa tagħna u theżżeż il-ħajja bierda u superfiċjali tagħna. Mitfugħin quddiemu b’qalbna miftuħa, inħalluh iħares lejna, ejjew nagħrfu din il-ħarsa ta’ mħabba li lemħet lil Natanjel dakinhar li Ġesù resaq lejh u qallu: ‘Rajtek taħt is-siġra tat-tin’ (Ġw 1:48). Kemm hi ħaġa sabiħa li nieqfu quddiem Kurċifiss, jew għarkupptejna f’riġlejn Ġesù Sagramentat, u sempliċement noqogħdu taħt għajnejh! Kemm ikun ta’ ġid għalina jekk inħalluh jerġa’ jiġi u jmissilna ħajjitna u jibgħatna biex inxerrdu l-ħajja ġdida li hu jagħti! Għalhekk, dak li jiġri hu li, fl-aħħar mill-aħħar, ‘inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna’ (1 Ġw 1:3). L-aqwa motivazzjoni li twassalna biex inxandru l-Vanġelu hi li nkunu kkontemplajnieh bi mħabba, hi li nkunu waqafna fuq il-paġni tiegħu u qrajnieh bil-qalb. Jekk nersqu lejh b’dan il-mod, il-ġmiel tiegħu jgħaġġibna, u kull darba jerġa’ lura biex isaħħarna. Għalhekk hu urġenti li nsibu mill-ġdid dak l-ispirtu kontemplattiv, li jħallina niskopru mill-ġdid ta’ kuljum li aħna depożitarji ta’ ġid li jagħmel iktar uman lill-bniedem, li jgħinu biex jgħix ħajja ġdida. M’hemm xejn aħjar x’ngħaddu lill-oħrajn” (264; ara 281).

Għalhekk jien nirrakkomandalkom li nieħdu bis-serjetà l-ħajja tal-grazzja. Għandna bżonn nieħdu l-ħajja tat-talb b’aktar impenn. Meta għidt li r-Randan huwa żmien ta’ namur, dan jgħodd għalina l-presbiteri wkoll. Fl-2015, Patri Raniero Cantalamessa OFMCAP qal li kull saċerdot għandu jinnamra ma’ Ġesù ta’ Nazaret – jekk bejn is-saċerdot u Kristu jkun hemm din ir-rabta affettiva, allura s-saċerdot huwa mħares u għandu setgħat sopranaturali li jiżbqu d-doti naturali. Jekk saċerdot mhux qed isib ħin għat-talb għax huwa mgħobbi b’ħafna attivitajiet, l-Isqof tiegħek qed jgħidlek biex tqaċċat ċerti ħidmiet biex qalbek tkun tista’ tkellem lil Qalbu! Noqogħdu attenti biex la nitilfu u wisq anqas intellfu r-reverenza mistħoqqa lis-sagru, speċjalment meta niċċelebraw is-sagramenti. Fil-ktieb tiegħu Vera e falsa riforma della Chiesa, meta jgħid li fil-Knisja huma meħtieġa ġesti veri li jixirqu lil dak li jippretendu li jfissru, Yves Congar jitkellem dwar il-kult divin u d-duttrina. Dwar din tal-aħħar jgħid li l-veritajiet ma jeżistux fl-astratt għalihom infushom, imma jrid ikollhom għeruq ħajja fil-kuxjenza tal-oħrajn u jsostnu lill-bniedem fil-ħajja reali tiegħu. Dwar il-kult, li l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-bniedem jidħol f’relazzjoni ma’ Alla, Congar jgħid li ħafna drabi dan ġie ridott għal riti jew oġġett li jeżisti fih innifsu, u waqt li aħna l-ministri nagħtu attenzjoni li dawn ikunu ċċelebrati validament, ftit li xejn jaħbat ma’ rasna li dawn huma actiones Christi et Ecclesiæ. F’dan il-kuntest, ir-riforma liturġika għad fadlilha triq twila.

Nittama li ma ndumx ma nkun nista’ nikkomunikalkom dettalji dwar il-Missjoni li ser nagħmlu fid-Djoċesi. Mhux ser tkun bl-istess metodu tal-Missjoni Djoċesana; flimkien mal-kappillani qed naħdmu fuq proposta missjunarja li l-għan tagħha huwa kemm li tkebbes il-fjamma tal-fidi fil-bnedmin, u kemm li fl-istess waqt tgħin fir-ristrutturazzjoni tal-komunitajiet parrokkjali.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: