Il-Ħadd 18 ta’ Frar, 2018. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, fl-erba’ mitt anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Qrendi. Knisja parrokkjali ta’ Santa Marija, il-Qrendi.
Xi drabi tixref fit-triq u ma tilmaħ lil ħadd barra. It-triq tkun deżert. Allaħares f’ċirkustanzi bħal dawn wieħed ikollu bżonn urġenti tal-għajnuna, għax jinfixel meta ma jsib lil ħadd. Il-baħħ u s-solitudni tad-deżert iwaħħxu.
L-esperjenza tad-deżert tant hija kiefra li niġu ttentati naqtgħu qalbna mhux biss mill-proxxmu imma wkoll minn Alla. Id-deżert tal-ħajja interjuri kapaċi jheżżiżna mill-qiegħ.
Fil-Vanġelu, San Mark jgħid li l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. Lil Ġesù li ma kellux ħjiel ta’ x’inhu d-deżert eżistenzjali, l-Ispirtu għaddieh minnu biex ikun jista’ jifhem, jagħder u jgħin lilna l-bnedmin meta nsibu ruħna fid-deżert tal-ħajja u jgħinna nirbħu t-tentazzjonijiet. Hu x’inhu d-deżert li tinsab fih int jew il-familja tiegħek, il-Mulej Ġesù li ġarrab din l-esperjenza, jifhmek u jgħinek.
Fl-okkażjoni tal-erba’ mitt anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, inħeġġeġ il-komunità parrokkjali tagħkom biex bħal Kristu intom ukoll takkumpanjaw lill-bniedem li jkun għaddej minn mument ta’ deżert. Nawguralkom li bħala komunità parrokkjali ssibu dawk il-kriterji serji u kredibbli li jgħinukom tagħmlu proposti biex tkunu tistgħu tistagħnew umanament u spiritwalment. Biex tilħqu dan l-għan, ser nislet ftit ħsibijiet minn ittra li kiteb il-Kappillan Don Primo Mazollari dwar il-parroċċa.
Il-komunità parrokkjali ma tistax toqgħod gallerija quddiem id-dramma tal-umanità. Inkunu nonqsu qatigħ jekk nagħżlu li nibqgħu spettaturi. Atteġġjament bħal dan jagħti togħma qarsa lill-komunità parrokkjali. Għall-kuntrarju, il-komunità mnebbħa mill-fidi għandha fi Kristu tfittex li tagħmel proposti kostruttivi biex jinħallu l-problemi.
Is-sitwazzjonijiet kumplessi tal-lum qed joħolqu ħafna ġerħat. Għalhekk il-parroċċa trid tkun bħal sptar fil-kamp tal-gwerra fejn il-ferut isib kura u mħabba. Il-komunità tilqa’ lill-midrub sempliċement għax huwa midrub u mhux għax tara xi possibbiltà li dan jista’ jikkonverti! Komunità parrokkjali li għandha l-ġrieħi f’ġisimha stess ma għandhiex għalfejn tistħi, għax meta l-ferut ikun jaf li l-parroċċa hija komunità feruta, huwa jersaq għandha b’aktar kuraġġ.
Il-komunità parrokkjali ma tistax tippermetti li jkollha spiritwalità mneżżgħa mill-uman. Hemm ir-riskju li ninqdew bid-devozzjonijiet u l-kult biex naħarbu lill-bniedem ferut jew biex nippruvaw ninsew il-feriti tagħna. Komunità parrokkjali li hija medhija fiċ-ċelebrazzjonijiet kultwali, imma tkun nieqsa mill-karità, ma tantx għandha futur. Talb li mhux akkumpanjat minn għażliet karitattivi u purċissjonijiet li ma jgħinux biex itaffu t-toqol tas-salib tan-nies, mhux ser imissu l-qalb tal-bniedem.
Il-komunità parrokkjali ma tistax tkun ġemgħa ta’ persuni perfetti; anzi, il-komunità trid tkun prudenti li ma tniżżilx l-ispallejn tal-membri tagħha b’piżijiet tqal anki fil-ħajja spiritwali, morali u pastorali. Huwa fatt li ġieli jkun hemm min f’isem il-parroċċa (u forsi wkoll f’isem Ġesù Nazzarenu) jasal biex ikisser il-ħajja ta’ persuna. Għalhekk huwa importanti li fil-ħidma pastorali nħaddmu l-prinċipju tal-gradwalità, fis-sens li kulħadd jimxi bil-pass tiegħu u mhux skont kemm il-komunità ekkleżjali tridu jimxi… Ħadd ma għandu jibża’ li jekk ma jġibx il-pass mistenni ser jaqa’ fi lsien il-parruċċani. Għaldaqstant, ħadd fil-parroċċa ma għandu jħossu eskluż proprju għax ma jistax jagħmel il-pass bħall-oħrajn.
Illum, aktar milli noqogħdu nistennew in-nies jiġu l-knisja, il-Knisja (il-komunità Nisranija) trid tkun lesta tmur għand in-nies, speċjalment fil-familji fejn tgħammar il-Knisja. Meta l-Knisja tasal fl-ambjenti fejn normalment tiżvolġi l-ħajja ordinarja tal-bniedem, hemmhekk il-Knisja mhux biss issir taf x’inhuma l-ħtiġijiet tiegħu, imma tibda titkellem bid-djalett tan-nies u għaldaqstant tikkomunika aktar. Il-Papa Franġisku jħobb jistedinna biex inkunu “Knisja li toħroġ”. Ma nistgħux nibqgħu magħluqin fil-knisja, ma nistgħux nittolleraw mentalità parrokkjali magħluqa, għax inkella nimmuffaw, nimirdu u mmutu.
Min-natura tagħha l-komunità parrokkjali hija missjunarja. Ma nistgħux inkunu Knisja li tifraħ biha nfisha. Il-ferħ tal-Vanġelu hemm bżonn naqsmuh mal-oħrajn fi djarhom. Għandna nidħlu wkoll fid-djar fejn ma hemmx interess f’Alla, biex hemmhekk nikkomunikaw li l-Knisja għandha interess fil-bniedem.
Komunità parrokkjali orjentata f’din id-direzzjoni jirnexxielha tkun preżenza li twieżen lill-bniedem biex joħroġ mid-deżert tal-ħajja. Kif Kristu jgħidilna li “ż-żmien huwa mitmum”, hekk ukoll il-komunità parrokkjali tista’ tħabbar li ż-żmien tad-deżert interjuri ntemm.
Ritratti: Joseph Cauchi