Tasal il-ġurnata tant mistennija. U ġieli anqas ukoll. Jiddependi mhux biss mill-burdata li wieħed ikun fiha imma wkoll mis-saħħa tal-persuna. It-tindif!
It-tindif irid isir. U għandu jsir. Kif jista’ ikun li persuna tgħix fl-imbarazz. Għalkemm hawn min li anki fl-imbarazz kapaċi jaħdem. Alla jbierek! Fil-fatt hawn min li, dak li għal ħaddieħor huwa mbarazz, għalih jispiċċa jkun ordni mill-aktar perfett. Tant hu hekk li jgħidlek: “Għalija mhux problema. L-aqwa li nkun naf fejnhom l-affarijiet. Imbagħad immexxi”. U jmexxi ta’ veru tafux! L-għaliex, u ħaġa tal-iskantament, iseħħlu jsib irkaptu ta’ kollox.
It-tindif fih arti kbira. Kuntrarju għal dak li jaqbdu u jaħsbu xi wħud ma nistax le naqbad innaddaf bl-addoċċ. Ejja ħa mmorru. U l-aqwa li nfittex inlesti. Kemm hawn min ġie f’inkwiet kbir l-għaliex naddaf lil ħaddieħor ejja ħa mmorru. Jekk użajt din il-biċċa biex biha nnaddaf is-sink żgur li issa mhux ħa nużaha ħalli biha nnaddaf l-art. Mela, fit-tindif, anki l-biċċa għandha r-rwol tagħha.
Barra minhekk irrid ukoll ċertu sengħa u anki ppjanar kif se nnaddaf u meta se nnaddaf. Mela, mat-tindif hemm marbuta ukoll il-ħila. Biex innaddaf ħaġa għandi bżonn ċerta ħila. Liema ħila tiġi minn ċertu għaqal ukoll. Tajjeb ngħidu li ħaġa ma tnaddifhiex biex tgħid li naddaftha. Inkella, jekk tnaddafha bil-mentalità “suq ħa mmorru,” jiġifieri ta’ kafkaf, żgur fuq li żgur li se tirvinaha! U tkun tassew ħasra ħbieb jekk dan iseħħ! Mhux biss għall-flus tafux imma wkoll għall-valur sentimentali li jkun hemm marbut mal-ħaġa li tkun. Waqt li kont qed naħseb intbaħt li anki ħajjitna ta’ kuljum dan turiehulna. Hekk, ngħidu aħna, altru ħa nnaddaf l-art u altru ħa nnaddaf il-ħġieġ. Altru ħa nnaddaf il-karozza u altru li ħa nnaddaf biċċa kwadru tal-arti. Il-materji li fuqhom qed nitħaddet huma tabilħaqq differenti għal kollox. Għalhekk jinħtieġu teknika differenti ta’ tinfif. U anki preparazzjoni wkoll. Ma naħsibx li biex nagħti ħasla l-art irrid xi studju partikulari. Imma biex innaddaf biċċa xogħol tal-arti jfisser li rrid nitħarreġ b’mod professjonali u nieħu kors speċjalizzat bil-għan li nkun nista’ inwettaq din il-biċċa xogħol kif għandu jkun.
Jiena u ngħid hekk qed niftakar f’xi ħaġa oħra u li hija marbuta ma’ dan li qed nipprova nfisser. Dan l-aħħar bqajt tabilħaqq mistgħaġeb bix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-funtana tat-Tritoni. Liema funtana qed tgħaxxaq il-Belt għażiża tagħna, Valletta. Kemm xogħol sar biex din il-funtana tiġi restawrata! Parti mix-xogħol tar-restawr kien jinvolvi t-tindif tal-istess statwa. L-istess nistgħu ngħidu għall-istatwa mill-isbaħ u devota ta’ Ġesù Redentur li qiegħdha fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla. Anki hawn, parti mix-xogħol tar-restawr ta’ din l-istatwa tassew sabiħa kien jinvolvi t-tindif. F’dawn iż-żewġ biċċiet xogħlijiet artistiċi t-tindif lagħab parti essenzjali. Fil-fatt it-tindif seħħlu juri mill-ġdid l-istat oriġinali tax-xogħol artistiku. Mit-tindif ir-restawratur seta’ jitgħallem ħafna affarijiet fuq din l-istatwa. U dak li din l-istatwa għaddiet minnu. It-tindif wassal lir-restawratur biex jibda’ x-xogħol tiegħu mill-ġdid, mill-qiegħ nett. Hekk saħħaħ fejn kien hemm bżonn li jsaħħaħ u beda, bil-mod il-mod, u ġebla fuq oħra, itella’ x-xogħol tiegħu stess ta’ restawr fuq din l-opra. Bħalma bennej għaqli, b’ħafna għaqal u b’sengħa kbira, jibda’ jibni xogħlu. Ġebla wara l-oħra.
Minn dan nara l-għerf ta’ dawk li, għal żmien il-Milied, jgħiduli: “Patri! L-ewwel innaddaf imbagħad, wara li nagħti tindifa tajba, nibda’ inżejjen id-dar”. L-għaliex, il-veru tiżjin, l-ornament sabiħ, ma jistax isir jekk jien ma nnaddafx. Jekk ma naqlax qala’ sewwa fejn se nkun inżejjen. Inkella t-tiżjin, fl-imbarazz u fil-ħmieġ, ma jipprestax ruħu. Ma jinqalax. U hekk jispiċċa jinħeba. Jiċċajpar. Jintefa. U dan tassew li jkun ħasra tafux!
Issa bdejna r-Randan. Li, ftit ftit, se jwassalna għas-solennità tal-Għid il-Kbir. L-aqwa Festa mhux biss tal-Knisja imma ta’ ħajti u ħajtek ukoll. X’hemm isbaħ li wara din il-ħajja jiena se nibqa’ ngħix għal dejjem? Li, jekk nemmen f’Ġesù, se ngħix miegħu u ma mmut qatt aktar? Mela ejja naqla’ qala’ tajba lil ruħi. Ejja nindaf. Ejja nisma’ il-Kelma ta’ Alla li hija bħal dak it-torċ jew dawl qawwi li turini fejn għandi l-ħmieġ ħa nitnaddaf.
Wara kollox ħadd minna le ma twieled jidgħi, jirrabja, jivvendika, iżomm f’qalbu, jikkomplotta l-ħażen kontra għajru, jgħir, iħawwad, insomma u l-bqija. Sirna hemm biż-żmien. Madankollu issa huwa ċ-ċans li nitnaddfu. Li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Li nqerru qrara tajba ħa nerġgħu lura għall-indafa li kellna fil-bidu. Imma din hija parti biss mill-istorja. Jonqos it-tieni parti ukoll. Ejjew nimlew ħinna bl-imħabba lejn il-proxxmu tagħna, fl-umiltà, fil-kuraġġ, fl-għaqal, fit-tama u anki meta ngħaddu dik il-kelma tajba u ta’ twissija, b’naqra zokkor ukoll, lil xulxin.
Tibżgħux! Imbagħad aqta’ kemm inkunu sbieħ! U ferm isbaħ milli aħna issa! Għax hija kwistjoni ta’ tindif sieħbi!