Allura x’nagħmel?


It-teknoloġija moderna tal-kommunikazzjoni soċjali, bħalma hu l-Facebook, għandha tabilħaqq il-barkiet tagħha. Barkiet li jagħmlulna ħafna tajjeb lilna li nużawha. Dan l-għaliex iwessgħulna l-viżjoni dejqa tagħna tar-rejaltà u jagħmluna persuni aktar responsabbli lejn ħutna u, fuq kollox, lejna nfusna stess.

Mela darba, fuq Facebook, persuna bgħatitli dan il-messaġġ li tant ġagħlni naħseb. Messaġġ li spiċċa biex tabilħaqq inkoraġġieni bil-bosta. Din il-persuna kitbitli hekk: “Patri, jekk tkun ħfirt għal darba, tnejn, tlieta… tant li tkun kellimt lil dak li ma jridx kliem miegħek. B’xorti ħażina għalija, dawn li ma jridux kliem miegħi huma ħuti l-għeżież stess. Mela, jekk nkun stedinthom jiġu f’dar il-ġenituri tagħna għal darba, darbtejn, tlieta arahom jiqbgħulek iebsin stanga. Inkella, biex żgur ma jiġux, jaqilgħu kull intopp possibbli. X’nagħmel Patri? Jiena nħobbhom ħafna lil ħuti. Għaliex, minkejja li jagħmluli, ħuti jibqgħu. U, minkejja dan l-inkwiet kollu li jaqilgħuli, bqajt fil-paċi miegħi innifsi. Dan ngħidu l-għaliex, safejn naf jien, ma nqasthom f’xejn. Jiena saħħti rridha. L-ewwel u qabel kollox għall-familja tiegħi stess. Kemm żewġi, uliedi u n-neputijiet tiegħi lkoll għandhom bżonn l-għajnuna tiegħi. Allura x’nagħmel jien Patri? Qalbi titnikket bil-bosta kull meta naħseb fihom. Imma xi tridni nagħmel? Emminni! Kuljum nitlob għalihom għax ilkoll inħobbhom. Grazzi u l-paċi miegħek”.

B’qasma ta’ qalb din hija l-istorja komuni li tinsab f’ħafna familji Maltin u Għawdxin. Dejjem se ssib dak l-intopp fil-ħajja familjari. Dak id-diżgwit li tant joħloq uġiegħ. L-għaqda m’hawnx isbaħ minnha. L-għaliex, u fir-rejaltà, min hu dak il-miġnun u dik il-miġnuna li jrid u trid l-inkwiet wara bieb daru u darha? Mhux ovvja li l-inkwiet huwa xi ħaġa ta’ min jaħrabha? Mhux ovvja li isbaħ mill-għaqda m’hawnx?

Imma ħej meta jkun hemm dak l-għawwi minn wara l-kwinti jew dawk is-seduti fil-kmamar ta’ ġewwa, meta l-fama ta’ dak li jkun tibda’ tiġi mċajpra minn oħrajn li, għall-finijiet ta’ moħħhom, jidhrilhom xi ħaġa, allura l-gwaj jibda’ jikber u jikber u jsir faqqiegħa daqshiex! Sakemm fl-aħħar iva, jinfaqa’!

Fil-proċess kollu jkun hemm dak il-misħut riżentiment lejn il-persuna jew persuni nvoluti. Ir-riżentiment, li bl-Ilsien Ingliż nsejħulu ranklement inkella bitterness, huwa taħlita ta’ diżappunt, rabja u biża’. Fil-fatt, skont il-psikoloġi, ir-riżentiment jħaddan fih it-tlett emozzjonijiet ta’ antipatija, dwejjaq u sorpriża. Ir-riżentiment jitla’ fil-wiċċ meta dak li jkun jaħseb li saret xi inġustizzja miegħu. Biż-żmien li jiġri hu li meta s-sorpriża tal-inġustizzja issir anqas frekwenti magħha jibdew inaqqsu wkoll ir-rabja u l-biża’. Għalhekk li jibqa’ hu d-diżappunt bħala l-emozzjoni predominanti. Ir-riżentiment jista’ jseħħ meta esperjenza li hija emozzjonalment disturbanti tinħass mill-ġdid u tiġi mgħixha mill-ġdid fil-moħħ. Tajjeb ngħidu li meta l-persuna tkun qed tħoss ir-riżentiment tkun qed iddawwar l-emozzjoni lejha innifisha. U b’hekk din tieħu bixra ta’ rimors.

F’messaġġ li darba bgħatitli persuna oħra fuq Facebook din il-persuna kienet għallmittni li r-riżentiment huwa bħal meta wieħed jixrob il-velenu u qiegħed jistenna lill-persuna l-oħra biex tmut. Ħafna minna ninsew li r-riżentiment huwa oħt iż-żgħira tar-rabja. Kuntrarju għar-rabja li, b’mod miftuħ u distruttiv, tissokta titfa’ l-melħ fuq il-ferita r-riżentiment, bis-skiet kollu, jibda’ jivvelena ħajjitna sakemm naslu f’punt li nitilfu ferħa wara l-oħra.

Allura x’nagħmel f’dawn iċ-ċirkustanzi? X’nagħmel meta naqbad lili nnifsi vittma tar-riżentiment lejn xi ħadd?
L-ewwel u l-aktar pass fundamentali jibqa’ dak tal-maħfra. Ejjew inkunu ċari. Il-maħfra ma tfissirx li kollox huwa okay. U lanqas ma jfisser li ma jiġux mumenti fejn il-weġgħa tal-imgħoddi ma terġax titla’ mill-ġdid. Skont Santu Wistin il-maħfra m’hija xejn għajr l-att li wieħed iċedi x-xewqa tiegħu li jivvendika ruħu. F’kelma waħda li nitlaq minn idejja u, fuq kollox, minn qalbi, ix-xewqa li nweġġa’ lil xi ħadd li jkun weġġa’ lili. Għalhekk il-maħfra hija d-don li nagħti lili nnifsi li jgħinni nieqaf naqla’ gwerra fuq xejn u, minflok, nibda’ pjan ta’ fejqan veru.

Kemm kien laqagħtni t-tagħlim li ħallilna Papa Franġisku dwar il-virtù sabiħa tal-maħfra fl-omelija li kien għamel nhar l-1 ta’ Jannar, il-Festa ta’ l-Imqaddsa Omm Alla, tas-sena 2016. Din l-omelija kienet saret fil-kuntest tal-quddiesa li fetħet il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena.

Ir-rigal li Marija tagħmlilna meta tagħtina lil Ġesù Kristu hu dak tal-maħfra li ġġedded il-ħajja, li biha twettaq mill-ġdid ir-rieda ta’ Alla, u li timlieha bil-veru ferħ. Din il-grazzja tiftaħ il-qalb biex tħares lejn il-futur bil-ferħ ta’ min jittama. Dan hu t-tagħlim li joħroġ ukoll mis-Salm: “Oħloq fija, o Alla, qalb safja, u spirtu qawwi ġedded fija. […] Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek” (51:12,14). Il-qawwa tal-maħfra hi l-veru antidotu kontra d-diqa li tiġi mill-korla u mill-vendetta. Il-maħfra tiftaħ għall-ferħ u għas-serenità għax teħles lir-ruħ mill-ħsibijiet tal-mewt, waqt li l-korla u l-vendetta jiffomentaw il-moħħ u jċarrtu l-qalb għax jeħdulha s-serħan u l-paċi.

Ejjew inkunu onesti: kemm hawn familji u komunitajiet li huma iffumentati mill-ispirti ħżiena tal-korla u tal-vendetta? Mela kif nistgħu nippretendu li familji u komunitajiet ta’ din ix-xorta jistgħu qatt jagħtu dak is-serħan u dik il-paċi li kull persuna għandha tabilħaqq bżonn? Kif dawn il-postijiet jistgħu qatt ikunu postijiet ta’ fejqan?

Ir-riżentiment jitfejjaq minn għemejjel ta’ ġid lejn dik il-persuna li tkun għamlitilna l-ħsara. Interessanti li l-persuna li ħutha ma jilqgħux imħabbitha lejhom baqgħet titlob minn qalbha għalihom u tħobbhom. Hija baqgħet b’qalbha miftuħa beraħ lejhom. Minkejja l-intoppi li qalgħu biex ma jmorrux jżuru lill-ġenituri tagħha u hekk jiltaqgħu magħha stess. F’dan id-dawl jiġini quddiem għajnejja dak li jgħid San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumani:

Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: “Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.” Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu. Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb (Rum 12:17-21).

Anki l-fatt li din il-persuna, minkejja l-weġgħat li għamlulha ħutha, baqgħet tfakkar lilha nnifisha li “tħobbhom”, mingħajr ma kienet taf baqgħet tgħaddi l-messaġġ lilha nnifsha li dawk kienu, għadhom u jibqgħu ħutha. Fi kliem ieħor, li dawk baqgħu l-oġġetti tal-imħabba u r-rispett tagħha. Min jaf forsi l-kelma nħobbhom twassalha biex terġa’ tistedinhom jiġu mill-ġdid iżuru lill-ġenituri tagħha? Abbli din id-darba jafu jiġu!

Barra minhekk, fil-messaġġ tagħha, din il-persuna għallmitni li meta jkollna diżgwit ma’ xi ħadd l-aħjar ħaġa li nista’ nagħmel hi li nitħaddet l-istorja ma’ min jista’ verament jgħinni. U dan nagħmlu mhux biex ngħid kontra l-persuna li tkun weġġgħetni imma biex nara x’nista’ nagħmel, b’mod prattiku ħafna, ħalli r-rikonċiljazzjoni tiegħi ma’ min ikun weġġagħni tkun tista’ isseħħ.
Aħna bnedmin. U reżiżtenzi għar-rikonċiljazzjoni fina jkollna wkoll. M’hemmx isbaħ mid-duwa tas-Sagrament tal-Rikonċiljazzjoni li jnaddafni mir-rabja, mir-riżentiment, mil-biża’ u mir-rimors u hekk iħaffifni ħa nibqa’ nitlob, inbierek u iva, niftaħ qalbi lejn min weġġgħani u jweġġagħni.

Kos hux! Kemm hemm x’nista’ nagħmel!

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.