Il-mara li naf jien


Rari ngħaddi minn hemm. Jekk, mhux, għal xi bżonn. Insomma! Dakinnhar ħassejt li kelli ngħaddi. U dan hu li għamilt.

Sibtu bilqiegħda. Waħdu. U, bħas-soltu, ħdejh kellu l-kelb iż-żgħir. Kemm hu ħelu! Jisraqli qalbi narah. “Hawn Patri! Kif int dalgħodu? Imħabbat?” Din il-kelma ridt nisma’ biex, fi ftit kliem, ngħidlu kemm kont tabilħaqq imħabbat. “Iva ħabib!” qalli, wara li semagħni nirrakkonta l-istorja tiegħi. “Huwa intom il-Patrijiet hemmhekk postkom! Mal-morda! Twasslulhom lil Kristu. L-Isptar …!”

U waqaf. Mid-dawl tax-xemx li kien jirrifletti f’dik il-biċċa dellija stajt naralu f’għajnejh id-dmugħ. “X’ġara ħabib?” stqasejtu. “Eh! Dik il-kelma Sptar x’ġerħa tiftaħli! Kif qatt nista’ ninsa lil marti Luċija!” Bqajt sieket. L-għaliex, propjru f’dak il-waqt sewwa, l-istorja nfetħet ktieb quddiemi.

“Kienet qisha m’hix hi! Mara tbiegħ is-saħħa. Jiena u hi għamilna familja sabiħa tgħidx kemm. Għadni niftakar qisu ilbieraħ l-ewwel darba li ltqajt magħha. Kemmxejn samranija b’dawk l-għajnejn sbieħ, kbar suwed. Addijo l-ħruġ ma’ sħabi! X’ħin rajtha għaqli tliftu warajha. Kemm ħabbejtha! Saħansitra għadni niftakar ukoll l-ewwel darba li kont dħalt għand missierha u ommha. Kienet iż-żgħira. Tista’ taħseb x’bokka kellhom biha! Kienet tfajla tal-ġabra! Dejjem id-dar. Ma’ djul ommha. Tgħinha fil-faċendi u x-xogħol tad-dar. Hi anki kienet tagħtieha daqqa t’id biex tieħu ħsieb lil missierha. Li, miskin, kienet għaddietu! Luċija! Luċija tiegħi!” issokta jgħidli x-xiħ.

F’dak il-waqt interrompa dak li kien qed jgħidli. Qalbu ħassha tqila wisq. Għalhekk, mill-but tal-qalziet aħdar u nadif tazza, ħareġ maktur abjad daqs is-suf. Mitni kif imiss. Mesaħ imnieħru u ssokta: “Magħha tant serraħt qalbi! Kont nirrakkuntalha minn dak kollu li kont ngħaddi minnu fuq ix-xogħol. Kollu santu ċajt! Tkun taħdem ta’ lavrant mhux dejjem kienet warda. Ajma! L-aktar jekk kont issib min jgħir għalik u jipprova jagħmillek ħajtek infern fuq ix-xejn. U dan kollu l-għaliex? Iva ħi! Minħabba dik il-misħuta għira! Ja kattiva li hi! Kemm hi bla qalb!”

Waqaf. Issa għajnejh reġgħu inħaslu bid-dmugħ. Għalhekk reġa’ ħareġ il-maktur mill-ġdid, mesaħ għajnejh u issokta: “Miskina! Dejjem qaltli kelma tajba. U, f’sittin sena żwieġ, qatt ma naf li ġġilidna. Qatt ma naf li rqadna bil-geddum ma’ xulxin. Għalfejn? Għax x’hemm isbaħ milli jkollok miegħek mara li tħobbok u tridlek il-ġid? F’kull problema li kien ikolli dejjem kont nistaqsiha. Ħa nieħu parir mingħandha. U kont niskanta kif, minn ġo darna, sempliċi sempliċi, kien jseħħilha tkun taf tweġibni għal kull mistoqsija li kont nistaqsieha. Għadni mbellaħ sallum bit-tweġibiet li kienet tagħtini. Emminni li ma nafx minfejn kienet iġġibhom dawk ir-risposti kollha! Li naf żgur hu li kienet tħallini bla kliem bli tgħidli!”

Il-kelb li kellu f’idejh beda jilgħaqlu idu. “Hawn Sufu! Xi trid? Eh!” Reġa’ waqaf. Din id-darba waqaf biex jerġa’ jiftakar mill-ġdid xi ħaġa minn dawk iż-żminijiet tad-deheb li seħħlu jgħix ma’ martu. “Qed tarah dan il-kelb?” qalli. “Imnalla jkun hu biex jimlieli ftit mill-vojt li nġorr ġewwa fija. Imma anki jekk ħlewwietu tagħtini kuraġġ qatt le mhu se jagħtini kuraġġ daqs il-ħlewwa li tagħtni marti Luċija. Kemm kienet tieħu paċenzja bija! Kemm kienet tkellimni bil-ħlewwa! Kemm kienet …” U waqaf. Mhux faċli ħbieb issemmi l-kwalitajiet sbieħ ta’ persuna li tkun tant ħabbejt u li issa, din il-persuna, ma tkunx għadha miegħek aktar.

Imbagħad reġa’ għamel il-qalb u issokta: “Niftakar li meta ġisimha fit-tebut kien lest biex jindifen jien dort lejha u għeditilha: ‘Luċija! Luċija tiegħi! X’se nagħmel jien mingħajrek? Kif ħa ngħix?’ ‘Hawn aħna Pà!’ qalli ibni l-kbir. Emminni jekk trid temminni! M’għedtlux dak li ħassejt biex ma nqanqalx ilmijiet. Eħ ħija Patri! Meta tmutlek dik il-persuna li magħha tkun tlajt u nżilt għoljiet il-glorji u l-fallimenti, meta ma tibqax aktar miegħek dik li kienet tixxuttalek dmugħek biex timlik bid-dmugħ ta’ ferħ u ta’ kuraġġ għidli x’jibqa’ fik?”

Kif qal hekk baxxa kemxejn leħnu u, minn għajnejh ħodor u leqqiena jħarsu lejn il-baħħ ta’ quddiemu, qalli: “Luċija tiegħi l-Kuruna tar-Rużarju qatt ma telqitha minn idejha. Lanqas il-quddiesa ta’ kull jum qatt ma kienet tfallieha. U, ma’ uliedna, kelma lura aħjar minn kelma żejda. Kienet iġġib lil kulħadd xorta. Meta mietet kien hemm min qalli biex inderri u forsi noħroġ ħarġa mal-grupp tar-romol. Imma Patri, sieħbi, bħal Luċija tiegħi, mhu se nsib imkien!

Dik għalija kienet u tibqa’ il-mara li naf jien!”

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.