Ittra miftuħa lis-Suldati tagħna


Il-Ħamis 22 ta’ Frar, 2018. Ittra miftuħa lill-Forzi Armati ta’ Malta, mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, wara żjara li għamlilhom.

AFM

Wara li għaddejt ġurnata ġiri minn unità għall-oħra fi ħdan il-Forzi Armati ta’ pajjiżna, f’qalbi tkebbset aktar ammirazzjoni u rispett lejn is-suldati tagħna. Matul din iż-żjara ltqajt ma’ teżor nazzjonali. Apprezzajt l-għodod li bihom l-Armata hija attrezzata u nħossni rikonoxxenti lejn l-Istat Malti li jinvesti mhux ftit biex l-Armata tkun mgħammra tajjeb ħalli twettaq il-missjoni tagħha; imma ntbaħt li l-aqwa riżorsa tal-Armata mhix it-teknoloġija moderna, imma s-suldati!

Ħadt gost nara l-patrol boats, l-ajruplani, l-armi… imma l-aktar li baqgħu stampati fil-memorja tiegħi huma l-uċuħ tas-suldati. Jien u neħdilhom b’idejhom, innutajt li fil-kotra tagħhom kellhom tbissima sinċiera, għajnejn jixegħlu u għafsa ta’ id soda. Osservajt li dawk li kienu mqabbda biex ifissruli fil-qosor il-ħidma ta’ kull unità jew kumpanija, kellmuni b’fommhom imma wkoll b’qalbhom. Fil-fatt, iltqajt ma’ suldati u fizzjali li huma mogħnija b’motivazzjoni u entużjażmu.

Sal-bieraħ jien kont nassoċja s-suldat mal-kumbattimenti, imma wara din il-laqgħa mal-Forzi Armati biddilt fehemti. Huwa minnu li l-Armata titħejja biex jekk tinqala’ l-ħtieġa tħares is-sigurtà kemm f’pajjiżna u f’pajjiżi oħra; imma nnutajt li ħafna mill-ħidma tas-suldati hija mmirata biex ikun hemm il-ħarsien tal-liġi kif ukoll biex tingħata għajnuna lil min isib ruħu f’qagħda ta’ periklu, bħal meta jsalvaw lill-immigranti mill-ibħra ta’ madwarna, meta jġorru xi marid minn fuq vapur lejn l-isptar, jew meta jissejħu biex ineħħu xi splussivi. Ċirkustanzi bħal dawn jafu jkunu riskjużi ħafna, u biex jgħin, is-suldat jipperikula li jitlef ħajtu. Għadhom jidwu f’widnejja żewġ kummenti li żewġ suldati għamluli lbieraħ. Suldat mill-Ammunition and Explosives Squadron qalli li minkejja li għandhom ilbies protettiv, jekk, meta jkun ineħħi l-bomba, din tesplodi, is-suldat jaf jibqa’ taħtha. Suldat ieħor li ġieli jkollu jiffaċċja l-pirati moderni, qalli li llum min hu involut fil-kontrabandu tant huwa armat, li hu sar jibża’ meta jkollu jaffrontahom! Nistqarr li quddiem din ix-xhieda, ikkommovejt ruħi! Ma jistax ikun li dawn is-suldati jissugraw li jiġu wiċċ imb wiċċ mal-mewt sempliċement għax fl-aħħar tax-xahar jirċievu l-paga. Jissograw għax huma persuni ta’ karattru u għandhom ideali għolja. Persuni bħal dawn verament jagħmlulna ġieħ.

Mhux il-każ li nsemmi lid-diversi kategoriji ta’ suldati li kelli x-xorti niltaqa’ magħhom. Imma nixtieq insellem lil dawk is-suldati li jaqdu lill-Armata bis-sengħa tagħhom. Ħaddiema li mhux biss għandhom ħila li jsewwu, imma saħansitra “joħolqu”. Ma’ dawn ngħodd lill-inġiniera. Normalment dawn minnflok l-uniformi llamtata jkunu bil-boiler suit kollha tbajja’ taż-żejt jew għabra tal-injam. Għalkemm moħbija fil-ħwienet tax-xogħol jew fil-hangar, għaraft kemm is-sehem tagħhom huwa insostitwibbli.

Meta konna Xatt it-Tiben, waqaft quddiem il-mafkar li jfakkar lil dawk is-suldati u magħhom pulizija li mietu meta xi splussivi ħadu fuq il-patrol boat fil-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex. Fis-skiet tlabt għalihom u ftakart ukoll f’dawk il-membri kollha tal-Armata li ħallewna. Meta fi tmiem din il-mawra sibt ruħi fil-kappella ta’ Ħal Far, afdajt taħt il-ħarsien ta’ Ġesù dak kollu li rajt u smajt matul dak il-jum.

Din l-esperjenza kkonfermatli kemm verament is-suldati tagħna jixirqilhom l-isem “Forzi Armati ta’ Malta”. Mhux biss għax huma qawwa militari, imma wkoll u iktar għax ħassejt li dawn is-suldati huma qawwa umana u umanizzanti. Taħt dik l-uniformi hemm irġiel u nisa mżejna b’ħafna umanità. Huma weqfin, ilventi, serji u dixxiplinati; imma għandhom qalb li tħoss, tħobb u tgħin. Naturalment ebda bniedem ma huwa perfett, u bħal kull organizzazzjoni umana anki l-Armata hija perfettibbli.

Konvint li jien kont offrut din l-okkażjoni li niltaqa’ mal-Armata minħabba l-uffiċċju tiegħi ta’ Isqof tal-Knisja Kattolika. Għalhekk, bħala appostlu ta’ Kristu, filwaqt li nsellem lill-membri kollha tal-Forzi Armati, nagħmlilhom kuraġġ biex jibqgħu jkunu l-ħarriesa tal-bniedem, l-aktar ta’ dawk dgħajfin, tarka għal min għandu d-drittijiet fundamentali tiegħu mittiefsa, u għodda biex iħottu l-ħitan li jifirduna u jibnu l-pontijiet bejn il-bnedmin.

Minn qalbi rrodd ħajr lill-Brigadier Jeffry Curmi li għamilli din l-istedina u baqa’ miegħi sal-aħħar. Nirringrazzja lill-uffiċċjali u s-suldati kollha li taw sehemhom biex jien stajt għamilt din l-esperjenza. Fuq kollox insellem lil Dun Joe Meli li b’mod eżemplari joffri s-servizz pastorali tiegħu lill-Armata.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.