Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħadd 25 ta’ Frar 2018

L-Evanġelju tal-Ħadd 25 ta’ Frar 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mk 9:2-10

Bidla, rejazzjoni, parir u twissija.

Ġesù jagħżel tlieta mid-dixxipli u jtellagħhom weħidhom miegħu fuq il-muntanja, li skont San Mark, kienet għolja. Itellagħhom miegħu u ma jgħidilhomx ir-raġuni. Ma nafux x’ħasbu huma u ma nafux x’ħasbu d-dixxipli l-oħra. Ġesù ma jagħtix spjegazzjoni la lil min għażel u lanqas lil min ma għażilx; lanqas ma jagħti kont. Sakemm naslu fl-aħħar tar-rakkont nindunaw li ried jurihom min tassew hu, u t-tlieta li huma jindunaw l-istqarrija ta’ fidi f’Ġesù, li kien għamel Pietru kif insiubha fil-kapitlu ta’ qabel dan u li Ġesù aċċetta, x’kienet tfisser tassew. Raw lil Ġesù kif qatt ma kienu rawh qabel, mhux mibdul f’dak li xtaquh ikun, iżda f’dak li tassew kien. Iżda meta jeħodhom miegħu ma jgħidilhomx għaliex. Ejjew miegħi, imma fejn u għal liema għan ma jgħidx; lil min jafdah jieħdu miegħu għal dak li l’inqas ikun jistenna.

Lil San Mark, li probabilment ħa l-informazzjoni tiegħu mingħand San Pietru, jimpressjonawh il-ħwejjeġ ta’ Ġesù. Għal San Mark, Ġesù ma jitbiddilx fis-sura tiegħu, wiċċu jibqa’ l-istess, imma ħwejġu tbiddlu, saru bojod bħad-dawl tax-xemx; Ġesù jidher fi bjuda li tgħammex, liebes il-glorja li fuq din l-art, matul din il-ħajja qatt ma basru li setgħu jaraw. Lanqas id-dehra ta’ Elija u ta’ Mosè jitkellmu ma’ Ġesù ma mpressjonathom daqshekk. F’Ġesù liebes id-dawl li l-għajnejn mhumiex imdorrijin bih jarawh liebes ir-regalità u d-divinità. Din id-dehra mliethom b’biża’ kbir.

Ir-rejazzjoni tagħhom daħħlithom f’qoxrithom. Il-biża’ kbir li ħakimhom jew ma ħalliehomx jitkellmu, lanqas bejniethom, jew ġiegħlithom, kif jidher sewwa minn dak li qal Pietru li qal dak li kieku kien f’sensih ma kienx jgħid. Hawn min jgħid li Pietru tkellem hekk biex iżomm id-dehra għaddejja, biex ma tintemmx, iżda jista’ jkun ukoll li tant ma felħux għaliha, li ħaseb li jekk jibqgħu iħarsu lejha, setgħu imutu. Ħadd ma jara wiċċ Alla u jibqa’ ħaj. Il-biża’ mhux bilfors kienet ġejja minn dak li qatt ma kienu raw u qatt ma basru li se jaraw, iżda setgħet kienet ġejja mill-ħsieb li kienu qed jaraw lil Alla wiċċ’imb’wiċċ u beżgħu li jmutu. It-tined kienu jżommu d-dehra imma lilhom kienu jħarsuhom minn wiċċ Alla nnifsu. Ġesù deher quddiemhom ta’ Alla li kien u d-dgħufija tagħhom ta’ bnedmin ħassewha tiddgħajjef iżjed quddiem din id-dehra. Qatt ma basru li Alla nnifsu ried, mhux biss jurihom min hu, imma jidħol f’intimità magħhom, jgħaqqadhom miegħu. U forsi għalhekk li wara l-qawmien mill-imwiet fehmu iżjed x’kien ġara.

L-għarix ma jibnihx Pietru imma jibnih Alla stess. Sħaba għattiethom minn quddiem għajnejhom u mis-sħaba jinstema l-leħen li jikkonferma dak li kienu qed jaħsbu u li minkejja dik il-bjuda ta’ dawl li jgħammex, ried ikellimhom, jikkomunika magħhom. Isimgħu lilu. Meta tisma’ titkellem minn dak li tisma’. Alla juri li il-biża tagħhom ma kellux jibqa’ iżjed. Issamin ħares lejn wiċċ Alla, mhux talli ma jmutx, talli jittieħed minnu, jsir ħaġa waħda miegħu. M’għadux iż-żmien li l-bniedem jinħeba minn wiċċ Alla, iżda wasal iż-żmien li jfittxu. Jiena wiċċek infittex Mulej, la twarrabx wiċċek minni. F’dan iż-żmien tar-Randan, b’din is-silta, il-knisja turina dan iż-żmien x’inhu tassew; huwa ż-żmien li nfitxxu wiċċ Alla li qed ifittex lil qalbna. Il-wiċċ tal-imħabba ta’ Alla jidher f’Ġesù waħdu magħhom; mhux wiċċ li nbidel u ma tistax tħares lejh, iżda jibqa’ l-wiċċ ta’ Ġesù li jdawwal, jgħader, iħenn u jħobb.

Dan kollu jagħmel ħafna sens wara l-qawmien mill-imwiet, xi ħaġa li d-dixxipli ma fehmux. Mhux għax ma kienux jafu xi jfisser il-kliem. Kienu ntelliġenti biżżejjed biex jifhmu x’jiġifieri tmut, u setgħu jimmaġinaw x’jiġifieri tqum mill-mewt, għalkemm kienu jarawha mpossibli għax qatt ma ġrat. Ma fehmux kif lil dak li kienu għadhom kif raw f’dak is-sebħ, rawh ta’ Alla li hu, qatt setgħu jarawh mejjet. Fehmu l-wasla imma ma fehmux il-mixja. Fehmu t-tmiem imma setgħux iniżżlu t-triq. Qatt ma jkun dan, kien qallu Pietru. Kif jista’ jkun li Alla jmut?

Il-glorja tal-qawmien, Ġesù ma kisibhiex għax miet imma għax ta lilu nnifsu għall-mewt b’imħabba kbira. Għad-dnub m’hemmx tpattija, iżda il-glorja hija l-frott tal-għotja fl-imħabba.

Mill-għotja tagħkom fl-imħabba jkun jaf kulħadd min tassew jien.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: