Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati

Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati


It-Tnejn 26 ta’ Frar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nitolbu ‘l Alla l-grazzja tal-mistħija; qatt m’għandna niġġudikaw lil ħaddieħor – il-Papa Franġisku fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Fl-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku tenna bil-forza din l-istedina li Ġesù jagħmlilna fis-silta tal-Vanġelu tal-lum aktar u aktar fiż-żmien tar-Randan li fih il-Knisja tistedinna niġġeddu.

Ħadd ma jista’ jaħrab mill-ġudizzju t’Alla, kemm dak personali kif ukoll dak universali: ilkoll għad inkunu ġudikati, qal il-Papa. F’dan id-dawl il-Knisja tistedinna nirriflettu fuq l-attitudni tagħna mal-proxxmu u ma’ Alla.

M’għandniex niġġudikaw il-proxxmu u aktar minn hekk għandna naħfru. Ilkoll kemm aħna nistgħu naħsbu li ma niġġudikawx, li m’aħniex imħallfin, innota Franġisku. Imma jekk neżaminaw l-atteġġjamenti tagħna……. Kemm drabi id-diskors tagħna jkun ġudizzju fuq ħaddieħor!

Il-ġudizzju fuq l-oħrajn hi ħaġa kerha ħafna, żied il-Papa, għax l-uniku mħallef hu l-Mulej li jaf li l-bniedem għandu t-tendenza li jiġġudika. Fil-laqgħat li jkollna, pranzu, festin, li jdumu mas-sagħtejn jew aktaar, kemm minuti nqattgħu minnhom niġġudikaw lil ħaddieħor? Ikollkom ħniena, issokta Franġisku, bħalma hu ħanin Missierkom fis-sema.

Imma aktar minn hekk, kunu ġenerużi. Agħtu u jingħata lilkom. X’se jingħatali? Qies marsus, mheżheż tajjeb u mfawwar. L-abbundanza tal-ġenerożità tal-Mulej, meta aħna nkunu mfawwrin bil-ħniena u ma niġġudikawx.

L-istedina hi li jkollna ħniena mal-oħrajn għax bl-istess mod se jkun ħanin magħna l-Mulej u meta l-ġustizzja t’Alla tiltaqa’ mal-mistħija tagħna, hemhhekk tinsab il-maħfra.

It-tieni parti tal-messaġġ li ttina l-Knisja llum hu stedina biex l-atteġġjament tagħna quddiem Alla jkun umli, jiġifieri li nagħrfu li aħna midinbin. Aħna nafu li l-ġustizzja t’Alla hi mimlija ħniena, imma rridu nistqarruh dan: Għalik il-ġustizzja, għalina l-mistħija.

U meta l-ġustizzja t’Alla tiltaqa’ mal-mistħija tagħna, hemhekk ikun hemm il-maħfra. Nemmen jien li dnibt kontra l-Mulej? Nemmen li l-Mulej hu ġust? Nemmen li mimli ħniena? Nistħi quddiem il-Mulej għax jiena midneb? Hekk, sempliċiment: il-ġustizzja hi tiegħek u l-mistħija għalija. U nitolbu l-grazzja tal-mistħija.

Franġisku qal li fil-lingwa ta’ pajjiżu lin-nies li jagħmlu l-ħażen isejħulhom “nies bla mistħija”, u tenna l-istedina biex nitolbu dil-grazzja li qatt ma tonqosna l-mistħija quddiem Alla.

Il-mistħija, temm il-Papa, hi grazzja kbira. Niftakru x’atteġġjament għandu jkollna lejn il-proxxmu, niftakru li bil-qjies li jien niġġudika se nkun iġġudikat, għalhekk m’għandix niġġudika. U jekk ngħid xi ħaġa dwar xi ħadd ieħor, din għandha tkun kumment ġeneruż, mimli ħniena.

L-atteġġjament tagħna quddiem Alla għandu dejjem ikun dan id-djalogu essenzjali: Tiegħek hi l-ġustizzja, għalija l-mistħija.

Ħajr lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: