Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-konfessinarju mhux post ta’ theddid imma post tal-maħfra tal-Missier

Il-konfessinarju mhux post ta’ theddid imma post tal-maħfra tal-Missier


It-Tlieta 27 ta’ Frar, 2018. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Ir-Randan hu żmien li jgħinna nikkonvertu, noqorbu aktar lejn Alla, nibdlu ħajjitna u din hija l-grazzja li għandna nitolbu lill-Mulej għaliha.

 

Fir-riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-liturġija tal-ġurnata, meħuda mill-Ktieb ta’ Iżaija, għandna sejħa għall-konverżjoni, osserva l-Papa waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Franġisku wera x’inhu l-atteġġjament speċjali ta’ Ġesù quddiem id-dnubiet tagħna: ma jheddidx, imma jsejjaħ bil-ħlewwa u jnissel il-fiduċja. Lill-kapijiet u l-poplu ta’ Sodoma u Gomorra jgħidilhom: “Isaw, ejjew ħalli niddiskutu”, wara li kien diġà wriehom liema “ħażen” kellhom jevitaw u liema “tajjeb” kellhom jagħmlu. U l-istess ħaġa jagħme; magħna, qal il-Papa.

Il-Mulej jgħid: “Ejja, isa. Ejjew ħalli nitkellmu ftit”. Ma jbeżżgħaniex. Huwa bħall-Missier ta’ iben adoloxxenti li għadu kif għamel waħda min tiegħu u għandu bżonn iwiddbu. U jaf li jekk imur bil-bastun l-affarijiet ma jmorrux sew, għandu bżonn jaġixxi bil-fiduċja.

F’din is-silta l-Mulej qed ikellimna qiesu qed jgħidilna: “Ejjew, ejjew immoru nieħdu ftit kafè flimkien. Nitkellmu, niddiskutu. Tibżgħux ma’ ġejtx bil-bastun”. U għax jaf li l-iben għamel il-ħażin iżid: “anki jekk dnubietek ħomor skarlatt, isiru bojod bħas-silġ. Jekk huma ħomor kremżi, jsiru bojod bħas-suf”.

Bħall-missier fil-konfront ta’ ibnu adoloxxenti, Ġesù għalhekk, jersaq b’ġest ta’ fiduċja, jersaq biex jibdel il-qalb u jaħfer. Hekk kien għamel, fakkar il-Papa, ma’ Żakkew u ma’ Mattew, u l-istess jagħmel magħna, jurina kif nagħmlu pass ‘il quddiem fil-mixja tal-konverżjoni.

Niżżu ħajr lill-Mulej għat-tjubija tiegħu. Hu ma jridx isawwatna bil-bastun u jikkundannana. Hu ta ħajtu għalina u din hija t-tjubija tiegħu. Hu dejjem ifittex kif se jidħol fi qlubna. U meta aħna s-saċerdoti, minflok il-Mulej, inkunu nisimgħu lil min qed jikkonverti, għandu jkollna l-istess atteġġjament ta’ tjubija, bħalma jgħid il-Mulej: “Ejjew ħa niddiskutu, m’hemmx problema, hemm il-maħfra, mhux it-theddid”.

Il-Papa rrakkonta esperjenza ta’ Kardinal konfessur, li meta xamm li d-dnub kien se jkun “oħxon”, kompla d-djalogu. Dan l-atteġġjament jiftaħ il-qalb, saħaq Franġisku u l-persuna l-oħra tħoss il-paċi fiha. L-istess jagħmel il-Mulej magħna, jgħidilna: “Ejjew ħa niddiskutu, nitkellmu. Ħu l-irċevuta tal-maħfra, għax hemm il-maħfra”.

Jien insibu ta’ għajnuna dan l-atteġġjament tal-Mulej qal il-Papa Franġisku: il-missier mal-iben li jidhirlu li “kiber” imma li jkun għadu nofs triq. U l-Mulej jaf li aħna lkoll ninsabu nofs triq u tant drabi jkollna bżonn nisimgħu dil-kelma: “Ejja, tibżax, ejja għax hemm il-maħra. Dan itina l-kuraġġ, temm il-Papa. Immorru għand il-Mulej b’qalbna miftuħa għax Hu l-Missier li qed jistenniena.”

Ħajr lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Radju Marija.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: