Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018 > Is-Sirja “laboratorju tal-krudeltà”

Is-Sirja “laboratorju tal-krudeltà”


Ittra lill-Poplu ta’ Alla li qed jibgħat l-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, dwar it-traġedja li minnha għaddej il-poplu Sirjan.

Meta l-Ġnus Magħquda ddeskriviet il-gwerra li għaddejja bħalissa fis-Sirja, eżattament f’Ghouta Orjentali qrib Damasku, bħala “l-infern fid-dinja”, seta’ kien hawn min ħaseb li l-Ġnus Magħquda kienet qed tkabbarha żżejjed. Imma meta naraw ċerti xeni ta’ bumbardamenti u saħansitra attakki kimiċi fuq nies ċivili, ma nafx x’jibqgħalna ngħidu! L-għadd tal-feruti u mejtin dejjem jikber.

Qrajt li l-mewġa ta’ attakki li għaddejja bħalissa hija l-aktar waħda gravi f’dawn l-aħħar snin! Il-Papa Franġisku sejjaħ lis-Sirja “laboratorju tal-krudeltà”.

photo_2018-03-01_12-48-57

Il-gravità ta’ dawn l-attakki hija aktar serja meta wieħed iqis li min qed jattakka qed jiġi jaqa’ u jqum mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li fl-24 ta’ Frar li għadda approva riżoluzzjoni biex jieqaf il-ġlied. Minħabba l-ħbit bl-armi, ingħalqu dawk il-kurituri li kienu jservu biex titwassal għajnuna umanitarja lin-nies ċivili, li għal dawn l-aħħar ħames snin prattikament qed jgħixu fi stat ta’ assedju. Biex tkompli tagħqad, dan l-aħħar il-BBC irrapporta li xi operaturi tal-Ġnus Magħquda nqabdu jabbużaw sesswalment minn xi nisa li jersqu għandhom jittallbu l-ikel u għajnuniet umanitarji oħra. Biex dawn in-nisa jakkwistaw għalihom u għal familthom dak li hu bi dritt tagħhom, ġew umiljati billi ntalbu jagħtu prestazzjonijiet sesswali!

Il-qagħda fis-Sirja qed tkompli tikkumplika ruħha għax ħafna min-nies qed jaħarbu mill-pajjiż. Il-fatt li s’issa salpaw mill-pajjiż tnax-il miljun ruħ ikompli joħloq kriżi soċjali. Qrajt li tmenin fil-mija tat-tobba u speċjalisti sanitarji abbandunaw il-pajjiż, u għalhekk sittin fil-mija ta’ dawk feruti bil-gwerra jmutu għax ma għandhomx min jikkurahom u joffrilhom it-terapija meħtieġa. Ftit ilu smajt lill-Isqof Samir Nassar, responsabbli mill-komunità Nisranija Maronita f’Damasku, jgħid li s-sena l-oħra kellhom biss għaxar żwiġijiet u seba’ magħmudijiet, filwaqt li fl-2016 kien hemm tletin żwieġ u erbgħin magħmudija. X’futur jista’ jkollhom l-Insara fis-Sirja?

Diġà dan ix-xenarju fih innifsu għandu jnissel fina mhux biss diqa imma tħassib, għax imġiba ta’ din ix-xorta tikxef kemm il-bniedem kapaċi jsir lupu li jaħtaf lil bnedmin oħra! Imma hu kurjuż u fl-istess waqt inkwetanti li għandna lil Damasku tinħaraq bil-minuti, u ħafna ma għandhom ebda interess f’din il-ġrajja drammatika. Insibha tassew stramba li bħalissa fis-soċjetà tagħna tilmaħ eluf ta’ persuni moħħhom fit-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira, imbagħad ftit li xejn jagħtu kas tal-kalvarju li hemm f’Damasku, fejn kontinwament jitwaqqfu slaleb biex fuqhom jonxru nies innoċenti. Jekk dan huwa minnu, għandna kuntradizzjoni serja ħafna!

Il-qerda umana vasta bħal din tas-Sirja wasslet lill-Papa Franġisku biex imur lil hinn mit-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja dwar il-gwerra. Fil-fatt, hu minn żmien Santu Wistin (fis-seklu erbgħa) li l-Knisja kienet titkellem dwar “il-gwerra ġusta” – tagħlim li jinsab saħansitra fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (paragrafu 2309). Fil-fatt, fi ktieb intervista (Politique et societé, 2017) mas-soċjologu Dominique Wolton, il-Papa Franġisku jgħid li ma teżistix “gwerra ġusta”. “Fil-filosofija politika aħna tgħallimna li, biex tiddefendi lilek innifsek, tista’ tagħmel gwerra. Imma tista’ titkellem fuq gwerra ġusta? Tista’ tagħmel gwerra biex tiddefendi? Ħaġa waħda hemm li hija ġusta: il-paċi”. L-espressjoni “sinna għal sinna” ma tagħmilx sens! Għax tagħjir jiġġenera tagħjir ieħor, kunflitt jikkawża kunflitti oħra, u l-vjolenza ġġib biss vjolenza oħra. Meta llum għadna nisimgħu min jhedded bil-gwerra, nappella lill-awtoritajiet politiċi biex jimpenjaw ruħhom ħalli l-gwerra tiġi deleġittimizzata.

Għalhekk nilqa’ bil-ferħ l-aħbar tat-Tnejn li għadda meta l-President Russu, appoġġjat mill-Istati Uniti tal-Amerika u mill-Komunità Ewropea, talab biex ikun hemm waqfien mill-ġlied għal ħames sigħat kuljum biex l-għajnuniet umanitarji tal-inqas jaslu f’Ghouta u biex jiġu evakwati n-nies ċivili li jinsabu f’żoni ta’ gwerra. Wieħed jittama li l-partijiet involuti f’din il-gwerra jiġu ftit f’sensihom u jagħrfu l-prezz għoli li qed jitħallas f’dan il-ġlied.

Nagħmel tiegħi l-appell imqanqal tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes (CeC) li sar fis-26 ta’ Frar 2018: “Nitolbu lil Alla jagħti l-faraġ lil dawk li minħabba l-gwerra tilfu lill-għeżież tagħhom. Aħna solidali mal-poplu tas-Sirja li għaddej minn ħafna tbatija u nittamaw li jitwettqu x-xewqat tagħhom li jiksbu l-ħelsien u d-dinjità umana. Fl-aħħar nett nitolbu li, permezz ta’ proċess politiku mmexxi mill-Ġnus Magħquda u fi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, tiġi fi tmiemha din il-gwerra assurda”.

Insellem lil dawk is-Sirjani li hawn f’pajjizna, filwaqt li napprezza lil dawk fostna li “laqgħuhom” u offrewlhom l-għajnuna. Inħeġġeġ lill-komunita Nisranija tagħna biex f’dan ir-Randan tfittex tagħmel ġesti anke ċkejkna ta’ mħabba ma’ dawn ħutna. Għax għalkemm dawn huma fiżikament f’artna, żġur li moħħhom tqil u qalbhom feruta minħabba t-tbatija atroċi li għaddejjin minnhom il-familji tagħhom, ħbiebhom u ġenshom.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum l-Erbgħa, 28 ta’ Frar 2018.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: