Riflessjoni dwar il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Angelo Xuereb – Il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu ma nistgħux nifirduhom minn ma’ xulxin. Hemm rabta kbira bejniethom.

Ċiklu ta’ mewt u ħajja
Fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu naraw flimkien il-mewt u l-ħajja. Irrid infisser li għalkemm il-passjoni ta’ Kristu kienet kiefra, u l-mewt tiegħu kienet waħda vera, madankollu Kristu miet biex iqum. Huwa stess kien qal li se jħott it-tempju u wara tliet ijiem jerġa’ jibnih mill-ġdid.

Għalhekk il-mewt ta’ Kristu hija waħda ġlorjuża, kif jgħidilna l-Evanġelista San Ġwann. Il-mewt ta’ Kristu ma kinitx ta’ tellief. Huwa stess għażel li jmur għall-passjoni u l-mewt għas-salvazzjoni tagħna. U fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet. Hekk, permezz ta’ mewtu, rebaħ il-mewt li ma baqgħetx issaltan aktar. Dan ma jfissirx li n-nies ma baqgħux imutu, iżda min jissieħeb miegħu ser iqum bħalu.

Nesperjenzaw dan waqt it-tbatija
Meta nkunu għaddejjin minn xi salib jew tbatija nkunu mexjin wara Kristu msallab. Inkunu ċari: mhux kull min hu għaddej minn xi salib ikun qiegħed miexi wara Kristu. Biex iġġorr is-salib ma’ Kristu jrid ikollok ċerta fidi. Infatti naraw li diversi persuni huma verament batuti iżda ma humiex qegħdin iġorru t-tbatija flimkien ma’ Kristu. U, għalhekk, it-tbatija titqalilhom u jaraw ċerta assurdità fit-tbatija tagħhom.

Min-naħa l-oħra, min iġorr salibu ma’ Kristu, ikun jagħmel dan b’ċerta spirtu ta’ fidi. Iżda dan ma huwiex telf, iżda rebħ. Min iġorr is-salib ma’ Kristu għandu garanzija ta’ rebħ tassew. Kristu għadda mill-mewt għall-ħajja permezz tal-misteru ta’ l-Għid. U hekk ukoll jiġrilu min iġorr salibu b’ċerta spirtu ta’ fidi.

Il-ħajja nisranija hija rebħ
Dan kollu jurina li l-Kristjaneżmu huwa reliġjon ta’ rebħ u ta’ ferħ. Min għandu f’moħħu li r-reliġjon nisranija hija reliġjon li toqtol il-ferħ, tassew għadu ma fehem xejn. Il-Kristjaneżmu huwa reliġjon ta’ ferħ għaliex Kristu ma mietx u baqa’ mejjet iżda fit-tielet jum qam mill-imwiet rebbieħ u glorjuż biex ma jmutx aktar. U għalhekk din ir-reliġjon twegħidna l-qawmien mill-imwiet, li huwa xi ħaġa sabiħa u pożittiva.

Ċaħdiet
Iżda dan ma jfissirx li ma jkollniex nagħmlu ċaħdiet. Li tagħmel ċaħda fil-ħajja hija xi ħaġa naturali u ma tmurx kontra r-raġuni. Nirriflettu ftit: Ara kemm persuni jagħmlu dieti u jiċċaħdu minn ikel biex iħarsu saħħithom u kemm jagħmlu sagrifiċċji biex jilħqu xi ideal li jkollhom. U f’dan is-sens għandna naraw iċ-ċaħdiet li jgħallimna l-Kristjaneżmu.

Meta n-nisrani jitħabat biex ma jagħmilx dnub, dan hu sagrifiċċju biex jimxi ’l quddiem fit-triq tal-virtù, imma ma jkunx jagħmlu b’sens ta’ telf, iżda ta’ rebħ. Inkunu nimxu fuq il-passi ta’ Kristu. L-ewwel bata iżda mbagħad qam minn bejn l-imwiet. U proprju meta negħlbu lilna nfusna li nkunu qegħdin nirbħu. Inbatu ftit, iżda r-rebħa narawha dak il-ħin stess. Inħossu ċerta kwiet u paċi li Alla biss jaf jagħti. Barra minn hekk, il-ħajja t-tajba mgħajxa ma’ Kristu teħodna lejn il-qawmien.

Iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa huwa ta’ ferħ
Ikun jiżbalja min iqis il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa bħala jiem ta’ arja ta’ dwejjaq. Veru nkunu nfakkru lil Kristu għaddej mill-passjoni; marbut mal-kolonna; inkurunat bix-xewk; iġorr is-salib; u msallab. Iżda għandna niftakru li passjoni ta’ Kristu kienet mogħdija għall-qawmien.

Permezz tal-qawmien ta’ Kristu l-għadu antik tal-bniedem, jiġifieri l-mewt, li daħlet permezz ta’ Adam, intrebħet. Veru li l-bnedmin baqgħu jmutu, iżda minn jimxi wara Kristu għandu garanzija li jekk imut fil-grazzja ta’ Alla, ruħu tmur il-ġenna u jqum fl-aħħar jum b’ġisem glorjuż.

Għalhekk il-Ġimgħa Mqaddsa hija mixja lejn ir-rebħa ta’ l-Għid. Peress li aħna, bħala bnedmin, ġarrabna kemm-il darba t-tbatija, forsi b’hekk aktar nidħlu fl-ispirtu tat-tbatijiet ta’ Kristu. Iżda ma nafux x’inhija l-glorja. Din nittamawha permezz tal-fidi.

Għidt “permezz tal-fidi”. Il-glorja ma nafux xi tfisser għaliex qatt ma ġarrabnieha. Iżda l-fidi turina li teżisti. Għalhekk, flimkien mal-fidi, għandna bżonn tat-tama. Aħna l-bnedmin nittamaw f’ħajja aħjar. U din hija stimulu biex nittamaw fil-ħajja eterna u fil-qawmien mill-imwiet.

Spirtu ta’ talb
Dan li għedna ma huwiex xi ħaġa li nirraġunawha, għalkemm ma tmurx kontra r-raġuni. Iżda huwa tagħlim li jmiss il-moħħ u l-qalb biex nixbhu lil Kristu. Biex ngħixu dan it-tagħlim jeħtieġ li nikbru fl-ispirtu ta’ talb. Jekk ma nitolbux, żgur li ma nistgħux ngħixu l-ħajja nisranija. Min ħlief Kristu jista’ jagħtina l-qawwa biex nimxu fuq il-passi tiegħu?

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading