Biex insaħħnu qalbna mill-ġdid!


L-ebda qalb ma ġiet maħluqa biex tgħix b’mod iffriżat! Kiesħa mewt! Nieqsa għal kollox minn kull emozzjoni ta’ mħabba vera! Qalb li, stanga u hi, xorta waħda! Le! Din mhix ħaġa! Din nazzarda nsejħilha purkerija mill-kbar nett! Għax din xi ħaġa li hi tassew tal-mistħija! Għax ħażina nfern!

Huwa f’dan id-dawl li wieħed irid jara l-messaġġ mill-isbaħ għar-Randan li tana Papa Franġisku. Tant kemm dan il-punt qiegħed f’qalb il-Papa li, apposta, semma t-titlu tal-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena: “Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f’ħafna” (Mt 24:12). Imma, ngħid jien, fuq liema ħażen il-Papa qiegħed jitħaddet?

Huwa dak il-ħażen li ċertu profeti foloz qiegħdin ixxerrdu fi żminijietna. Dawn il-profeti foloz huma “bħal ‘saħħara tas-sriep’, jew aħjar, japprofittaw mill-emozzjonijiet umani biex ijassru l-persuni u jwassluhom fejn iridu huma”. Huma dawk il-profeti li jħabbru b’għemilhom “il-ħajriet tal-pjaċir ta’ ftit mumenti”. U, l-għaliex jaqblilhom, dan il-pjaċir ipinġuh “hena”. Dawn il-profeti jogħxew “mill-illużjoni tal-flus”. Tant li jħallu lill-flus “jagħmluhom ilsiera tal-profitt jew ta’ interessi msejkna”. Dawn il-profeti jaħsbu li qiegħdin fil-ġenna tal-art l-għaliex “jaħsbu li biżżejjed huma għalihom infushom”. Imma jispiċċaw migduma l-għaliex “jaqgħu priża tas-solitudni” stess!

Jeżiżtu mbagħad il-profeti foloz li l-Papa jsejħilhom iċ-“ċarlatani.” Issa dawn il-profeti foloz huma fil-fatt ċarlatani l-għaliex “joffru soluzzjonijiet sempliċi u immedjati għat-tbatijiet, rimedji, imma, li nafu li huma kompletament ineffikaċi”. U int issejħilhom rimedji dawk tad-“droga, ta’ relazzjonijiet ‘uża u armi’, ta’ gwadanni faċli imma diżonesti”? U l-għaliex dawn it-talin huma foloz? Jissokta l-Papa: “Dawn il-qarrieqa, li joffru ħwejjeġ bla valur, minflok, ikunu jqaċċtu dak li hu l-iżjed prezzjuż, bħalma huma d-dinjità, il-libertà u l-ħila li wieħed iħobb. Hu l-qerq tal-vanità li jwassalna biex naqtgħu figura ta’ paguni… biex imbagħad naqgħu fir-redikolu; u mir-redikolu ma terġax tqum lura”.

Għalhekk dan kollu x’jurina jekk li “minn dejjem ix-xitan, li hu ‘giddieb u missier il-gideb’ (Ġw 8:44), ippreżenta l-ħażen bħala ġid u l-falz bħala veru, biex iħawwad il-qalb tal-bniedem”? Mela kemm hu meħtieġ li kull wieħed u waħda minna, kif jgħid il-Papa, “jiddixxerni fil-qalb tiegħu u jgħarbel jekk hux qed jiġi mhedded mill-gideb ta’ dawn il-profeti foloz”. Kemm hu tabilħaqq importanti li “nagħrfu dak li jista’ jħalli ġo fina marka tajba u li ttul iżjed”. Għax hu dan BISS li hu “ġej minn Alla u jiswa tabilħaqq għall-ġid tagħna”.

Il-kesħa madwarna tinħass bil-kbir meta niġu maħkuma “mir-regħba għall-flus, ‘l-għerq ta’ kull ħażen’ (1 Tim 6:10)”. U xi tħalli din ir-rebgħa? Il-kesħa tad-deżolazzjoni u tal-vjolenza. Dik il-vjolenza li toħodha kontra “it-tarbija li għadha ma twelditx, l-anzjan marid, dak li jgħaddi jżurna, il-barrani, imma anki l-proxxmu li ma jikkorrispondix max-xewqat tagħna”. Imbagħad din il-kesħa turi ruħha “[f]l-art hi avvelenata miż-żibel mormi b’għażż jew għall-gwadann; l-ibħra, anki huma mniġġsa, ikollhom jgħattu l-fdalijiet ta’ tant nawfraġji tal-migrazzjonijiet sfurzati; is-smewwiet – li fil-pjan ta’ Alla jgħannu l-glorja tiegħu – huma mċarrta minn magni li jwaddbu xita ta’ għodod tal-mewt”. Din il-qalb kiesħa hija murija saħansitra fil-Knisja. Is-sinjali tagħha huma “l-għażż egoista, il-pessimiżmu sterili, it-tentazzjoni li niżolaw ruħna u li nimpenjaw ruħna fi gwerer kontinwi li joqtlu l-aħwa, il-mentalità mondana li twassalna biex nagħtu kas biss ta’ dak li jidher minn barra, u hekk iġġib fix-xejn il-ħeġġa missjunarja”.

Il-qalb kiesħa tissaħħan bit-talb! Ejjew “inħallu l-qalb tagħna tiskopri l-gideb sigriet li bih inqarrqu bina nfusna, biex nistgħu saflaħħar infittxu l-faraġ ta’ Alla”. Il-qalb tissaħħan “bit-tħaddim tal-karità” li “jeħlisna mir-regħba u jgħinna niskopru li l-persuna l-oħra hi ħuna u oħtna: dak li għandi qatt ma huwa tiegħi waħdi”. Fl-aħħar nett, il-qalb kiesħa tissaħħan bis-sawm. Jiġifieri dak is-sawm li “iġibna f’sensina, jagħmilna iżjed attenti għal Alla u għall-proxxmu, jerġa’ jqajjimna għar-rieda li nobdu lil Alla li, waħdu, jista’ jaqta’ l-ġuħ tagħna”.

Ejjew nersqu mill-ġdid b’ferħ, b’umiltà u bi gratitudni lejn il-qrar imqaddes f’dan ir-Randan biex qalbi u qalbek terġa’ tissaħħan mill-ġdid bl-imħabba ta’ Ġesù Kristu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.