Qabbadtni l-bard!


Ġieli ġralek li, waqt li tkun qed titħaddet ma’ xi ħadd, waqt il-famuża diskursata, tgħidlu jew tgħidilha xi ħaġa u li għaliha, dik il-persuna, twieġbek: Qabbadtni l-bard? Ġieli ġara li, dik il-persuna li tkun qed tirrakkkonta, tkun qalet xi ħaġa u, hi stess, tgħidlek: Qabbadtni l-bard? Xi jkun qed jiġri verament f’dawn il-waqtiet?

Hawnhekk, personalment, nara l-miżerja f’min ma jemminx jew inkella f’min iwaqqa’ l-Ispirtu s-Santu għaċ-ċajt. Ħbieb, ir-rejaltà hija ħafna lil hinn minn dak li jaħseb u jipprinzipja moħħi! Ir-rejaltà, il-biċċa l-kbira tagħha, ma tidhirx għall-għajnejn tal-ġisem. Issa dan nistgħu narawh minn ġisimna stess. Aħna naraw l-effetti tax-xogħol li ma jidhirx u li qed iseħħ f’ġisimna. Meta ngħolli idi nara l-effetti tal-enerġija u tas-saħħa li għandha idi. Biss ma nara qatt is-saħħa ta’ idi fiha nnifisha.

Issa, jekk dan iseħħ fil-ħwejjeġ tal-ġisem aħseb u ara mela kemm iseħħ fir-rejaltà spiritwali! Int ħu l-virtujiet tal-imħabba, tal-ħniena, tal-ħlewwa, tas-sabar, tal-għerf, tal-għaqal, tal-kuraġġ u l-bqija. Li nara fija hu l-effetti tagħhom. Madankollu, lilhom, għalihom infushom, ma narahomx. Iżda l-għemejjel kollha tiegħi li huma mimlija mħabba, ħniena, ħlewwa, sabar, għerf, kuraġġ u l-bqija jingħarfu li huma hekk. U jinħassu li fihom għandhom din ix-xrara mill-essenza li hi IMĦABBA, ĦNIENA, ĦLEWWA, SABAR, GĦERF, GĦAQAL, KURAĠĠ U L-BQIJA.

Qabbadni l-bard b’dak li għedtli! Eh ħbieb! Il-Mulej jikkonfermalna dak li jagħtina. U jurina dak li jkun ilu li beda jurina. L-għaliex, kuntrarju għal dak li taħseb id-dinja u l-ħajja mgħaġġla u mġenna li qed ngħixu fiha, il-Mulej jaħdem. Jinseġ. Jitħaddet. Jiġbed l-attenzjoni. U dan ix-xogħol kollu jagħmlu l-bogħod mill-cameras tat-televiżjoni. Il-Mulej dan jagħmlu fil-moħbi tal-qalb u tal-qlub. Mhux ħa joqgħod iparlalek fil-vojt tafux! U lanqas m’hu se jiffanfra x’se jagħmel jew ma jagħmilx bħalma nsib lili nnifsi nagħmel jien. Le! Il-Mulej għaref! Qaddis! Il-Mulej jimxi ma’ dak il-prinċipju mill-isbaħ li qaddisin kbar, bħal San Ġorġ Preca, kienu jimxu fuqu: Il bene non fa chiasso e il chiasso non fa bene! Jiġifieri t-tajjeb ma jagħmilx storbju u l-istorjbu ma jagħmilx tajjeb!

Jien lill-Mulej niggustah. L-għaliex jitħaddet bin-nies sempliċi. Isimgħu din is-sentenza ħelwa ta’ Ġesù fil-vanġelu ta’ San Mattew: “Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11:25-26). Iċ-ċkejknin! Kemm huma mbierka! Imma, ngħid jien, dawn iċ-ċkejknin min huma? Huma dawk li huma żgħar fl-età? Inkella dawk li ma marrux jistudjaw l-università? Jew, saħansitra, dawk li tgħallmu ftit tal-iskola?

Kien hemm żmien ħbieb fejn kont naħseb hekk. Kien hemm żmien fejn kont inħares lejn dawk li tgħallmu ftit u kont ngħid li huma ċkejknin. Imma ħej, meta smajthom jitħaddtu, u rajt f’liema bassezza waqgħu b’dak li qalu, l-għaliex kienu boloħ u ma ħasbux minn qabel fil-konsegwenzi ta’ dak li kienu se jgħidu, intbaħt li dawn spiċċaw ħafna agħar minn dawk li għandhom l-għerf tal-kotba! Għax dawn, bil-paroli żejjed tagħhom, ippreżentaw ruħhom li huma xi nies ta’ għerf u dehen mill-aqwa. Imma spiċċaw biex waqgħu fil-baxx. U ġabu lilhom infushom fi nkwiet kbir. L-għaliex assumew għalihom dak li ma kienux. Kienu biss imitation! U mhux tad-ditta! U int x’taħseb imbagħad li jiġrilhom il-prodotti tal-imitation? Mhux li jiġu skartati l-għaliex jispiċċaw tgħabija fuq l-istonku? Mela ejja jiena u int QATT u għall-ebda raġuni ma nkunu imitation! Ejjew inkunu dak li l-Mulej tassew iridna nkunu. Anki jekk inħossuna xejn. U anki jekk inħossuna waħedna.
Wara kollox l-ġid isir meta jiena ma nħossx li qed nagħmlu. Meta t-tajjeb li l-Mulej jurini li għandni nagħmel nagħmlu fil-moħbi. Mingħajr ħafna daqq tat-trombi. Fis-skiet. Fis-satra. Fil-ġabra. Fil-fidi. Fil-ħlewwa. Fis-sabar. U dan juriehulna Ġesù stess meta jgħidilna:

“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet. Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu” (Mt 6:1-4).

Mela, il-kriterju li jien għandi nagħmel il-ġid m’għandux ikun biex jien inħossni tajjeb. U lanqas biex inħossni utli għal ħaddieħor. Meta nġib ruħi b’dan il-mod jiena inkun qed nirraġuna hekk : Glorja lili nnifsi u lili nnifsi u lili nnifsi BISS kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen. Żbaljata ħbieb! L-għaliex, safejn naf jien, it-talba qiegħdha Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu issa u dejjem u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Amen. L-attenzjoni mela mhux aktar jien iżda l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu! Eżatt kif qed jgħidilna Ġesù fil-vanġelu: “Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu”. Iċ-ċentru ta’ kollox hu Missierek, li jara dak li hu moħbi! Dak iroddlok hu!

U jrodd mhux biss il-premju tal-ħajja ta’ dejjem ħbieb. Irodd meta jużak għall-ġid tal-oħrajn. B’mod moħbi. Mingħajr ma tkun taf. L-għaliex int ċkejken u ċkejkna. Jiġifieri int wieħed u waħda minn dawk li jiddependu fuq il-Mulej l-għaliex waħedhom iħossuhom tgħaffiġa waħda. L-għaliex, fil-fond ta’ qalbhom, jafu li mingħajru m’huma xejn. F’kelma waħda, bħalma darba għallmittni persuna, huma dawk li għandhom ¬l-umiltà f’qalbhom!

Issa, jekk il-Mulej jagħti l-Ispirtu tiegħu lil min quddiemu jammetti u tammetti, li waħdu u waħedha m’huma kapaċi għal xejn, nixtieq nistiednek biex, matul din is-sena u għal ħajtek kollha, int ukoll tibda’ l-ġurnata tiegħek b’din il-konsagrazzjoni tiegħek lill-Ispirtu s-Santu. Aktar ma tintelaq f’idejn dan il-Manager, l-Avukat, il-Konsolatur, it-Tabib u l-bqija, aktar se jkompli jużak biex bik jitfa’ lilu nnifsu. Jiġifieri jitfa dik iż-żiffa friska fl-oħrajn, u fuq kollox, f’ħajtek stess. Hawn hi l-konsagrazzjoni li biha tista’ tibda’ kuljum il-ġurnata tiegħek:

Ejja Spirtu s-Santu! O Spirtu s-Santu, ilqa’ il-konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tiegħi innifsi lilek. Fl-għemejjel kollha tiegħi agħtini l-grazzja li tkun għalija. Id-dawl tiegħi, Il-gwida tiegħi, Il-qawwa tiegħi, U l-imħabba ta’ qalbi. Nerħi lili nnifsi f’idejk u nitolbok biex tagħtini l-grazzja li nobdi u nwettaq dak kollu li tnebbaħni nagħmel. Spirtu s-Santu ibdilni permezz ta’ Marija u ma’ Marija fix-xbieha ħajja ta’ Kristu Ġesù għall-glorja tal-Missier u għas-salvazzjoni tad-dinja. Amen.

Il-Mulej juża’ l-umli li jfittex il-glorja tiegħU u mhux tiegħu nnifsu. Juża lil min ma jiffanfrax, lil min jagħmel il-ġid mingħajr id-daqq ta’ ħafna trombi. Juża lil min iwettaq ħafna u jparla mill-anqas. Juża lil min jfittex li jikber permezz ta’ kulħadd. Juża lil min jitolbu u jobdih biex jagħraf it-tajjeb mill-ħażin. Juża lil min jaċċetta korrezzjoni u mhux jaħrab minnha. Juża lil min jassumi kull responsabbiltà ħalli biha jikber biex hekk iwassal il-pjanijiet ta’ għerfU.

Wara kollox din m’hijiex kwistjoni kemm nemmen jew ma nemminx imma kemm, f’dak il-mument ta’ grazzja, jiena niftaħ qalbi għall-Mulej u nwettaq dak li jgħidli l-Ispirtu tiegħu ġewwa fija.

Mulej, issokta qabbad il-bard tal-preżenza friska tiegħek b’min hu tassew umli quddiemek. Amen.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.